Eminenzi, Eċċellenzi,

Awtoritajiet Distinti,

Sinjuri,

 

Bi pjaċir qed nieħu sehem f’dan il-mument konklużiv tad-Djalogu (Re)Thinking Europe. Kontribut Nisrani lill-futur tal-Proġett Ewropew, organizzat mill-Kummissjoni tal-Konferenzi Episkopali tal-Komunità Ewropea (COMECE). Insellem b’mod partikulari lill-President, l-Eminenza Tiegħu l-Kardinal Reinhard Marx, kif ukoll lill-Onor. Antonio Tajani, President tal-Parlament Ewropew, u nirringrazzjahom tal-kelmiet ta’ rispett li indirizzawli ftit tal-ħin ilu. Lil kull wieħed minnkom nixtieq nesprimi l-apprezzament sħiħ tiegħi għall-interventi numerużi tagħkom f’dan il-qasam importanti ta’ diskussjoni. Grazzi!

 

Id-Djalogu ta’ dawn il-jiem tana l-opportunità nirriflettu b’mod wiesa’ fuq il-ġejjieni tal-Ewropa minn bosta perspettivi, grazzi għall-preżenza fostkom ta’ diversi personalitajiet ekkleżjali, politiċi, akkademiċi jew sempliċement ġejjin mis-soċjetà ċivili. Iż-żgħażagħ setgħu jipproponu x-xewqat u t-tamiet tagħhom, f’konfront ma’ dawk l-iżjed anzjani, li, min-naħa tagħhom, kellhom l-okkażjoni joffru l-bagalja tagħhom mimlija riflessjonijiet u esperjenzi. Hu sinifikattiv li din il-laqgħa riedet tkun qabelxejn djalogu fl-ispirtu ta’ konfront ħieles u miftuħ, li permezz tiegħu nistagħnew ilkoll kemm aħna u nixħtu dawl fuq it-triq tal-futur tal-Ewropa, jew aħjar, il-mixja li lkoll flimkien aħna msejħin nagħmlu biex nistgħu negħlbu l-kriżi li għaddejjin minnha u naffrontaw l-isfidi li hemm jistennewna.

 

Li nitkellmu fuq kontribut Nisrani lill-futur tal-kontinent ifisser qabelxejn nistaqsu lilna nfusna x’inhu d-dmir tagħna bħala Nsara llum, f’dawn l-artijiet magħġuna b’mod hekk għani mill-fidi matul is-sekli. X’inhi r-responsabbiltà tagħna fi żmien fejn il-wiċċ tal-Ewropa dejjem iżjed qed jimplika pluralità ta’ kulturi u ta’ reliġjonijiet, waqt li ħafna l-Kristjaneżmu jifhmuh bħala element tal-imgħoddi, imbiegħed u barrani?

 

Persuna u komunità

Fi nżul ix-xemx taċ-ċiviltà antika, waqt li l-glorji ta’ Ruma kienu qed isiru dawk il-fdalijiet li sal-lum għadna nistgħu nammiraw fil-belt; waqt li popli ġodda kienu qed jagħfsu fuq il-fruntieri tal-Imperu l-antik, feġġ żagħżugħ bi kliem is-Salmista fuq fommu: “Min hu l-bniedem li jħobb il-ħajja, u jixtieq jara għomru kollu risq?”.[i] B’din il-mistoqsija fil-Prologu tar-Regola tiegħu, San Benedittu qiegħed għall-attenzjoni tan-nies ta’ żmienu, u anki tagħna, kunċett tal-bniedem radikalment differenti minn dak li kien immarka l-klassiċità Griega-Rumana, u wisq iżjed minn dik vjolenti li kienet ikkaratterizzat l-invażjonijiet barbariċi. Il-bniedem m’għadux sempliċiment civis, ċittadin bi privileġġi li jaħlihom fl-għażż; m’għadux iżjed miles, qaddej li jitqabad għall-poter li jmissu; fuq kollox, m’għadux iżjed servus, biċċa merċa nieqsa minn kull libertà u tajba biss għax-xogħol u għat-taħbit.

 

San Benedittu mhux interessat fil-qagħda soċjali, fl-għana, jew fil-poter ta’ dak li jkun. Hu pjuttost interessat fin-natura komuni ta’ kull bniedem, li, hi x’inhi l-qagħda tiegħu, żgur li hu mxennaq għall-ħajja u jixtieq jiem ta’ hena u risq. Għal Benedittu ma hemmx rwoli, hemm persuni: ma hemmx aġġettivi, hemm nomi. Hu sewwasew dan wieħed mill-valuri fundamentali li ġab il-Kristjaneżmu: is-sens tal-persuna, maħluqa xbieha ta’ Alla. Minn dan il-prinċipju beda l-bini ta’ monasteri, li maż-żmien saru benniena tar-rinaxximent uman, kulturali, reliġjuż u anki ekonomiku tal-kontinent.

 

L-ewwel, u forsi l-ikbar, kontribut li l-Insara jistgħu jagħtu lill-Ewropa tal-lum hu li jfakkruha li hi mhijiex xi ġabra ta’ numri jew ta’ istituzzjonijiet, imma hi magħmula mill-persuni. B’xorti ħażina, ninnotaw kif spiss kull dibattitu faċilment jispiċċa jsir diskussjoni ta’ ċifri. Ma hemmx iċ-ċittadini, hemm il-voti. Ma hemmx l-immigranti, imma l-persentaġġi. Ma hemmx il-ħaddiema, hemm l-indikaturi ekonomiċi. Ma hemmx il-foqra, hemm il-marġini tal-faqar. Il-konkret tal-persuna umana hekk jispiċċa ridott għal prinċipju astratt, iżjed komdu u trankwillizzanti. U r-raġuni nistgħu nifhmuha: il-persuni għandhom uċuħ, jobbligawna għal responsabbiltà reali, fattwali, “personali”; iċ-ċifri jżommuna medhija f’raġunamenti, anki siewja u importanti, imma li jibqgħu dejjem bla ruħ. Jagħtuna l-iskuża biex ma nimpenjawx ruħna, għax qatt ma jmissuna fil-laħam il-ħaj.

 

Li nagħraf li l-ieħor hu qabelxejn persuna, ifisser nagħti valur lil dak li jgħaqqadni miegħu. Għax aħna persuni, aħna marbutin mal-oħrajn, aħna nħossuna komunità. Għalhekk it-tieni kontribut li l-Insara jistgħu jagħtu lill-futur tal-Ewropa hu li nerġgħu nagħrfu s-sens ta’ appartenenza għal komunità. Mhux ta’ b’xejn li l-Missirijiet fundaturi tal-Proġett Ewropew għażlu proprju din il-kelma biex jidentifikaw is-suġġett politiku ġdid li ġew biex iwaqqfu. Il-komunità hi l-akbar antidotu għall-individwaliżmi li jikkaretterizzaw żminijietna, u kontra dik it-tendenza mxerrda llum fil-Punent li nħarsu lejna nfusna u ngħixu fis-solitudni. Nifhmu ħażin il-kunċett ta’ libertà, għax ninterpretawh bħallikieku kien id-dmir li nkunu waħidna, maħlula minn kull rabta, u konsegwentement inbniet soċjeta maqlugħa minn għeruqha u nieqsa minn kull sens ta’ appartenenza u ta’ wirt. U għalija din ħaġa gravi.

 

L-Insara jagħrfu li l-identità tagħhom hi qabelxejn relazzjonali. Huma bħal membri ta’ ġisem, il-Knisja (ara 1 Kor 12:12), fejn kull wieħed u waħda bl-identità u l-partikularità tiegħu jieħu sehem b’mod ħieles fil-binja komuni. Bl-istess xebh, din ir-relazzjoni teżisti wkoll fil-qasam tar-relazzjonijiet interpersonali u tas-soċjetà ċivili. Quddiem l-ieħor, kull wieħed jiskopri l-preġji u d-difetti tiegħu; il-punti b’saħħithom u d-dgħufijiet tiegħu: fi kliem ieħor, jiskopri l-wiċċ tiegħu, jifhem l-identità tiegħu.

 

Il-familja, bħala l-ewwel komunità, tibqa’ l-imkien l-iżjed fundamentali ta’ din l-iskoperta. Fiha, id-diversità hi mgħollija u fl-istess waqt hi mifhuma fl-għaqda. Il-familja hi l-għaqda armonjuża tad-differenzi bejn ir-raġel u l-mara, li hi iżjed vera u qawwija skont kemm kapaċi tnissel, tinfetaħ għall-ħajja u għall-oħrajn. Bl-istess mod, komunità ċivili hi ħajja jekk taf tkun miftuħa, jekk taf tilqa’ d-diversità u d-doni ta’ kull persuna u fl-istess waqt jekk taf tnissel ħajjiet ġodda, kif ukoll żvilupp, xogħol, innovazzjoni u kultura.

 

Għalhekk, persuna u komunità huma s-sisien tal-Ewropa li bħala Nsara rridu u nistgħu nagħtu sehemna biex nibnu. Il-ġebliet ta’ din il-binja jissejħu: djalogu, inklużjoni, solidarjetà, żvilupp u paċi.

 

Imkien ta’ djalogu

Illum l-Ewropa kollha, mill-Atlantiku sal-Urali, mill-Pol Nord għall-Baħar Mediterran, ma tistax tippermetti li titlef l-opportunità li tkun qabelxejn imkien ta’ djalogu, sinċier u kostruttiv fl-istess ħin, fejn il-protagonisti kollha għandhom dinjità ndaqs. Aħna msejħin nibnu Ewropa li fiha nistgħu niltaqgħu u nikkonfrontaw ruħna fuq kull livell, f’ċertu sens bħalma kienet l-agorà tal-antikità. Fil-fatt din kienet il-pjazza tal-polis. Mhux biss spazju ta’ skambju ekonomiku, imma anki qalba kruċjali tal-politika, sede fejn kienu jelaboraw il-liġijiet għall-ġid ta’ kulħadd; imkien fejn kien hemm wieqaf it-tempju hekk li d-dimensjoni orizzontali tal-ħajja ta’ kuljum ma kien jonqosha qatt in-nifs traxxendentali li jgħinna nħarsu lil hemm minn dak li jispiċċa, jgħaddi u hu proviżorju.

 

Dan iġagħalna nqisu r-rwol pożittiv u kostruttiv li b’mod ġenerali għandha r-reliġjon fil-bini tas-soċjetà. Jiġini f’moħħi, ngħidu aħna, il-kontribut tad-djalogu interreliġjuż biex l-Insara u l-Musulmani fl-Ewropa jsiru jafu aħjar lil xulxin. B’xorti ħażina, ċertu preġudizzju lajċista, li għadu qawwi ħafna, mhuwiex kapaċi jara l-valur pożittiv li għandu għas-soċjetà r-rwol pubbliku u oġġettiv tar-reliġjon, u jippreferi jwarrabha għall-isfera privata u sentimentali biss. Hekk ikollna l-predominju ta’ ċertu ħsieb uniku,[ii] li hu mifrux sew fil-ġemgħat internazzjonali, li fl-affermazzjoni ta’ identità reliġjuża jilmaħ periklu għalih u għall-eġemonija tiegħu, u hekk jispiċċa jiffavorixxi kontrappożizzjoni artifiċjali bejn il-jedd għal-libertà reliġjuża u jeddijiet fundamentali oħra. Hemm divorzju bejniethom.

 

Li taħdem b’risq id-djalogu – kull djalogu – hi responsabbiltà bażilari tal-politika, u din, b’xorti ħażina, spiss qegħdin ninnotaw kif pjuttost qed tinbidel f’sede ta’ skontru bejn forzi li jeħduha kontra xulxin. Flok il-leħen tad-djalogu għandna l-għajat ta’ min ifittex id-dritt tiegħu. Minn ħafna bnadi taslilna s-sensazzjoni li l-ġid komuni m’għadux l-għan primarju mfittex, u dan in-nuqqas ta’ interess qed iħossuh ħafna ċittadini. Għalhekk f’ħafna pajjiżi qed isibu art għammiela l-gruppi estremisti u populisti li jagħmlu mill-protesta l-qalba tal-messaġġ politiku tagħhom, imma mingħajr ma joffru l-alternattiva ta’ proġett politiku kostruttiv. Id-djalogu jeħdulu postu, jew kontrappożizzjoni sterili, li tista’ anki tipperikola l-konvivenza ċivili, jew eġemonija tal-poter politiku li tagħlaq f’nassa u ma tħallix tiżviluppa ħajja demokratika vera. Minn naħa jinqerdu l-pontijiet, u mill-oħra jinbnew il-ħitan. U llum l-Ewropa t-tnejn li huma taf xi jfissru.

 

L-Insara msejħin jaħdmu b’risq id-djalogu politiku, speċjalment hemm fejn dan hu mhedded u dejjem donnu iktar qed jerfa’ rasu l-ġlied. L-Insara huma msejħin iroddu d-dinjità lill-politika, mifhuma bħala l-ogħla servizz lill-ġid komuni u mhux bħala ħtif tal-poter. Dan jitlob ukoll formazzjoni xierqa, għax il-politika mhijiex “l-arti tal-improviżazzjoni”, imma espressjoni għolja ta’ sagrifiċċju u għotja personali għall-ġid tal-komunità. Li tkun leader jitlob studju, preparazzjoni u esperjenza.

 

Qasam inklużiv

Hi responsabbiltà komuni tal-mexxejja li jaħdmu b’risq Ewropa li tkun komunità inklużiva, fejn fil-bażi tagħha ma jkunx hemm in-nuqqas ta’ qbil: inklużjoni ma tfissirx li nġibu lil kulħadd fuq l-istess livell migħajr differenzi ta’ xejn. Bil-maqlub, huma tassew inklużivi dawk li jafu jagħtu valur lid-differenzi, u jarawhom bħala wirt komuni u li minnu jistagħna kulħadd. F’din il-perspettiva, l-immigranti huma riżorsa iżjed milli piż. L-Insara msejħin jimmeditaw serjament l-affermazzjoni ta’ Ġesù: “Kont barrani u lqajtuni” (Mt 25:35). Fuq kollox quddiem id-dramma tal-immigranti u r-rifuġjati, ma nistgħux ninsew il-fatt li ninsabu quddiem persuni, li ma nistgħux nagħżluhom jew narmuhom kif jogħġob lilna, skont loġika politika, ekonomika jew saħansitra reliġjuża.

 

Madankollu, dan mhuwiex f’kuntrast mad-dmir ta’ kull awtorità ta’ tmexxija li tara kif tipprovdi għall-kwistjoni migratorja “bil-virtù proprja ta’ min imexxi, jiġifieri l-prudenza”,[iii] li għandha tagħti kas kemm tal-ħtieġa li jkollha qalb miftuħa, u kemm tal-possibbiltajiet li tintegra b’mod sħiħ lil dawk li jaslu fil-pajjiż fuq livell soċjali, ekonomiku u politiku. Ma nistgħux naħsbu li l-fenomenu migratorju hu proċess indiskriminat u bla regoli, imma lanqas nistgħu ntellgħu ħitan ta’ indifferenza jew ta’ biża’. Min-naħa tagħhom, l-istess immigranti ma għandhomx jittraskuraw id-dmir serju li jagħrfu, jirrispettaw u anki jassimilaw il-kultura u t-tradizzjonijiet tal-pajjiż li jilqagħhom.

 

Spazju ta’ solidarjetà

Li nħabirku b’risq komunità inklużiva jfisser nibnu spazju ta’ solidarjetà. Li nkunu komunità fil-fatt jimplika li nwieżnu lil xulxin u li allura ma jistgħux ikunu biss il-ftit li jġorru piżijiet u jagħmlu sagrifiċċji ta’ barra minn hawn, waqt li oħrajn jibqgħu jistkennu wara d-difiża ta’ pożizzjonijiet ipprivileġġjati. Unjoni Ewropea li, meta taffronta l-kriżijiet tagħha, ma tiskoprix is-sens li hi komunità waħda li twieżen u tgħin lil xulxin – u mhux ġabra ta’ gruppi żgħar b’interessi differenti – titlef mhux biss waħda mill-isfidi l-iżjed importanti tal-istorja tagħha, imma anki waħda mill-ikbar opportunitajiet għall-ġejjieni tagħha.

 

Is-solidarjetà, dik il-kelma li ħafna drabi donna rridu nneħħu mid-dizzjunarju. Is-solidarjetà, li fil-perspettiva Nisranija ssib ir-raġuni tal-eżistenza tagħna fil-kmandament tal-imħabba (ara Mt 22:37-40), ma tistax għajr tkun l-għajn li tgħajjex komunità ħajja u matura. Flimkien mal-prinċipju kardinali l-ieħor tas-sussidjarjetà, din tolqot mhux biss ir-relazzjonijiet bejn l-Istati u r-Reġjuni tal-Ewropa. Li tkun komunità solidali jfisser ikollok l-għożża għall-iżjed dgħajfa tas-soċjetà, għall-foqra, għal dawk li huma mormija mis-sistemi ekonomiċi u soċjali, ibda mill-anzjani u l-qiegħda. Imma s-solidarjetà titlob ukoll li nirkupraw mill-ġdid il-kollaborazzjoni u t-tweżin reċiproku bejn il-ġenerazzjonijiet.

 

Sa mis-sittinijiet tas-seklu l-ieħor għandna kunflitt ġenerazzjonali bla preċedenti. Aħna u ngħaddu lill-ġenerazzjonijiet il-ġodda l-ideali li għamlu lill-Ewropa kbira, nistgħu ngħidu bi ftit esaġerazzjoni li flok it-tradizzjoni ppreferejna t-tradiment. Ġie miċħud dak li waslilna minn missirijietna, u hekk ġie fuqna ż-żmien ta’ sterilità drammatika. Mhux biss għax fl-Ewropa ftit qed inġibu tfal – ix-xitwa demografika tagħna –, u ħafna huma dawk li ġew imċaħħda mid-dritt li jitwieldu, imma anki għax skoprejna li m’aħniex kapaċi ngħaddu liż-żgħażagħ tagħna l-għodda materjali u kulturali biex jaffrontaw il-ġejjieni. L-Ewropa qed tgħix għamla ta’ defiċit tal-memorja. Li nerġgħu lura biex inkunu komunità solidali jfisser niskopru mill-ġdid il-valur tal-imgħoddi tagħna, biex jistagħna l-preżent tagħna u ngħaddu lil ta’ warajna futur ta’ tama.

 

Minflok, tant żgħażagħ qed iħossuhom mifxula quddiem in-nuqqas ta’ għeruq u ta’ perspettivi, iħossuhom maqlugħa minn għeruqhom, “mitfugħin ’l hawn u ’l hemm, imkaxkra minn kull riħ ta’ tagħlim” (Efes 4:14); xi drabi anki “priġunieri” ta’ adulti possessivi, li jsibuha bi tqila jagħmlu dak li hu mistenni minnhom bħala dmir. Il-piż tal-edukazzjoni hu serju, mhux biss biex toffri flimkien l-għarfien tekniku u xjentifiku, imma fuq kollox ħa tħabrek “biex il-popli kollha jilħqu l-perfezzjoni integrali tal-persuna umana, jiksbu l-ġid tas-soċjetà temporali u jibnu dinja aktar umana”.[iv] Dan jesiġi l-involviment tas-soċjetà kollha. L-edukazzjoni hi dmir komuni, li jitlob is-sehem attiv fl-istess ħin tal-ġenituri, tal-iskola u tal-universitajiet, tal-istituzzjonijiet reliġjużi u tas-soċjetà ċivili. Mingħajr edukazzjoni, ma tistax toħloq kultura u jixraf it-tessut li jagħti l-ħajja lill-komunità.

 

Għajn ta’ żvilupp

L-Ewropa li terġa’ tiskopri li hi komunità żgur li ssir għajn ta’ żvilupp għaliha nfisha u għad-dinja kollha. L-iżvilupp irridu nifhmuh fis-sens li ta lil din il-kelma l-Beatu Pawlu VI. “Biex jista’ jissejjaħ żvilupp tassew għandu jkun sħiħ, jiġifieri għandu jaħseb għall-ġid ta’ kull bniedem u tal-bniedem kollu. Wieħed għaref u mħarreġ f’dawn il-ħwejjeġ iżomm dan: ‘Aħna ma napprovawx li l-idea tal-ekonomija għandha tinfired mill-idea ta’ bniedem, jew li tkun meqjusa mifruda miċ-ċiviltà li għaliha tappartieni. Skont kif naħsbuha aħna, għandu jkun stmat ħafna l-bniedem, kull bniedem, anzi l-għaqda tal-bnedmin kollha’”.[v]

 

Bla dubju l-iżvilupp tal-bniedem hu megħjun mix-xogħol, li hu fattur essenzjali għad-dinjità u l-maturazzjoni tal-persuna. Hemm bżonn tax-xogħol u ta’ kundizzjonijiet xierqa ta’ xogħol. Fis-seklu li għadda ma naqsux eżempji elokwenti ta’ imprendituri Nsara li fehmu kif is-suċċess tal-inizjattivi tagħhom kien jiddipendi qabelxejn mill-possibbiltajiet li joffru opportunitajiet ta’ impjieg u kundizzjonijiet denji ta’ xogħol. Jeħtieġ nitilqu mill-ġdid mill-ispirtu ta’ dawk l-inizjattivi, li huma wkoll l-aħjar antidotu għall-iżbilanċ ipprovokat minn globalizzazzjoni bla ruħ, globalizzazzjoni “sferika”, li, iżjed attenta għall-profitt milli għall-persuni, ħolqot faxex kbar ta’ faqar, qagħad, sfruttament jew kundizzjonijiet soċjali ħżiena.

 

Ikun opportun li niskopru mill-ġdid il-bżonn ta’ konkretezza ta’ xogħol, fuq kollox għaż-żgħażagħ. Illum ħafna tendenzjalment jaħarbu xogħlijiet f’oqsma li darba kienu kruċjali, għax fihom wisq taħbit u ftit iħallsu, u jinsew kemm dawn huma indispensabbli għall-iżvilupp uman. X’kien jiġri minna mingħajr l-impenn tal-persuni li bix-xogħol tagħhom jikkontribwixxu għall-għajxien tagħna ta’ kuljum? X’jiġri minna mingħajr ix-xogħol kollu sabar u inġenjuż ta’ min iħit il-ħwejjeġ li nilbsu u jibni d-djar li ngħixu fihom? Ħafna professjonijiet li llum inqisuhom tat-tieni klassi, huma fundamentali. Huma hekk mill-perspettiva soċjali, imma fuq kollox huma hekk għas-sodisfazzjon li l-ħaddiema jirċievu mill-fatt li jistgħu jkunu utli għalihom infushom u għall-oħrajn permezz tal-ħidma tagħhom ta’ kuljum.

 

Daqstant ieħor hu mistenni mill-gvernijiet li joħolqu l-kundizzjonijiet ekonomiċi b’risq intraprenditorjat san u livelli xierqa ta’ impjieg. Xogħol il-politika hu speċjalment li tqanqal mill-ġdid ċirku virtuż li, ibda mill-investimenti favur il-familja u l-edukazzjoni, iġib l-iżvilupp armonjuż u paċifiku tal-komunità ċivili kollha.

 

Wegħda ta’ sliem

Fl-aħħar nett, l-impenn tal-Insara fl-Ewropa għandu jġib wegħda ta’ sliem. Kien dan il-ħsieb ewlieni li qanqal lill-firmatarji tat-Trattati ta’ Ruma. Wara żewġ gwerer dinjija u vjolenzi attroċi ta’ popli kontra popli, kien wasal iż-żmien li jaffermaw id-dritt għall-paċi.[vi] Huwa dritt. Imma llum ukoll għadna naraw kif il-paċi hi ġid dgħajjef u l-modi ta’ loġika partikulari u nazzjonali qed jirriskjaw li jġibu fix-xejn il-ħolm kuraġġjuż tal-fundaturi tal-Ewropa.[vii]

 

Madankollu, li nkunu nies li jġibu l-paċi (ara Mt 5:9) ma jfissirx biss li nirsistu biex nevitaw it-tensjonijiet interni, naħdmu biex inġibu fit-tmiem l-għadd ta’ kunflitti li qed iċappsu d-dinja bid-dmija jew noffru serħan lil min qed ibati. Li nkunu bennejja tal-paċi jfisser insiru promuturi ta’ kultura tal-paċi. Dan jitlob imħabba għall-verità, li mingħajrha ma jistgħux jeżistu relazzjonijiet umani awtentiċi, u nfittxu l-ġustizzja, li mingħajrha l-abbuż tal-poter isir in-norma li ssaltan f’kull komunità.

 

Il-paċi tesiġi wkoll kreattività. L-Unjoni Ewropea tista’ żżomm sħiħ fl-impenn tagħha b’risq il-paċi skont kemm ma titlifx it-tama u tagħraf tiġġedded biex twieġeb għall-ħtiġijiet u għax-xewqat taċ-ċittadini tagħha. Mitt sena ilu, proprju f’dawn il-jiem, bdiet il-battalja ta’ Caporetto, waħda mill-iżjed traġiċi tal-Gwerra l-Kbira. Kienet il-quċċata ta’ gwerra intiża biex iċċeddi lill-avversarju ftit ftit, li kienet l-ewwel kunflitt dinji, li kellu l-primat kiebi li jaħsad il-ħajja ta’ għadd bla tarf ta’ vittmi f’konkwisti bla sugu. Minn dik il-ġrajja nitgħallmu li jekk noqogħdu nħaffru l-ħofor biex ninħbew wara l-pożizzjonijiet tagħna, nispiċċaw biex immutu. Allura dan mhuwiex iż-żmien biex nibnu t-trinek, imma hu ż-żmien li niksbu l-kuraġġ li naħdmu biex inwettqu b’mod sħiħ il-ħolma tal-Missirijiet fundaturi ta’ Ewropa magħquda u b’fehma waħda, komunità ta’ popli mixtieqa għall-qsim ta’ destin wieħed ta’ żvilupp u ta’ paċi.

 

Inkunu ruħ tal-Ewropa

Eminenzi, Eċċellenzi,

Mistiedna illustri,

 

L-awtur tal-Ittra lil Djonetu jafferma li “kif ir-ruħ hi għall-ġisem, hekk huma l-Insara għad-dinja”.[viii] F’dan iż-żmien, huma msejħin iroddu lura lill-Ewropa r-ruħ tagħha biex iqajmu l-kuxjenza tagħha, mhux biex jokkupaw spazji – dan ikun proselitiżmu –, imma biex itellqu proċessi[ix] li jiġġeneraw dinamiżmi ġodda fis-soċjetà. Dan hu sewwasew li għamel San Benedittu, li mhux ta’ b’xejn Pawlu VI ipproklamah Patrun tal-Ewropa: hu ma qagħadx jaħseb kif ħa jokkupa spazji f’dinja mitlufa u mħawda. Imwieżen bil-fidi, hu ħares lil hemm u minn għar ċkejken tas-Subiaco ta l-ħajja lil moviment, li kellu qawwa li tittieħed u xejn ma seta’ jwaqqfu, li fassal mill-ġdid wiċċ l-Ewropa. Hu, li kien “ħabbar tas-sliem, wettieq tal-għaqda, mgħallem ta’ ċiviltà”,[x] juri lilna wkoll Insara tal-lum kif mill-fidi tnixxi dejjem it-tama hienja, li għandha l-ħila tibdel id-dinja. Grazzi.

 

Ħa jbierek il-Mulej lilna kollha, ibierek il-ħidma tagħna, ibierek il-popli tagħna, il-familji tagħna, iż-żgħażagħ tagħna, l-anzjani tagħna, ibierek lill-Ewropa.

 

Iberikkom Alla li jista’ kollox, il-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu.

 

Grazzi ħafna. Grazzi.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard


 

[i] BenedittuRegola, Prologu, 14. Ara Sal 33:13.

[ii] Id-dittatura tal-ħsieb uniku. Meditazzjoni ta’ filgħodu fil-Kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ, 10 ta’ April 2014.

[iii] Konferenza stampa fit-titjira lura mill-Kolombja, 10 ta’ Settembru 2017.

[iv] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Dikjarazzjoni Gravissimum educationis, 28 ta’ Ottubru 1965, 3.

[v] Pawlu VI, Ittra enċiklika Popolorum progressio, 26 ta’ Marzu 1967, 14.

[vi] Ara Diskors lill-istudenti u lid-dinja akkademika, Bologna, 1 ta’ Ottubru 2017, n. 3.

[vii] Ara ibid.

[viii] Ittra lil Djonetu, VI.

[ix] Ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 223.

[x] Pawlu VI, Ittra appostolika Pacis Nuntius, 24 ta’ Ottubru 1964.