L

A

I

K

0

S

 

Home  

Kuntatt

 

Omelija tal-Papa Ġwanni Pawlu II

 

Il-Papa Ġwanni Pawlu II fil-ċella tal-kamp ta' Auschwitz fejn kien miżmum pruġuniet San Massimailjani Marija Kolbe.

L-OMELIJA TAL-PAPA SAN ĠWANNI PAWLU II

FIL-QUDDIESA TAL-KANONIZZAZZJONI

TA’ SAN MASSIMILJANU MARIJA KOLBE

FI PJAZZA SAN PIETRU, FIL-VATIKAN,

NHAR IL-ĦADD 10 TA’ OTTUBRU 1982.

 

1.     “Ħadd m’għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu” (Ġw. 15,13).

 

Mil-lum, il-Knisja tixtieq issejjaħ “qaddis” lil raġel li lilu ngħatat l-opportunità li jwettaq b’mod assolutament litterali l-kliem li semmejna hawn fuq tal-Feddej.

 

Ekku, infatti, lejn l-aħħar ta’ Lulju 1941, meta, skont l-ordni tal-Kap tal-Kamp, il-priġunieri li kellhom imutu bil-ġuħ qagħdu f’ringiela wara xulxin, dan ir-raġel, Massimiljanu Marija Kolbe, ippreżenta ruħu spontanjament quddiem il-Kap u ddikjara li hu kien lest li jmut minflok wieħed minn dawk il-priġunieri.

 

Din id-disponibbiltà ġiet milqugħa u lil Patri Massimiljanu, wara ġimagħtejn ta’ tortura li sofra minħabba l-ġuħ, fl-aħħar ġie maqtul b’injezzjoni li ġġib il-mewt, fl-14 ta’ Awwissu 1941.

 

Dan kollu seħħ fil-Kamp tal-Konċentrament ta’ Auschwitz fejn, matul l-aħħar Gwerra Dinija, inqatlu madwar erba’ miljun persuna, fosthom anke s-Serva ta’ Alla (illum Santa) Edtih Stein (li bħala Karmelitana kien jisimha Swor Tereża Benedetta tas-Salib). Id-diżubbidjenza tal-bniedem lejn Alla, il-Ħallieq tal-ħajja, li qalilna “la toqtolx”, f’dan il-post ikkawżat il-mewt ta’ numru immens ta’ persuni innoċenti.

 

Għalhekk, fl-istess ħin, żmienna baqa’ b’mod tant terribbli, marbut mal-qtil tal-bniedem innoċenti.

 

2.     Patri Massimiljanu Kolbe, li hu stess kien priġunier f’dan il-Kamp tal-Konċentrament, afferma u kkonferma d-dritt tal-bniedem innoċenti għall-ħajja. Huwa għamel dan f’dan il-post tal-mewt u kien wieħed mill-erba’ miljun persuna li ġew maqtulin f’dak il-post.

 

Dan ir-raġel (li fis-seklu, jiġifieri mhux fil-ħajja reliġjuża, kien jismu Franciszek Gajomniczek) għadu ħaj u hu preżenti fostna. Patri Kolbe afferma d-dritt tal-bniedem għall-ħajja meta ddikjara li kien lest imut minflok priġunier ieħor għax dan kien missier ta’ familja, u għax ħajtu kienet meħtieġa għall-għeżież tiegħu. Patri Massimiljanu Marija Kolbe, għalhekk, afferma wkoll id-dritt li Alla l-Ħallieq biss għandu fuq il-ħajja tal-bniedem innoċenti u ta xhieda għal Kristu u għall-imħabba.  Infatti, l-Appostlu San Ġwann jikteb: “Minn dan nafu x’inhi l-imħabba: li Hu (jiġifieri Ġesù Kristu) ta ħajtu għalina; għalhekk, anke aħna għandna nagħtu ħajjitna għal ħutna” (1 Ġw. 3, 16).

 

Meta ta ħajtu għal wieħed minn ħutu, Patri Massimiljanu, li l-Knisja diġà ilha tqimu bħala “Beatu” sa mill-1971, sar jixbah lil Kristu b’mod partikulari.

 

3.     Għalhekk, aħna li llum, il-Ħadd 10 t’Ottubru, ninsabu miġburin flimkien quddiem il-Bażilika ta’ San Pietru f’Ruma, nixtiequ nfissru l-valur speċjali li għandha quddiem Alla, il-mewt permezz tal-martirju ta’ Patri Massimiljanu Kolbe. “Għażiża f’għajnejn il-Mulej / hi l-mewt tal-qaddejja tiegħu” (Salm 115 (116), 15). Kif irrepetejna fis-Salm Responsorjali [ta’ din il-Quddiesa]. Tassew hi għażiża, prezzjuża u ta’ valur li ħadd ma jista’ jkejlu! Permezz tal-mewt tiegħu li Ġesù Kristu bata fuq is-salib, twettqet il-fidwa tad-dinja, u dan sabiex din il-mewt ikollha l-valur tal-aqwa mħabba. Permezz tal-mewt li sofra Patri Massimiljanu Kolbe, ingħata u ġġedded sinjal mill-aktar ċar ta’ din l-imħabba fis-seklu tagħna, imħabba li b’mod qawwi u b’bosta modi, qed tiġi mhedda mid-dnub u mill-mewt.

 

Ekku li, f’din il-liturġija Solenni tal-Kanonizzazzjoni, donnu jidher fostna dak li (l-Betu) Papa Pawlu VI sejjaħ “il-martri tal-imħabba” ta’ Oswiecim [isem ieħor għal Auschwitz], u qed jgħidilna “Jien il-qaddej tiegħek, Mulej / jien, il-qaddej tiegħek, iben il-qaddejja tiegħek; int kissirt il-ktajjen li kienu jorbtuni” (Salm 115 (116), 16).

 

U hu, waqt li kważi jiġbor f’ħaġa waħda s-sagrifiċċju ta’ ħajtu kollha, hu saċerdot u iben spiritwali ta’ San Franġisk, donnu qed jgħidilna: “X’se nagħti lill-Mulej / għal dak li tani? / Ngħolli l-kalci tas-salvazzjoni u nsejjaħ isem il-Mulej” (Salm 115 (116), 12s).

 

Dawn il-kelmiet huma kelmiet ta’ gratitudni. Il-mewt li wieħed iġarrab minħabba l-imħabba, minflok wieħed minn ħutu, hu għemil erojku tal-bniedem, li għalih, flimkien mal-Qaddis il-Ġdid, għandna nagħtu glorja u nfaħħru lil Alla. Minnu (jiġifieri minn Alla), infatti, tiġi l-grazzja ta’ eroiżmu bħal dan, ta’ martitrju bħal dan.

4.     Ejjew, mela, infaħħru lil Alla llum għall-opra tiegħu fil-bniedem. Quddiemna lkoll, miġburin hawnhekk, Patri Massimiljanu Kolbe jgħolli “l-Kalċi tiegħu tas-salvazzjoni” li fih hemm miġbur is-sagrifiċċju kollu ta’ ħajtu, sagrifiċċju ssiġillat b’mewta ta’ martri “għal wieħed minn ħutu”.

 

Għal dan is-sagrifiċċju definittiv, Massimiljanu pprepara ruħu billi mexa wara Ġesù Kristu sa mill-ewwel snin ta’ ħajtu fil-Polonja.  Minn dawk is-snin ġejja l-ħolma tant sinifikanti taż-żewġ kuruni li huwa kellu: waħda bajda u l-oħra ħamra, li l-qaddis m’għażilx xi waħda minnhom, iżda ħadhom it-tnejn.  Infatti, sa mis-snin taż-żgħożija tiegħu kien mimli b’imħabba kbira lejn Kristu u x-xewqa tal-martirju.

 

Din l-imħabba u din ix-xewqa akkumpanjawh tul it-triq tal-vokazzjoni Franġiskana u saċerdotali tiegħu, vokazzjoni li pprepara ruħu għaliha kemm fil-Polonjakf ukoll f’Ruma. Din l-imħabba lejn Kristu u din ix-xewqa għall-martirju, għexhom u segwiehom kullimkien, permezz tas-servizz saċerdotali u Franġiskan tiegħu fil-Polonja, u anke permezz tas-servizz missjunarju tiegħu fil-Ġappun.

 

5.     L-ispirazzjoni ta’ ħajtu kollha kienet Marija Immakulata, lil lilha afda l-imħabba tiegħu lejn Kristu, u x-xewqa tiegħu għall-martirju. Fil-misteru tal-Immakulata Kunċizzjoni kien jara bl-għajn tar-ruħ tiegħu, dik id-dinja meraviljuża u soprannaturali tal-grazzja li Alla joffri lill-bniedem. Il-fidi u l-opri tal-ħajja kollha ta’ Patri Massimiljanu juru li hu kien jara l-kollaborazzjoni tiegħu mal-grazzja ta’ Alla bħala milizzja (armata) mmexxjija mill-Immakulata Kunċizzjoni. Il-karatteristika Marjana tispikka u tintwera b’mod tassew partikulari fil-ħajja u fil-qdusija ta’ Patri Kolbe. Din il-karatteristika mmarkat ukoll l-appostolat kollu tiegħu, kemm f’art twelidu, kif ukoll fl-artijiet tal-missjoni. Kemm fil-Polonja kif ukoll fil-Ġappun, iċ-ċentri tal-appostolat   ùtiegħu kienu l-ibliet tal-Immakulata li huwa waqqaf: “Niepokalnow” fil-Polonja u “Mugenzai no Sono” fil-Ġappun.

 

6.     X’ġara fil-“bunker” tal-ġuħ tal-Kamp tal-Konċentrament ta’ Oswiecim (Auschwitz) fl-14 ta’ Awwissu 1941?

 

Għal din il-mistoqsija tirrispondi l-Liturġija tallum [jiġifieri tal-Quddiesa ta’ din il-kanonizzazzjoni]. Ekku “Alla għadda mill-prova” lil Massimiljanu Marija “u sabu xieraq li jaqdih” (ara Għerf 3,5). Għaddieh mill-prova “bħalma d-deheb jgħadduh mill-forġa tan-nar / u għoġob lil Alla bħal vittma maħruqa” (ara Għerf 3, 6).

 

Anke jekk “għal għajnejn il-bnedmin qisu sofra xi kastig, madanakollu t-tama tiegħu kienet fil-ħajja li  ma tintemmx” għax “l-erwieħ tal-ġusti qegħdin f’idejn Alla / u l-ebda turment ma jmisshom”. U meta, jekk nitkellmu ta’ bnedmin, imissuhom it-turmenti u l-mewt, meta ”għal għajnejn il-bnedmin jidhru li mietu”, meta “it-tluq tagħhom minn magħna tiġi meqjusa minna bħala diżgrazzja, “huma jinsabu fil-paċi’, huma qegħdin jgħixu l-ħajja vera u l-glorja “f’idejn Alla” (ara Għerf 3, 1-4). 

 

Din il-ħajja hija frott tal-mewt u tax-xebh mal-mewt ta’ Kristu.  Il-glorja tagħna (ta’ din il-ħajja) fil-ħajja ta’ wara din, hija sehem fil-Qawmien ta’ Kristu mill-mewt.

 

Mela x’ġara fil-“bunker” tal-ġuħ fil-jum tal-14 ta’ Awwissu 1941?

 

Twettqu l-kliem ta’ Kristu lill-Appostli li qalilhom biex “imorru u jagħmlu l-frott u l-frott tagħhom jibqa’” (ara Ġw. 15, 16).

 

B’mod tassew tal-għaġeb, għadu ħaj fil-Knisja u fid-dinja, il-frott tal-mewt erojka ta’ Massimiljanu Kolbe.

 

7.     Il-bnedmin kienu qed iħarsu lejn dak li kien qed jiġri fil-Kamp ta’ “Auschwitz” u anke jekk għalihom kien qed “imut” wieħed li kien seħibhom li kien qed iġarrab l-istess turmenti tagħhom, anke jekk, umanament setgħu jħarsu lejn “it-tluq tiegħu” bħala “rovina”, madanakollu fil-kuxjenza tagħhom ma kinux qed iħossu li din kienet “mewt” sempliċi.

 

Massimiljanu ma mietx imma “ta ħajtu ... għal ħuh”.

 

F’din il-mewt, terribbli mil-lat uman, naraw il-kobor definittiv tal-att uman u tal-għażla umana li għamel: huwa liberament offra ruħu li jmut għax kien iħobb.

 

U f’din il-mewt umana tinsab u naraw b’mod l-aktar ċar u trasparenti x-xhieda li hu ta għal Kristu: ix-xhieda mogħtija fi Kristu għad-dinjità tal-bniedem, għall-qdusija tal-ħajja tal-bniedem u għall-qawwa salvifika tal-mewt, qawwa li fiha tintwera l-qawwa tal-imħabba.

 

Propju għalhekk, il-mewt ta’ Massimiljanu Kolbe saret sinjal ta’ rebħa. Din kienet ir-rebħa fuq is-sistema kolla tad-disprezz u tal-mibegħda lejn il-bniedem u lejn dak kollu li hu divin fil-bniedem, rebħa li tixbah lil dik li ġabilna l-Mulej tagħna Ġesù Kristu fuq il-Kalvarju.

 

“intom ħbieb tiegħi jekk tagħmlu dak li nikkmandakom jien” (Ġw. 15, 14).

 

8.     Il-Knisja taċċetta dan is-sinjal ta’ rebħa, rebħa miksuba permezz tal-qawwa tal-Fidwa ta’ Kristu, b’qima u bi gratitudni. Ifittex it-tifsira tagħha bl-umiltà u bl-imħabba kollha.

 

Bħal dejjem, il-Knisja, meta tipproklama l-qdusija ta’ wliedha, anke f’dan il-każ, hija tkun qiegħda tfittex li taġixxi bil-preċiżjoni u bir-responsabbiltajiet kollha li suppost, waqt li tistudja f’kull aspett, il-ħajja u l-mewt tal-Qaddej jew tal-Qaddejja ta’ Alla partikulari.

 

Madanakollu, Il-Knisja, fl-istess ħin, għandha toqgħod attenta biex taqra s-sinjal tal-qdusija li Alla jkun ta fil-ħajja tal-qaddej jew tal-qaddejja tiegħu f’din l-art, waqt li ma tħalli barra l-ebda parti minn dak li din il-qdusija tkun trid tgħidilna u s-sinifikat definittiv tagħha.

 

Kien għalhekk li waqt li kien qed isir il-ġudizzju meħtieġ fil-kawża (tal-qdusija) tal-Beatu Massimiljanu Kolbe, kienet meħtieġa xi ħaġa li kienet teżisti diġà wara l-beatifikazzjoni tiegħu – li wieħed jikkonsidra l-bosta ilħna tal-Poplu t’Alla, u fuq kollox, ta’ ħutna fl-Episkopat, kemm tal-Polonja, kif ukoll tal-Ġermanja, li talbu li Massimiljanu Kolbe jiġi pproklamat bħala “qaddis martri”.

 

Quddiem il-bosta affarijiet li qalilna l-Beatu Massimiljanu bil-ħajja u bil-mewt tiegħu, ma nistgħux ma nirrikonoxxux dak li jidher li jikkostitwixxi l-kontenut prinċipali u essenzjali tas-sinjal li Alla jagħti lill-Knisja u lid-dinja permezz tal-mewt tiegħu (tal-Beatu).

 

F’din il-mewt, iffaċċjata liberament għall-imħabba tal-bniedem, ma narawx it-twettiq b’mod partikulari tal-kliem ta’ Kristu?

 

Din il-mewt ma tagħmilx lil Massimlijanu jixbah b’mod partikulari lil Kristu, li hu l-mudell tal-Martri kolla peress li  ta ħajtu fuq is-salib għal ħutu?

 

Mewt bħal din ma tgħidilniex bosta affarijiet ta’ sinifikat kbir u tassew penetranti fi żmienna?

 

Mhijiex xhieda partikularment awtentika tal-Knisja fid-dinja ta’ żmienna?

 

9.     U għalhekk, bis-saħħa tal-awtorità appostolika tiegħi, jien, permezz ta’ digriet apposta, ordnajt li Massimiljanu Marija Kolbe, wara l-Beatifikazzjoni tiegħu kellu jiġi meqjum bħala “Konfessur”, jibda minn issa ‘l quddiem jiġi meqjum “ukoll bħala Martri”!

 

“Għażiża f’għajnejn il-Mulej / hi l-mewt tal-qaddejja tiegħu”.

 

Ammen.

Miġjub mit-Taljan ghall-Malti minn Kathleen Bonello.

 

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta