JUM DINJI TAL-FOQRA

 QUDDIESA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 Bażilika tal-Vatikan

It-XXXIII Ħadd ta’ Matul is-Sena, 17 ta’ Novembru 2019

 

Illum fil-Vanġelu, Ġesù jissorprendi lin-nies ta’ żmienu u anki lilna. Fil-fatt, proprju huma u jistagħġbu bil-kobor tat-Tempju ta’ Ġerusalemm, jgħidilhom li għad jiġi żmien li ma tibqax “ġebla fuq ġebla” (Lq 21:6). Għaliex dawn il-kelmiet fil-konfront ta’ istituzzjoni hekk qaddisa, li ma kinitx sempliċi binja, imma sinjal reliġjuż uniku, dar għal Alla u għall-poplu li jemmen? Għaliex dawn il-kelmiet? Għaliex jipprofetizza li ċ-ċertezza l-aktar soda tal-poplu ta’ Alla kellha tikkrolla? Għaliex, fl-aħħar, il-Mulej se jħalli li jikkrollaw iċ-ċertezzi, meta d-dinja hi dejjem iktar nieqsa minnhom?

 

Infittxu t-tweġibiet fi kliem Ġesù. Illum hu qed jgħidilna li kważi kollox għad jgħaddi. Kważi kollox, imma mhux kollox. F’dan il-Ħadd ta’ qabel tal-aħħar fiż-Żmien ta’ Matul is-Sena, hu jfissrilna li dak li għad jikkrolla, li jgħaddi huma ­l-ħwejjeġ ta’ qabel tal-aħħar, mhux dawk tal-aħħar: it-Tempju, mhux Alla; is-saltniet u l-ġrajjiet tal-umanità, mhux il-bniedem. Jgħaddu l-ħwejjeġ ta’ qabel tal-aħħar, li spiss jidhru defenittivi, imma mhumiex. Huma realtajiet grandjużi, bħat-tempji tagħna, u tal-biża’, bħal terremoti, sinjali fis-sema u gwerer fuq l-art (ara vv. 10-11): għalina jidhru fatti tal-ewwel paġna, imma l-Mulej jixħithom fit-tieni paġna. Fuq l-ewwel waħda jibqa’ dak li ma jgħaddi qatt: Alla l-ħaj, li hu bil-wisq ikbar minn kull tempju li nibnulu, u l-bniedem, il-proxxmu tagħna, li jiswa iżjed mill-kronaka kollha tad-dinja. Allura, biex jgħinna nilqgħu dak li jiswa tassew fil-ħajja, Ġesù jiftħilna għajnejna dwar żewġ tentazzjonijiet.

 

L-ewwel waħda hi t-tentazzjoni tal-għaġla, tal-minnufih. Għal Ġesù m’hemmx bżonn immorru niġru wara min jgħid li t-tmiem għad jasal minnufih, li “ż-żmien wasal”. Għalhekk m’għandniex nimxu wara min ixerred allarmiżmi u jrewwaħ il-biża’ tal-ieħor u tal-futur, għax il-biża’ jipparalizza l-qalb u l-ħsieb. Minkejja dan, kemm drabi ninġibdu aktar mill-għaġla li rridu nafu kollox u minnufih, mill-ħakk tal-kurżità, mill-aħħar aħbar impressjonanti jew skandaluża, mir-rakkonti strambi, mill-istorbju ta’ min jgħajjat l-iżjed u hu l-iżjed irrabjat, minn min jgħid “jew issa jew qatt”. Imma din l-għaġla, dan il-kollox u minnufih mhuwiex ġej minn Alla. Jekk noqogħdu nitħabtu żżejjed għall-minnufih, ninsew dak li jibqa’ għal dejjem: niġru wara s-sħab li jgħaddi u ma nibqgħux naraw is-sema. Miġbudin mill-aħħar għagħa, ma nibqgħux insibu iżjed żmien għal Alla u għal ħuna li jgħix biswitna. Kemm hu minnu dan illum! Fil-manija tagħna biex niġru, biex nikkonkwistaw kollox u minnufih, jibda jdejjaqna min jaqa’ lura. U niġġudikawh skart: kemm anzjani, kemm trabi għadhom ħa jitwieldu, kemm persuni b’diżabbiltà, kemm foqra huma meqjusa bla siwi. Dejjem niġru, mingħajr ma jaħbtilna ma’ moħħna li d-distanzi qed jiżdiedu, li r-regħba tal-ftit qed iżżid il-faqar tal-ħafna.

 

Bħala mediċina kontra l-ġiri sfrenat Ġesù llum qed jipproponi lil kull wieħed u waħda minna l-perseveranza: “Jekk tibqgħu sħaħ sal-aħħar issalvaw ħajjitkom!” (v. 19). Il-perseveranza tfisser li taqdef ’il quddiem ta’ kuljum b’għajnejk fissi fuq dak li ma jgħaddix: il-Mulej u l-proxxmu. Għalhekk il-perseveranza hi d-don ta’ Alla li bih nieħdu ħsieb tad-doni l-oħra kollha tiegħu (ara Santu Wistin, De dono perseverantiæ, 2,4). Nitolbu għal kull wieħed u waħda minna u għalina bħala Knisja biex nipperseveraw fit-tajjeb, biex ma nitilfux minn quddiem għajnejna dak li jiswa. Dan hu l-ingann tal-għaġla.

 

Hemm it-tieni qerq li minnu Ġesù jrid jeħlisna, meta jgħid: “Għax għad jiġu ħafna f’ismi u jgħidu: ‘Jien hu’, u: ‘Iż-żmien wasal’. Tmorrux warajhom!” (v. 8). Hija t-tentazzjoni tal-jien. In-Nisrani, l-istess kif ma jfittixx il-minnufih imma d-dejjem, hekk ukoll mhuwiex dixxiplu tal-jien, imma tal-int. Għalhekk, ma jiġrix wara s-sireni tal-kapriċċi tiegħu, imma wara s-sejħa tal-imħabba, il-leħen ta’ Ġesù. U kif nagħrfuh il-leħen ta’ Ġesù? “Għad jiġu ħafna f’ismi”, jgħid il-Mulej, imma m’għandniex nimxu warajhom: mhix biżżejjed it-tikketta “Nisrani” jew “Kattoliku” biex tkun ta’ Ġesù. Hemm bżonn nitkellmu bl-istess lingwa ta’ Ġesù, dik tal-imħabba, il-lingwa tal-inti. Jitkellem bil-lingwa ta’ Ġesù mhux min jgħid jien, imma min joħroġ mill-jien tiegħu. Imma sadattant, kemm drabi, anki aħna u nagħmlu l-ġid, issaltan l-ipokrezija tal-jien: nagħmel it-tajjeb, imma biex jgħidu kemm jien bravu; nagħti, imma biex meta tasal tiegħi nirċievi xi ħaġa; ngħin, imma biex niġbed lejja l-ħbiberija ta’ dik il-persuna importanti. Hekk titkellem il-lingwa tal-jien. Imma l-Kelma ta’ Alla twassalna għal “imħabba li mhix wiċċ b’ieħor” (Rum 12:9), biex nagħtu lil min m’għandux biex iroddilna lura (ara Lq 14:14), biex naqdu mingħajr ma nfittxu ħlas lura jew min ipattilna (ara Lq 6:35). Għalhekk nistgħu nistaqsu lilna nfusna: “Jien qed ngħin lil xi ħadd li m’għandu xejn x’jagħtini lura? Jiena, Nisrani, għandi tal-inqas fqir wieħed ħabib tiegħi?”.

 

Il-foqra huma prezzjużi f’għajnejn Alla għax ma jitkellmux bil-lingwa tal-jien: ma jiqfux fuq riġlejhom waħidhom, bil-qawwa tagħhom, imma għandhom bżonn ta’ min jaqbdilhom idejhom. Ifakkruna li l-Vanġelu hekk għandna ngħixuh, bħala tallaba mixħutin f’riġlejn Alla. Il-preżenza tal-foqra teħodna lura fil-klima tal-Vanġelu, fejn huma hienja l-foqra fl-ispirtu (ara Mt 5:3). Allura, flok jagħtuna fastidju meta nisimgħuhom iħabbtu fuq il-bibien tagħna, nistgħu nilqgħu l-karba tagħhom għall-għajnuna bħala sejħa biex noħorġu mill-jien tagħna, biex nilqgħuhom bl-istess ħarsa ta’ mħabba li Alla għandu fuqhom. Kemm tkun ħaġa sabiħa li kieku l-foqra kellu jkollhom f’qalbna l-post li għandhom fil-qalb ta’ Alla! Meta noqogħdu mal-foqra, naqdu lill-foqra, nitgħallmu x’gosti għandu Ġesù, nifhmu x’inhu dak li jibqa’ u x’inhu dak li jgħaddi.

 

U hekk nerġgħu lura għall-mistoqsijiet tal-bidu. Qalb tant affarijiet ta’ qabel tal-aħħar, li jgħaddu, il-Mulej irid ifakkarna llum liema hi dik tal-aħħar, li tibqa’ għal dejjem. Hi l-imħabba, għax “Alla huwa Mħabba” (1 Ġw 4:8) u l-fqir li qed jitlob imħabbti jwassalni dritt għandu. Il-foqra jħaffulna l-aċċess għas-Sema: għalhekk is-sens tal-fidi tal-Poplu ta’ Alla ra fihom il-purtinara tal-Ġenna. Diġà sa minn issa huma t-teżor tagħna, it-teżor tal-Knisja. Fil-fatt huma jikxfulna l-għana li ma jeqdiem qatt, dak li jorbot l-art mas-Sema u li għalih tassew ta’ min jgħix: jiġifieri, l-imħabba.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard