VIDJO

AUDIO

PDF (mt)

PDF (en)

TALB FID-DAR FL-AVVENT: 

1Ġimgħa  -  2Ġimgħa  -  3Ġimgħa  -  4Ġimgħa -

Ittra Pastorali

tal-E.T. Mons. Anton Teuma

Isqof ta’ Għawdex

                                 

X’MILIED ĠEJ FUQNA?

 

Għeżież ħuti Għawdxin u barranin li tgħixu fostna,

 

Ħsibt li niktbilkom dawn il-versi biex ngħidilkom li naħseb fikom u nitlob għalikom, speċjalment f’dan iż-żmien partikolari.

 

1.   Hu żmien diffiċli għal kulħadd

 

Naħseb fikom, familji, li għandkom it-tfal l-iskola: żgur li tkunu mħassba dwar x’jista’ jiġri jekk ma jkunux attenti li jżommu l-maskra jew li jaħslu jdejhom. Naħseb fikom it-tfal: kultant tiftakru f’dak li jgħidulkom il-ġenituri tagħkom u forsi tibżgħu x’jista’ jiġri jekk titilfu lil xi ħadd minnhom jew lil xi ħadd min-nanniet tagħkom. Niftakar fikom l-għalliema: biex taqdu l-missjoni tagħkom qed tpoġġu kontinwament fir-riskju s-saħħa tagħkom u tal-familji tagħkom.

 

Tiġu f’moħħi intom l-adolexxenti: aktarx minn naħa tħossu li l-kbar qed jagħmlu għaġeb fuq ix-xejn, u min-naħa l-oħra tħossukom issikkati għax ma tistgħux tiltaqgħu u tiddevertu kemm tixtiequ. Intom iż-żgħażagħ aktarx tħossu l-inċertezza f’dak li għandu x’jaqsam mal-istudju jew max-xogħol, u tixtiequ li dan iż-żmien diffiċli jgħaddi malajr, biex tkomplu bil-ħajja tagħkom tas-soltu.

 

Intom l-għarajjes li qed taħsbu biex tiżżewġu mhux biss għandkom id-diffikultajiet marbuta max-xogħol u mal-loans, imma wkoll id-dubji dwar id-data u l-festa tat-tieġ. Intom il-ħaddiema kollha, min ftit u min wisq, tgħixu fit-tensjoni li tistgħu tieħdu xi ħaġa magħkom id-dar, li tista’ tpoġġi fil-periklu lill-għeżież tagħkom.

 

Tiġu f’moħħi intom li tliftu x-xogħol, jew li qed tgħixu bil-biża’ li titilfuh; intom li tħabblu raskom biex taraw kif ser twasslu sal-aħħar tal-ġimgħa, u sibtu ruħkom f’sitwazzjoni li qatt ma stennejtu, u li tistħu tirrakkontaw jew taqsmu dak li għaddejjin minnu mal-oħrajn.

 

Naħseb fikom l-operaturi sanitarji, tobba, infermiera, carers u intom ilkoll li taħdmu fil-qasam tas-saħħa: jien konxju li qed taħdmu taħt kundizzjonijiet straordinarji, bil-biża’ li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar tiltaqgħu ma’ diffikultajiet fil-ħidma tagħkom.

 

Intom anzjani, kultant qed tħossukom aktar waħedkom, għax ħbiebkom, uliedkom u n-neputijiet tagħkom iżommu ’l bogħod minnkom. Intom li tgħixu bil-biża’ li tistgħu tispiċċaw waħedkom fuq sodda d-dar jew l-isptar, mingħajr il-faraġ ta’ xi ħadd li tħobbu u li jħobbkom.

 

Intom persuni li għaddejjin minn sitwazzjoni ta’ mard, minbarra t-toqol tal-marda, żdiedet għalikom l-ansjetà tal-marda tal-virus. U din l-ansjetà żgur li ma tgħinx fil-mixja tal-fejqan. Intom persuni li bħalissa qed iġġorru l-piż tal-marda tal-Covid jew tal-kwarantina, żgur li tgħaddu minn ħafna mistoqsijiet u emozzjonijiet: Għaliex jien? Kif ħadtha? Lil min stajt għaddejtha? Kemm se taqbadni bil-qawwi? Kif inkun naf li qed jgħaddili? X’jgħidu dwari dawk li jafuni? Meta se nfiq?

 

Intom persuni li tbatu bl-istress, żgur li jiġu mumenti li ma tkunux tifilħu aktar għall-attenzjoni li jrid ikollkom il-ħin kollu, u għat-tensjoni li din iġġib magħha.

 

Intom is-saċerdoti u r-reliġjużi, bħali tgħixu d-diffikultà fil-ħidma pastorali, l-inċertezza fil-pjanifikazzjoni, x’ser jiġri mill-Milied u mit-tħejjija għalih, x’ser jiġri mill-katekiżmu tat-tfal, inlaqqgħux jew le l-gruppi tal-adolexxenti u taż-żgħażagħ, inkomplux norganizzaw laqgħat għall-adulti, kif se nagħmlu dwar it-tqarbin tal-morda fid-djar u fl-isptar. Flimkien magħna tgħixu dan kollu intom l-operaturi pastorali.

 

2.   Jista’ jkollna diversi reazzjonijiet

 

Nistgħu ngħixu dan iż-żmien tal-pandemija bħallikieku ninsabu f’ħolma kerha li rriduha tgħaddi malajr. Hekk nisħtu l-mument li faqqgħet fiċ-Ċina u li daħlet f’pajjiżna. Hekk ngħixu l-ħin kollu b’moħħna wara li tgħaddi, bħallikieku dawn ix-xhur jagħmlu parti minn żmien li mhux tagħna.

 

Nistgħu ngħixu dan iż-żmien fil-paniku u fil-biża’ esaġerat. Ngħixu bis-sensazzjoni kontinwa li issa jmiss li taqbad lili jew lil xi ħadd minn tal-familja… u d-dinja għalija tkun spiċċat.

 

Nistgħu ngħixu dan iż-żmien bħallikieku mhu jiġri xejn straordinarju, u nippretendu li nkomplu l-ħajja bl-istess mod bħal qabel. U nitkażaw għax dan il-biża’ kollu ma kellniex xi rriduh.

 

Huma kollha reazzjonijiet li ma jħalluniex f’kuntatt mar-realtà, kuntatt ma’ dan iż-żmien partikolari li qed ngħixu u ma’ dak li qed jiġri bħalissa fid-dinja u f’pajjiżna.

 

Imma nistgħu wkoll ngħixu dan il-mument billi nieqfu ftit mill-ġirja sfrenata tal-ħajja ta’ kuljum. U nirriflettu… u nistaqsu. Fi kliem ieħor, nagħtu ċans lil moħħna jaħseb u lil qalbna tħoss! Ma nifgawx mill-ewwel id-dubji u l-inċertezzi tagħna b’risposti faċli jew bl-istordiment ta’ dak li għandna x’nagħmlu!

 

3.   L-Avvent: żmien ta’ stennija u mistoqsijiet

 

Iż-żmien ta’ qabel il-Milied, iż-żmien li nsejħulu l-Avvent, minnu nnifsu jistedinna nqajmu fina mistoqsijiet u stennija. F’sitwazzjoni ta’ inċertezza bħal din, faċli nikkonkludu li Alla nsiena! Jew ma jeżistix! Jew jekk jeżisti, ma jimpurtahx minna!

 

Jista’ jkun li nirraġunaw hekk għax s’issa dejjem ħsibna li l-ħajja tagħna tiddependi biss minna? Jista’ jkun li fil-ġirja tal-ħajja, billi aljenati bix-xogħol, naħsbu li kollox nistgħu nġibu b’idejna u b’ħilitna? Jista’ jkun li fl-idea tagħna, naħsbu f’Alla biss meta l-affarijiet ma jiġux kif nixtiequ aħna?

 

Jista’ jkun li fl-idea tagħna, Alla, biex ikun Alla tassew, għandu jagħmel dak li nixtiquh aħna, fost l-oħrajn iwaqqaf malajr il-Covid? Jista’ jkun li meta ma jiġrix hekk, aħna malajr nikkonkludu li “temmen għalxejn!”, ma jeżistix, jew li ma jimpurtahx minna?

 

Jista’ jkun li fiż-żmien meta nkunu sew, Alla jkun magħna, imma sieket u moħbi? Jista’ jkun li l-ġid li jkollna mhux għajr frott tal-providenza tiegħu? Jista’ jkun li hu ma jagħmilx storbju, biex ma jtaqqalniex bil-piż li rridu nħobbuh lura? Jista’ jkun li l-ħajja, is-saħħa, il-familja, il-ħbieb, il-ġid… huma kollha rigal tiegħu, minn dejjem, anki meta ninsew?

 

Jista’ jkun li fiż-żmien diffiċli hu jkun qiegħed magħna iktar milli fiż-żmien it-tajjeb? Jista’ jkun li jekk fiż-żmien tal-ġid aħna nagħrfu li qiegħed magħna, ikun iktar faċli li nħossuh magħna fl-iebes? Jista’ jkun li meta rroddulu ħajr tal-ġid, insibuh ukoll fid-deni, ċerti li jieħu ħsiebna u ma jitlaqniex waħedna?

 

4.   Alla jwieġeb għall-mistoqsijiet tagħna

 

Meta nħarsu lejn il-ġrajjiet tal-Iskrittura, nindunaw li kull darba li l-poplu dar lejn Alla u staqsa, Alla ma ħalliehx mingħajr risposta. L-agħar li jista’ jiġri hu li nippruvaw nifgaw il-mistoqsijiet u x-xewqat profondi li għandna fil-qalb, għax inkunu qtilna t-tama li hemm fina.

 

Fiż-żmien tal-Avvent, li ser jibda fl-aħħar Ħadd ta’ Novembru, nixtieq nistedinkom ilkoll biex ma tibżgħux mill-mistoqsijiet u mix-xewqat li jiġukom, speċjalment f’dan iż-żmien tal-Covid-19! Ejjew ma nibżgħux nistaqsu u nfittxu lil Alla. Fil-fatt, il-karba tagħna lkoll f’dan iż-żmien hija din: “Ejja, Mulej Ġesù!”.

 

Anki llum, Alla jniżżel widintu biex jisma’ l-inkwiet u d-dwejjaq tagħna, u l-ġewwieni tiegħu jitqanqal għalina. Hekk għamel Alla mal-poplu Lhudi fi żmien il-jasar tal-Eġittu u fi żmien l-eżilju ta’ Babilonja. Dan jista’ jiġri biss meta aħna nagħrfu li waħedna m’aħniex kapaċi nagħtu tweġibiet għall-mistoqsijiet kollha li jiġuna.

 

Inħeġġiġkom tieħdu sehem, kemm bil-preżenza tagħkom fejn hu possibbli u kemm bil-parteċipazzjoni onlajn, fiċ-ċelebrazzjonijiet u fl-attivitajiet l-oħra li jsiru fil-parroċċi tagħna bi tħejjija għall-Milied. Hemmhekk tassew nistgħu niġbru l-mistoqsijiet tagħna f’talba waħda ħerqana: “Ejja, Mulej Ġesù – Maranatha!”.

 

Mogħtija mill-Kurja tal-Isqof, il-Belt Victoria

Il-Ħadd 22 ta’ Novembru 2020, Solennità ta’ Kristu Sultan tal-Ħolqien kollu

 


 

 Anton Teuma

     Isqof ta’ Għawdex

 

   

    Mons. Salv Debrincat

    Kanċillier