Ara l-Omelija kollha ...
ĠUBLEW TAL-FAMILJI
Il-Papa jafda l-bnedmin u l-ġnus
lill-Madonna
FI TMIEM OMELIJA TA’ ĠWANNI
PAWLU II
Il-Ħadd 25 ta’ Marzu
1984
Il-familja hi l-qalb tal-Knisja.
Ħa jitla’ llum minn din il-qalb
att ta’ affidament partikulari
lill-qalb ta’ dik l-Omm li
nisslet lil Alla.
Fis-Sena Ġubilari tal-Fidwa
nixtiequ nistqarru li l-imħabba
hi ikbar mid-dnub u minn kull
ħażen, li jhedded lill-bniedem u
lid-dinja.
B’umiltà nsejħu lil din
l-imħabba:
1.
“Taħt il-ħarsien tiegħek
nistkennu, ja Omm qaddisa ta’
Alla!”.
Aħna u llissnu l-kliem ta’ din
l-antifona, li biha l-Knisja ta’
Kristu ilha titlob sekli sħaħ,
ninsabu quddiemek, Omm tagħna,
fis-Sena Ġubilari tal-Fidwa
tagħna.
Ninsabu miġbura mar-ragħajja
kollha tal-Knisja, f’rabta
partikulari, ġisem u kulleġġ
wieħed, hekk kif għar-rieda ta’
Kristu l-Appostli sawru ġisem u
kulleġġ wieħed ma’ Pietru.
Fir-rabta ta’ din l-għaqda,
illissnu l-kliem ta’ dan l-att,
li fih nixtiequ niġbru, għal
darb’oħra, it-tamiet u l-weġgħat
tal-Knisja għad-dinja tal-lum.
Erbgħin sena ilu, u mbagħad
mill-ġdid għaxar snin wara,
il-qaddej tiegħek, il-Papa Piju
XII, bl-esperjenzi ta’ tbatija
tal-familja tal-bnedmin quddiem
għajnejh, fada u kkonsagra
lill-Qalb bla Tebgħa tiegħek
id-dinja kollha u speċjalment
il-popli, li minħabba fil-qagħda
tagħhom huma oġġett partikulari
ta’ mħabbtek u tal-għożża
tiegħek.
Din id-dinja tal-bnedmin u
tal-ġnus għandna quddiem
għajnejna llum ukoll: id-dinja
tat-tieni millennju li wasal
biex jintemm, id-dinja ta’
żmienna, id-dinja tagħna!
Il-Knisja tiftakar
fi kliem il-Mulej: “Morru… u
għallmu l-ġnus kollha… Ara,
jiena magħkom dejjem sal-aħħar
taż-żmien” (Mt 28:19-20), u hekk
ġeddet, fil-Konċilju Vatikan II,
l-għarfien tal-missjoni
tagħha f’din id-dinja.
U għalhekk, ja Omm
tal-bnedmin u tal-ġnus, int
li taf x’inhi t-tbatija tagħhom
u t-tama tagħhom, int li tħoss
b’qalb ta’ omm it-taqbid bejn
it-tajjeb u l-ħażin, bejn
id-dawl u d-dlam, li qed jheżżeż
lid-dinja ta’ żmienna, ilqa’
l-karba tagħna li, imqanqla
mill-Ispirtu s-Santu, induru
direttament lejn il-Qalb
tiegħek: għannaq, bi
mħabba ta’ omm u ta’
qaddejja tal-Mulej, lil din
id-dinja tagħna tal-bnedmin, li
nafdawlek u nikkonsagrawlek,
kollna tħassib għax-xorti
terrena u eterna tal-bnedmin u
tal-popli.
B’mod speċjali nafdawlek u
nikkonsagraw dawk il-bnedmin u
dawk il-ġnus, li għandhom
partikularment bżonn ta’ dan
l-affidament u din
il-konsagrazzjoni.
“Taħt il-ħarsien tiegħek
nistkennu, ja Omm qaddisa ta’
Alla”! La twarrabx minn
quddiemek it-talb tagħna li aħna
fit-tiġrib!
2.
Ara, quddiemek, Omm ta’ Kristu,
quddiem il-qalb immakulata
tiegħek, nixtiequ, flimkien
mal-Knisja kollha, ningħaqdu
fil-konsagrazzjoni li,
għall-imħabba tagħna, Ibnek
għamel tiegħu nnifsu
lill-Missier: “U jien minħabba
fihom – qal – nagħti ħajti, biex
huma wkoll ikunu mqaddsin
permezz tal-verità” (Ġw 17:19).
Nixtiequ ningħaqdu mal-Feddej
tagħna f’din il-konsagrazzjoni
għad-dinja u għall-bnedmin, li,
fil-qalb divina tiegħu, għandha
l-qawwa li tiksbilna l-maħfra u
tagħmel tajjeb għalina.
Il-qawwa ta’ din
il-konsagrazzjoni tibqa’
għal dejjem u tħaddan
lill-bnedmin kollha, il-popli u
l-ġnus, u tegħleb kull ħażen, li
l-ispirtu tad-dlamijiet kapaċi
jqanqal fil-qalb tal-bniedem u
fl-istorja tiegħu u li,
fil-fatt, ġab fi żmienna.
Oħ, kemm inħossu qawwi l-bżonn
ta’ konsagrazzjoni għall-umanità
u għad-dinja: għad-dinja ta’
żmienna, f’għaqda ma’ Kristu
nnifsu! L-opra feddejja ta’
Kristu, fil-fatt, id-dinja
għandha tieħu sehem fiha permezz
tal-Knisja.
Dan turihulna din is-Sena
tal-Fidwa: il-Ġublew
straordinarju tal-Knisja kollha.
Ħa tkun imbierka, f’din is-Sena
Mqaddsa, fuq kull ħlejqa oħra
int, qaddejja tal-Mulej, li
bl-aktar mod sħiħ obdejt
għas-sejħa divina!
Insellmulek, lilek, li int
għalkollox magħquda
mal-konsagrazzjoni feddejja ta’
Ibnek!
Omm tal-Knisja! Dawwal il-poplu
ta’ Alla fit-toroq tal-fidi,
tat-tama u tal-imħabba! Dawwal
b’mod speċjali lill-popli li
tagħhom int tistenna
l-konsagrazzjoni u l-affidament
tagħna. Għinna ngħixu fil-verità
tal-konsagrazzjoni ta’ Kristu
għall-familja kollha umana
tad-dinja ta’ żmienna.
3. Aħna u nafdawlek, Omm tagħna,
lid-dinja, lill-bnedmin u l-ġnus
kollha, nafdawlek ukoll
l-istess konsagrazzjoni
tad-dinja, aħna u nqegħduha
fil-qalb tiegħek ta’ omm.
O Qalb bla tebgħa! Għinna nirbħu
lit-theddia tal-ħażen, li hekk
faċilment tagħmel għeruqha
fil-qlub tal-bnedmin tal-lum u
li fl-effetti bla qies tagħha
diġà qed tagħfas fuq il-ħajja
tal-lum u donnha trid tagħlqilna
t-toroq lejn il-futur!
Mill-ġuħ u mill-gwerra,
eħlisna!
Mill-gwerra nukleari, mill-qerda
tagħna nfusna bla kalkoli ta’
xejn, minn kull xorta ta’
gwerra, eħlisna!
Mid-dnubiet kontra l-ħajja
tal-bniedem sa mill-bidu tagħha,
eħlisna!
Mill-mibegħda u t-tkasbir
tad-dinjità ta’ wlied Alla,
eħlisna!
Minn kull xorta ta’ inġustizzja
fil-ħajja soċjali, nazzjonali u
internazzjonali, eħlisna!
Mill-faċilità li biha nżebilħu
l-kmandamenti ta’ Alla,
eħlisna!
Mit-tentattiv li nċajpru
fil-qlub tal-bnedmin il-verità
stess ta’ Alla, eħlisna!
Milli nitilfu l-kuxjenza
tat-tajjeb u l-ħażin,
eħlisna!
Mid-dnubiet kontra l-Ispirtu
s-Santu, eħlisna! Eħlisna!
Ilqa’, Omm ta’ Kristu, din
il-karba mimlija tbatija
tal-bnedmin kollha! Mimlija
bit-tbatija ta’ soċjetajiet
sħaħ!
Għinna bil-qawwa tal-Ispirtu
s-Santu negħlbu kull dnub:
id-dnub tal-bniedem u d-“dnub
tad-dinja”, id-dnub f’kull mod
li fih jidher.
Ħa tidher, għal darb’oħra,
fl-istorja tad-dinja l-qawwa
salvifika bla qies tal-Fidwa:
qawwa tal-Imħabba ħanina!
Ħa twaqqaf id-dnub! Tibdel
il-kuxjenzi! Ħa jilma għal
kulħadd fil-Qalb bla Tebgħa
tiegħek id-dawl tat-Tama!
miġjuba mit-Taljan għall-Malti
minn Francesco Pio Attard
|