SAN ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI

Diskors Memorabbli li qatt ma sar.

L-Erbgħa, 13 ta’ Mejju 1981

 

Qabel l-udjenza ġenerali tat-13 ta’ Mejju, Ġwanni Pawlu II safa ferut fi Pjazza San Pietru, waqt li kien qed jagħmel permezz tal-kampanjola l-bajda s-solita dawra biex iwieġeb għat-tislima entużjasta tal-fidili u tal-pellegrini. Fil-17.19 il-Papa safa vittma ta’ attentat imwettaq minn ġuvni Tork bl-isem ta’ Agca. Waqt l-udjenza ġenerali l-Qdusija Tiegħu kellu f’moħħu li jipproponi għall-eluf ta’ fidili preżenti tema għażiża u qrib sewwa tiegħu u tal-Knisja: dik tax-xogħol u tal-ħaddiema fl-okkażjoni tad-disgħin anniversarju mill-pubblikazzjoni tar-“Rerum Novarum”, l-enċiklika kbira ta’ Ljun XIII. Hawn taħt qegħdin nippublikaw it-test tad-diskors li Ġwanni Pawlu kellu jindirizza lill-fidili.

1. Fil-ġimgħat li għaddew, matul il-laqgħat tagħna fl-udjenzi ġenerali tal-Erbgħa wettaqt ċiklu ta’ katekeżi bbażat fuq il-kliem ta’ Kristu fid-Diskors tal-Muntanja.

Illum, għeżież ħuti fi Kristu, nixtieq nibda serje ta’ riflessjonijiet dwar tema oħra biex nenfasizza b’mod dehen data li jixirqilha tkun miktuba b’ittri tad-deheb fl-istorja tal-Knisja moderna: il-15 ta’ Mejju 1891. Infatti għaddew disgħin sena minn meta l-predeċessur tiegħi Ljun XIII ippubblika l-enċiklika fundamentali soċjali Rerum Novarum,  li mhux biss kienet kundanna qawwija u ħierġa mill-qalb tal-“miżerja mhix mistħoqqa” li fiha kienu jinsabu l-ħaddiema ta’ dak iż-żmien, wara l-ewwel perijodu tal-użu tal-magna ndustrijali fil-qasam tal-impriża, imma poġgiet speċjalment is-sisien għal soluzzjoni ġusta ta’ dawk il-prpblemi gravi tal-konvivenza umana li jgħaddu taħt l-isem ta’ “kustjonijiet soċjali”.

2. Għaliex wara tant snin il-Knisja tfakkar mill-ġdid l-enċiklika Rerum Novarum?

Bosta huma r-raġunijiet. Qabel kollox ir- Rerum Novarum tikkostitwixxi u hija “il-magna carta tal-operożità soċjali Kristjana”, bħal ma ddefiniha Piju  XII (Piju XII, Radiomessaggio per il 50° della Rerum Novarum: Discorsi e Radiomessaggi, III [1942] 911); u Pawlu VI żied li l-“messaġġ tiegħu ikompli jispira l-azzjoni għall-ġustizzja” (Pawlu VIOctogesima Adveniens, 1) fil-Knisja u fid-dinja kontemporanja; hija hija wkoll dimostrazzjoni  inkonfutabbli tal-attenzjoni anzjuża u diliġenti tal-Knisja għad-dinja tax-xogħol.

Il-leħen ta’ Ljun XIII għola kuraġġuż f’difiża tal-maħqurin, tal-fqar, tal-umli, tal-isfruttati, u ma kienx għajr l-eku tal-leħen ta’ Dak li kien ipproklama beati lill-foqra u l-imġewħin tal-ġustizzja. Il-Papa, waqt li segwa l-impuls u l-istedina “tal-kuxjenza tal-Ministeru Apostoliku tiegħu” (cf. Ljun XIII, Rerum Novarum, 1), tkellem: mhux biss kellu d-dritt, imma wkoll u speċjalment id-dmir. Dak li infatti jiġgustifika l-intervent tal-Knisja u tar-Ragħaj Suprem tagħha fil-kwistjonijiet soċjali, huwa dejjem il-missjoni rċevuta mingħand Kristu li ssalva l-bniedem fid dinjità integrali tiegħu.

3. Il-Knisja hija fil-vokazzjoni tagħha msejħa biex tkun kullimkien id-difensur fidil tad-dinjità umana, omm il-maħqurin u l-emarġinati, il-Knisja  tal-batuti u tal-foqra. Hija trid tgħix il-verità kollha miġbura fil-Bejatitudni evanġeliċi, speċjalment l-ewwel waħda, “Imberkin il-foqra tal-ispirtu”; trid tgħallimha u tipprattikaha bħal ma għamel il-Fundatur Divin tagħha li ġie biex jagħmel u jgħallem (cf. At 1,1).

Bħal ma osservajt is-sena l-oħra fid-diskors tiegħi lill-ħaddiema ta’ Sao Paolo fil-Brazil, “il-Knisja meta tipproklama l-Vanġelu, mingħajr ma tabbanduna x-xogħol tagħha speċifiku tal-evanġelizzazzjoni, tfittex li tikseb li l-aspetti kollha tal-ħajja soċjali li fihom timmanifesta ruħha l-ġustizzja jġarrbu trasformazzjoni lejn il-ġustizzja” (Ġwanni Pawlu II, Allocutio ad operarios in urbe Sao Paulo, 3; 3 ta’ Lulju 1980: Insegnamenti di Giovanni Paolo II, III/2 [1980] 83). Il-Knisja hija koxjenti ta’ din il-missjoni għolja tagħha: Għalhekk hija tinserixxi ruħha fl-istorja tal-popli, fl-istituzzjonijiet tagħhom, fil-kultura tagħhom, fil-problemi tagħhom, fil-bżonnijiet tagħhom. Trid tkun solidali ma’ wliedha u mal-umanità kollha, waqt li taqsam id-diffikultajiet u l-qsim il-qalb u waqt li tagħmel b’tagħha talbiet ta’ min qed ibati jew huwa vittma tal-inġustizzja. Qawwija bil-kliem etern tal-Vanġelu, hija tesponi dak kollu li joffendi lill-bniedem fid-dinjità tiegħu ta’ “xbiha ta’ Alla” (Ġen 1,27) u fid-drittijiet fundamentali, universali, invjolabbli, inaljenabbli; dak kollu li jfixkel il-kobor skont il-pjan ta’ Alla. Dan jifforma parti mis-servizz profetiku tagħha.

4. Kellu raġun Piju XI jisħaq li r- Rerum Novarum ippreżentat lill-umanità idejal soċjali manifiku,  waqt li akkwistatu mis-sorsi dejjem ħajjin u vitali tal-Vanġelu! (cf. Piju XI, Quadragesimo Anno, 16.)

Fuq il-passi tad-dokument bażilari leonjan il-predeċessuri meqjumin tiegħi ma naqsux, f’ċirkustanzi numerużi, li jwettqu mill-ġdid dan id-dritt u dan id-dmir tal-Knisja li tagħti direttivi morali f’qasam, bħal dak soċju-ekonomiku, li għandu rbit dirett mal-fini reliġjuż u soprannaturali tal-missjoni stess tagħha. Il-Konċilju Vatikan II reġà qabad tali tagħlim waqt li enfasizza li “huwa kompitu tal-Knisja kollha li tgħin lill-bnedmin sabiex ikunu kapaċi li jibnu sewwa l-ordni kollu temporali u li jorganizzawh għal Alla permezz ta’ Kristu” (Apostolicam Actuositatem, 7).

Hekk joħroġ l-ewwel tagħlim kbir taċ-ċelebrazzjoni ta’ dan id-disgħin anniversarju: dak li jirriafferma d-dritt u l-kompetenza tal-Knisja li “teżerċita mingħajr ostakli l-missjoni tagħha fost il-bnedmin u li tagħti ġudizzju morali wkoll fuq ħwejjeġ li jirrigwardaw l-ordni politiku, meta dan ikun mitlub mid-drittijiet fundamentali tal-persuna u mis-salvazzjoni tal-erwieħ” (Gaudium et Spes, 76): dak li jirrendi dejjem iktar kuxjenti il-Knejjes lokali, is-saċerdoti, ir-reliġjużi, il-lajċi bid-dritt-dmir sabiex jagħmlu sforzi ntensivi għall-ġid ta’ kull bniedem, u biex ikunu f’kull waqt id-difensuri u l-artefiċi tal-ġustizzja awtentika fid-dinja.

5. Waqt li naraw b’għajn serena l-ġrajjiet storiko-soċjali li seħħew fid-dinja tax-xogħol minn dak l-imbiegħed Mejju tal-1891, hemm bżonn nagħrfu b’sodisfazzjon li saru passi kbar u trasformazzjonijiet kbar twettqu bl-iskop li jirrendu l-ħajja tal-klassijiet tal-ħaddiema iktar addattata għad-dinjità tagħhom.

Ir-Rerum Novarum kienet ħmira u fermentazzjoni ta’ tali trasformazzjonijiet fertili. Permezz tagħha il-Papa Ruman injetta fil-qalb ħaddiema is-sentiment u l-għarfien tad-dinjità umana, ċivili u kristjana tagħha; iffavorixxa il-qawmien ta’ assoċjazzjonijiet sindakali tal-ħaddiema fid-diversi Pajjiżi, wissa lill-governanti u lin-Nazzjonijiet dwar id-dmirijiet tagħhom lejn il-maħqura u l-fqar, waqt li stieden lill-Istati għall-ħolqien ta’ politika soċjali, umana u intelliġenti li kisbet  għarfien fil-formulazzjoni u fir-rispett tad-dritt ta’ xogħol u għax-xogħol għaċ-ċittadini kollha.

6. Ir-Rerum Novarum terġà tilbes imbagħad għall-Knisja importanza partikolari għaliex tikkostitwixxi punt ta’ riferenza dinamiku tad-duttrina tagħha u tal-azzjoni soċjali tagħha fid-dinja kontemporanja.

Matul is-sekli mill-oriġni tagħha sallum, il-Knisja dejjem iltaqgħet u kkonfrontat mad-dinja u l-problemi tagħha, waqt li dawlithom għad-dawl tal-fidi u tal-morali ta’ Kristu. Dan iffavorixxa  l-kjarifika u l-qawmien, tul l-ark tal-istorja, ta’ korp ta’ prinċipji ta’ morali soċjali kristjani, magħrufa llum bħala Duttrina Soċjali tal-Knisja. Huwa mertu tal-Papa Ljun XIII li fittex l-ewwel wieħed li jagħtiha karattru organiku u sintetiku. Hekk nibda minn parti tal-Maġisteru il-kompitu ġdid u delikat, li huwa wkoll impenn kbir ta’ rielaborazzjoni għal dinja f’kambjament kontinwu ta’ tagħlim kapaċi jwieġeb għall-esiġenzi moderni jekk mhux ukoll għat-trasformazzjonijiet mgħaġġla u kontinwi tas-soċjetà ndustrijali, u fl-istess ħin att biex jipproteġi d-drittijiet sew tal-persuna umana kif ukoll tan-Nazzjonijiet żgħażagħ li jidħlu jagħmlu parti mill-komunità nternazzjonali.

7. Tali tagħlim soċjali - kif żvelajt ġewwa Puebla - “jitnissel għad-dawl tal-Kelma ta’ Alla u tal-Maġisteru awtentiku, mill-preżenza tal-insara fi ħdan is-sitwazzjonijiet mutevoli tad-dinja, f’kuntatt mal-isfidi li jiġu minnhom” (Ġwanni Pawlu II, Allocutio ad Episcopos Americae Latinae, III Coetu Generali ineunte, III, 7, 28 ta’ Jannar 1979:Insegnamenti di Giovanni Paolo II, II [1979] 208). L-oġġett tiegħu huwa u jibqà dejjem id-dinjità sagra tal-bniedem xbiha ta’ Alla, u  jipproteġiha mid-drittijiet inaljenabbli tagħha;  l-iskop tiegħu ir-rejalizzazzjoni tal-ġustizzja mifhuma bħala promozzjoni u liberazzjoni integrali tal-persuna umana fid-dimensjoni tagħha terrena u traxxendenti, is-sies tiegħu, il-verità dwar l-istess natura umana, verita miksuba mir-raġuni u lluminata mir-Rivelazzjoni; il-qawwa tiegħu influwenti, l-imħabba bħala preċett evanġeliku u norma ta’ azzjoni. Forma ta’ konċezzjoni dejjem attwali u fertili tal-għixien soċjali, il-Knisja, fl-iżvilupp f’dan l-aħħar seklu, bil-kollaborazzjoni ta’ saċerdoti u lajċi lluminati, it-tagħlim soċjali tagħha, ta’ natura reliġjuża u morali, ma jillimitax ruħu biex joffri ptinċipji ta’ riflessjoni, orjentamenti, direttivi, konstatazzjoni jew ċanfir, imma jippreżenta wkoll normi ta’ ġudizzju u direttivi għall-azzjoni li kull kattoliku huwa msejjaħ biex iqiegħed il-bażi tal-esperjenza għaqlija tiegħu biex imbagħad jittraduċiha fir-realtà fil-kategoriji operattivi ta’ kollaborazzjoni u impenn (cf. Pawlu VI, Evangelii Nuntiandi, 38).

Dinamika u vitali, id-Duttrina Soċjali, bħal kull realtà ħajja, issir minn elementi duraturi u supremi, u minn elementi kontinġenti li jippermettu l-evoluzzjoni u l-iżvilupp f’sinkroniżazzjoni mal-urġenza tal-problemi pressanti, mingħajr ma jitnaqssu l-istabilità u ċ-ċertezza fil-prinċipji u fin-normi fundamentali.

8. Waqt li nfakkar id-90° anniversarju tal-enċiklika leonjana, fuq il-passi u fi qbil mal-Maġisteru tal-predeċessuri tiegħi, nixtieq għalhekk nasserixxi l-importanza tat-tagħlim soċjali bħala parti integrali tal-konċezzjoni kristjana tal-ħajja.

Fuq dan l-argument ma nqastx fil-laqgħat spissi ma’ ħuti fl-episkopat li nirrakkomanda għall-puntwalità pastorali tagħhom il-bżonn u l-urġenza biex  iqanqlu l-għarfien tal-fidili tagħhom fuq il-ħsieb soċjali kristjan, sabiex l-ulied kollha tal-Knisja jkunu mhux biss istruwiti fid-duttrina, imma wkoll edukati fl-azzjoni soċjali.

Ħuti! Nerġgħu lura mill-ġdid iktar fit-tul fuq id-diversi temi u problemi li l-anniversarju tal-enċiklika, Rerum Novarum iqanqal. Biex nagħlqu din ir-riflessjoni tiegħi tallum irrid inwieġeb għall-mistoqsija magħmula fil-bidu. Iva, l-enċiklika Rerum Novarum għad għandha wkoll illum il-vitalità stimolanti u operanti għall-Poplu ta’ Alla, ukoll jekk dehret fl-imbegħda 1891. Iż-żmien ma temmhiex, imma wettaqha; tant li l-insara jħossuha hekk fertili li jiġbdu minnha l-kuraġġ u l-azzjoni għall-iżviluppi ġodda tal-ordni soċjali li d-dinja tax-xogħol hija nteressata fihom. Inkomplu mela ngħixu l-ispirtu b’impetu u ġenerożità, waqt li nipprofondixxu b’imħabba ħaddiema it-toroq skedati mill-Maġisteru soċjali attwali u waqt li ninterpretaw b’ġenjalità krejattiva l-esperjenzi taż-żminijiet il-ġodda.

 

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.