DISKORS TAL-BEATITUDNI TIEGĦU IERONYMOS, ARĊISQOF TA’ ATENE U TAL-GREĊJA KOLLHA

Hu b’ferħ uniku li llum qed nilqgħu f’Lesvos lill-Kap tal-Knisja Kattolika Rumana, il-Papa Franġisku.

Aħna nqisu l-preżenza tiegħu fuq it-territorju tal-Knisja tal-Greċja bħala pern.  Pern għaliex flimkien qed inwasslu lid-dinja kollha, Nisranija u mhix, it-traġedja tal-kriżi tar-rifuġjati li hawn bħalissa.

Irrodd  ħajr minn qalbi lis-Santità, u ħija maħbub fi Kristu, il-Patrijarka Ekumeniku Bartilmew, li qed iberikna bil-preżenza tiegħu bħala l-l-Prim tal-Ortodossi, magħqudin permezz tat-talb tiegħu, biex il-leħen tal-Knejjes ikollu aktar saħħa u jinstama’ mal-erbat irjieħ tad-dinja ċiviliżżata.

Illum, flimkien qed ngħaqqdu leħinna biex nikkundannaw u niddenunzjaw kull għamla ta’ disprezz lejn il-persuna umana u t-tqaċċit tagħha mill-għeruq tagħha.

Minn dil-gżira, Lesvos, nittama li nqanqal madwar id-dinja, moviment, biex dawk li għandhom f’idejhom id-destin tan-nazzjonijiet jagħtu każ tal-mewġa li għaddejja, titqanqal fihom il-kuxjenza ħalli jroddu lura l-paċi u l-ħarsien lil kull dar, lil kull familja u lil kull ċittadin.

Sfortunatament mhix l-ewwel darba li qed nikkundannaw il-politika li wasslet lil dawn il-popli f’din is-sitwazzjoni ta’ sqaq.  Madankollu aħna se nibqgħu naħdmu sakemm l-aberrazzjoni u d-disprezz tal-persuna umana, jieqfu.

Mhemmx għalfejn ngħidu ħafna diskors.  Hu biss min bħalna iltaqa’ u ra għajnejn dak it-tfajjel ċkejken fil-kamp tar-rifuġjati li jista’ jifhem mill-ewwel u sħiħ, il-falliment tal-umanità u tas-solidarjetà li wriet l-Ewropa lejn dawn in-nies, tul dawn l-aħħar ftit snin, u mhux lejhom biss.

Jiena kburi bil-Griegi li,minkejja li għaddejjin mid-diffikultajiet tagħhom, qed jgħinu lil dawn ir-rifuġjati biex il-Kalvarju tagħhom isir anqas iebes, biex it-telgħa li telgħin minnha tkun anqas iebsa.

Il-Knisja tal-Greċja u jien personalment, nibku ‘l ħafna rwieħ mitlufa fil-Baħar Eġew.  Diġà għamilna ħafna u se nkomplu kemm ituna l-ħiliet tagħna, biex nieħdu f’idejna din il-kriżi tar-rifuġjati.  Nixtieq intemm billi nagħmel talba, sejħa sempliċi, provokazzjoni sempliċi: biex fl-aħħar, l-aġenziji tal-Ġnus Magħquda, bl-esperjenza kbira li għandhom, jindirizzaw din is-sitwazzjoni traġika li qed ngħixu bħalissa.  Nittama li qatt ma naraw tfal mitfugħin mill-mewġ fuq ix-xtut tal-Eġew.  Nittama li ma ndumx ma narahom hemmekk, moħħhom ħieles, igawdu l-ħajja.

 

 

 

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU BARTILMEW, PATRIJARKA EKUMENIKU TA’ KOSTANTINOPLI

Ħuti mill-aktar għeżież,
Żgħażagħ u tfal prezzjużi,

Aħna ġejna hawn biex inħarsu f’għajnejkom, nisimgħu leħinkom u nżommulkom idejkom.  Aħna ġejna hawn biex ngħidulkom li nagħtu każ.  Aħna ġejna hawn għax id-dinja nsietkom.

Flimkien ma’ ħutna l-Papa Franġisku u l-Arċisqof Ieronymus, illum qiegħdin hawn biex nesprimu solidarjetà u sapport lill-poplu Grieg, li laqgħekom u ħa ħsiebkom.  U aħna qiegħdin hawn biex infakkrukom illi – anki meta bnedmin oħra jagħtuna l-ġenb – madankollu, “Alla hu l-kenn u l-qawwa tagħna; Alla hu l-għajnuna tagħna fit-tbatija.  Għalhekk ma nibżgħux” (Salm 45: 2-3)

Aħna nafu li intom ġejtu hawn minn żoni ta’ gwerra, ġuħ u tbatija.  Nafu li qlubkom mimlijin ansjetà dwar il-familji tagħkom.  Nafu li intom qed tfittxu futur aktar żgur u isbaħ.

Bkejna aħna u naraw il-Baħar Mediterran isir ċimiterju għall-maħbubin tagħkom.  Bkejna meta rajna s-simpatija u s-sensibbiltà tal-poplu ta’ Lesvos u tal-gżejjer l-oħra.  Imma bkejna wkoll meta rajna l-ebusija tal-qalb ta’ ħutna – ħutkom – li għalqu l-fruntieri u telqu ‘l hemm.

Dawk li qed jibżgħu minnkom ma ħarsux f’għajnejkom.  Dawk li qed jibżgħu minnkom mhux jaraw wiċċkom.  Dawk li qed jibżgħu minnkom mhux qed jaraw lil uliedkom.

Insew li d-dinjità u l-libertà jittraxxendu l-biża u l-qasma.  Jinsew li l-migrazzjoni mhix kwistjoni tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta’ Fuq, tal-Ewropa u tal-Greċja.  Hi kwistjoni li toqlot lid-dinja kollha.

Id-dinja trid tiġi ġġudikata fuq kif ittrattat lilkom.  U aħna lkoll irridu nagħtu kont għal mod kif qed inwieġbu għal din il-kriżi u għall-kunflitti fir-reġjuni li intom ġejjin minnhom.

Il-Baħar Mediterran m’għandux ikun qabar.  Hu post ta’ ħajja, salib it-toroq tal-kulturi u ċiviliżżazzjonijiet, post ta’ skambju u djalogu.  Biex jerġa’ jsib mill-ġdid il-vokazzjoni oriġinali tiegħu, il-Mare Nostrum, u aktar speċifikament il-Baħar Eġew, fejn aħna miġburin illum, għandu jsir baħar ta’ paċi.  Nitolbu biex il-kunflitti fil-Lvant Nofsani, li huma l-għeruq ta’ din il-kriżi migratorja, jieqfu bla dewmien u jerġa’ jkun hemm il-paċi.  Nitolbu għall-popli kollha ta’ dan ir-reġjun.  Fuq kollox irridu niġbdu l-attenzjoni dwar is-sitwazzjoni drammatika tal-Insara fil-Lvant Nofsani, kif ukoll tal-gruppi etniċi l-oħra u l-minoranzi reliġjużi tar-reġjun, li jeħtieġu azzjoni urġenti jekk ma rridux narawhom jisparixxu.

Inwegħdukom li qatt m’aħna se ninsewkom.  Qatt ma se nehdew nitkellmu f’isimkom.  U niżgurawkom li se nagħmlu minn kollox biex niftħu l-għajnejn u l-qlub tad-dinja.

Il-paċi mhix it-tmiem tal-istorja.  Il-Paċi hi l-bidu ta’ Storja marbuta mal-futur.  L-Ewropa għandha tkun taf dan aktar minn kull kontinent ieħor.

Dil-gżira sabiħa li qiegħdin fuqha issa hi biss tikka fil-mappa.

Skont San Luqa, meta d-dgħajsa li kien fuqha Hu u d-dixxipli kienet fil-periklu, biex jiddomina r-riħ u l-baħar qawwi, b’kelma waħda Ġesù waqqaf kollox f’ħakka t’għajn.  Wara l-maltemp wasal il-bnazzi.

Alla jberikkom.  Alla jwenniskom.  U Alla jqawwikom.

 

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Għeżież ħuti,,

Illum ridt inkun magħkom.  Irrid ngħidilkom li m’intomx waħedkom.  Tul dawn ix-xhur u ġimgħat, intom sofrejtu ħafna biex tfittxu ħajja aħjar.  Ħafna minnkom kontu mġegħlin taħarbu minn sitwazzjonijiet ta’ kunflitti u persekuzzjoni, fuq kollox minħabba uliedkom, minħabba ż-żgħar tagħkom.  Għamiltu sagrifiċċji kbar għall-familji tagħkom.  Iġġarrbu d-dulur li ħallejtu warajkom dak lkollu li kien għażiż għalikom – u dak li forsi hu aktar diffiċli – mingħajr ma tafu x’kien fih il-futur tagħkom.  Ħafna oħrajn ukoll, flimkien magħkom, jinsabu fil-kampijiet tar-rifuġjati jew fl-ibliet, jistennew, jittamaw li jibnu ħajja ġdida f’dan il-kontinent.

Ġejt hawn flimkien ma’ ħuti, il-Patrijarka Bartilmew u l-Arċisqof Ieronymus, sempliċiment biex inkun magħkom u biex nisma’ l-istejjer tagħkom.  Ġejna hawn biex niġbdu l-attenzjoni tad-dinja fuq din il-kriżi umanitarja gravi u biex nitolbu bil-ħerqa li tkun solvuta.  Bħala bnedmin ta’ fidi, nixtiequ ngħaqqdu leħinna flimkien biex nitkellmu fil-miftuħ f’isimkom.  Nittamaw li d-dinja tagħti każ ta’ din is-sitwazzjoni ta’ ħtieġa traġika u veramnet iddisprata, u tagħti tweġiba denja tal-umanità komuni tagħna.

Alla ħalaq il-ġeneru uman biex ikun familja waħda: meta xi ħaddd minn ħutna jkun qed isofri, t-tbatija tolqot lilna lkoll.  Ilkoll nafu mill-esperjenza kemm hu faċli għal xi wħud li jinjoraw it-tbatija tal-oħrajn jew, saħansitra, jisfruttaw id-dgħufija tagħhom.  Imma nafu wkoll li anki dawn il-kriżijiet jistgħu joħorġu minna l-aħjar tagħna.  Rajtuh intom fuqkom stess u fil-poplu Grieg, li b’ġenerożità wieġeb għall-ħtiġijiet tagħkom minkejja d-diffikultajiet li qed iħabbat wiċċu magħhom.  Rajtuh ukoll fil-ħafna persuni, speċjalment żgħażagħ ġejjin mill-Ewropa kollha u minn madwar id-dinja, li ġew hawn biex jgħinukom.  Veru li għad jonqos ħafna xi jsir.  Imma rroddu ħajr lil Alla illi fit-tbatija tagħna qatt ma jħallina waħedna.  Dejjem hemm xi ħadd lil jnewlilna idu biex jgħinna.

Dan hu l-messaġġ li nixtieq inħallilkom illum: titilfux it-tama!  L-akbar rigal li nistgħu noffru lil xulxin hija l-imħabba: ħarsa ta’ ħniena, il-premura biex nisimgħu lil xulxin u nifhmu lil xulxin, kelma ta’ inkoraġġiment, talba.  Jalla taqsmu dan ir-rigal ma’ xulxin.  Aħna l-Insara nħobbu nirrakkuntaw l-episodju tas-Sammaritan it-Tajjeb, stranġier li ra bniedem fil-bżonn u mill-ewwel waqaf biex jgħinu.  Għalina hi parabbola li titkellem dwar il-ħniena t’Alla, li hi ndirizzata lejn kulħadd.  Hu il-Ħanin.  Huwa wkoll appell biex titnwera dik l-istess ħniena ma’ dawk li jinsabu fil-bżonn.  Jalla ħutna kollha ta’ dan il-kontinent, bħas-Sammaritan it-Tajjeb, jiġu jgħinukom b’dak l-ispirtu ta’ fraternità, solidarjetà u rispett lejn dinjità umana sħiħa, li hija karatteristika tal-istorja twila tiegħu.

Għeżież ħuti, Alla jberikkom ilkoll, b’mod speċjali t-tfal tagħkom, l-anzjani u dawk kollha li qed ibatu fil-ġisem u fl-ispirtu.  Inħaddankom ilkoll b’imħabba.  Fuqkom u fuq min qed jakkumpanjakom ninvoka d-doni divini tal-fortitudni u tal-paċi.

 

 

 

Miġjubin għall-Malti mit-Taljan u mill-Ingliż minn Joe Huber


 

ŻJARA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA FRANĠISKU

F’LESVOS (IL-GREĊJA)

LAQGĦA MAĊ-ĊITTADINANZA U MAL-KOMUNITÀ KATTOLIKA.
TIFKIRA TAL-VITTMI TAL-MIGRAZZJONI

Il-kwartieri tal-Gwardja tal-Kosta
Is-Sibt, 16 ta’ April, 2016

 

Sur Kap tal-Gvern,
Awtoritajiet Dist
inti,
għeżież ħuti,

Minn mindu Lesbo saret art fejn jaslu tant migranti jfittxu l-paċi u d-dinjità, ħassejt  ix-xewqa li niġi hawn.  Illum niżżi ħajr ‘l Alla li tani din l-opportunità.  U rrodd ħajr lis-Sur President Pavlopoulos li stedinni, flimkien mal-Patrijarka Bartilmew u l-Arċisqof Ieronymus.

Nixtieq nesprimi l-ammirazzjoni tiegħi lejn il-poplu Grieg li, minkejja d-diffikutajiet gravi li għandu quddiemu, għaraf iżomm miftuħin il-qlub u l-bibien.  Tant persuni sempliċi taw mill-ftit li kellhom biex jinqasam ma’ min kien nieqes minn kollox.  Alla għad ipatti din il-ġenerożità, kif ukoll dik tan-nazzjonijiet tad-dawra, li sa mill-ewwel waqtiet laqgħu b’disponibbiltà kbira ‘l-ħafna li saru migranti kontra qalbhom.

Hi wkoll imbierka l-preżenza ġeneruża ta’ tant volontarji u l-bosta assoċjazzjonijiet li, flimkien mad-diversi istituzzjonijiet pubbliċi, taw u għadhom jagħtu l-għajnuna, biex b’hekk jesprimu qrubija fraterna konkretament.

Illum nixtieq inġedded appell minn qiegħ qalbi biex tintwera r-responsabbiltà u s-solidarjetà quddiem sitwazzjoni tant drammatika.  Ħafna li jinsabu tturufnati fuq din il-gżira u f’inħawi oħra tal-Greċja, qed jgħixu f’kundizzjonijiet kritiċi, fi klima ta qtigħ il-qalb u biża’, kultant f’disperazzjoni, minħabba n-nuqqasijiet materjali u l-inċertezza dwar il-futur.  Il-preokkupazjonijiet tal-istituzzjonijiet u tan-nies hawn fil-Greċja, kif ukoll f’pajjiżi oħra tal-Ewropa, wieħed jifimhom u huma leġittimi.  Madankollu qatt ma nistgħu ninsew li l-migranti, qabel ma’ huma numri, huma persuni, għandhom wiċċ, isem u storja.  L-Ewropa hi l-patrija tad-drittijiet umani u kull min imidd siequ fuq art Ewropea għandu jħoss dan, b’hekk isir aktar konxju li min-naħa tiegħu għandu jirrispettahom u jiddefendihom.  Sfortunatament, uħud, fosthom ħafna tfal żgħar, lanqas biss irnexxilhom jaslu: tilfu ħajjithom fil-baħar, vittmi ta’ vjaġġi diżumani u tal-vessazzjoni tal-klazrieri vili.

Intom, abitanti ta’ Lesvo, turu li f’dawn l-artijiet, benniena ta’ ċiviltajiet, għadha tħabbat qalb ta’ umanità li taf tagħraf qabel kollox, lill-aħwa, umanità li trid tibni pontijiet u taħrab mill-illużjoni li tibni ħitan biex tħossha aktar imkenna.  Fil-fatti il-barrieri joħolqu l-firda, minflok jgħinu l-veru progress tal-popli, u l-firdiet ħin jew ieħor iwasslu għall-ġlied.

Biex inkunu solidali ma’ min hu mġiegħel jaħrab minn artijietu, hemm bżonn ħidma biex jitneħħew il-kawżi ta’ din ir-realtà drammatika: mhux biżżejjed nagħtu każ tal-emerġenza tal-mument, imma jeħtieġ tkun żviluppata politika wiesa, mhux unilaterali.  Qabel kollox hu meħtieġ li tissawwar il-paċi fejn il-gwerra ġabet qerda u mewt u naraw kif dan il-kankru ma jinfirixx aktar.  Għaldaqstant meħtieġ li b’rieda qawwija niġġieldu t-traffikar tal-armi u x-xbieki spiss moħbija li hemm warajhom: kull min għandu proġetti ta’ mibgħeda u vjolenza għandha tinqatalu kull għajnuna.  U mingħajr heda hemm bżonn tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn il-pajjiżi, l-organiżżazzjonijiet internazzjonali u l-istituzzjonijiet umanitarji, billi lil min qed jaffronta l-emerġenza mhux talli ma niżolawhx talli nissapportjawh.  F’dan id-dawl nawgura suċċess lill-ewwel “Summit” Umanitarju Dinji li se jsir f’Istanbul ix-xahar id-dieħel.

Dan kollu jista’ jsir biss jekk (naħdmu) flimkien: flimkien jistgħu jsiru u għandna nfittxu soluzzjonijiet denji tal-bniedem għal din il-kwistjoni komplikata tat-turufnati.  F’dan hu indispensabbli wkoll il-kontribut tal-Knejjes u tal-komunitajiet reliġjużi.  Il-preżenza tiegħi hawn flimkien mal-Patrijarka Bartilmew u l-Arċisqof Ieronymus hi xhieda tar-rieda tagħna li nkomplu nikkollaboraw biex din l-isfida epokali ssir okkażjoni mhux ta’ skontru, imma ta’ tkabbir taċ-ċiviltà tal-imħabba.

Għeżież ħuti, quddiem it-traġedji li bihom miġrugħa l-umanità, Alla ma jibqax indifferenti, ma jibqax il-bogħod.  Hu Missierna u jsostnina biex nibnu t-tajjeb u nirrifjutaw il-ħażen.  Mhux biss isostnina, imma f’Ġesù wera l-veru triq tal-paċi.  Quddiem il-ħażen tad-dinja, Hu sar qaddej tagħna, u bis-servizz ta’ mħabba tiegħu salva d-dinja.  Din hi l-vera setgħa li tiġġenera l-paċi.  Hu biss min iservi b’imħabba li jibni l-paċi.  Il-qadi jġegħelna noħorġu minna nfusna biex nieħdu ħsieb l-oħrajn, ma jħallix li kollox jintemm f’rovina, imma jaf iħares kollox, spiss billi jegħleb il-kisja tal-indifferenza li ttappan l-imħuħ u l-qlub.

Grazzi lilkom, għax intom ħarriesa tal-umanità, għax intom tagħtu kura tenera lil-laħam ta’ Kristu, li jsofri fl-aktar ċkejken imġewwaħ u barrani, u li intom ilqajtuh (cfr Mattew 25, 35).

 


 

IL-BEATITUDNI TIEGĦU IERONYMUS, ARĊISQOF TA’ ATENE U TAL-GREĊJA KOLLHA

O Alla ta’ kull spirtu u laħam, li sħaqt il-mewt billi qridt is-setgħa tax-xitan u tajt il-ħajja lid-dinja tiegħek, agħti o Mulej, lill-erwieħ tal-qaddejja tiegħek li ħallew din i-ħajja, il-mistrieħ f’imkien ta’ dawl, f’mergħa tħaddar, f’post ta’ seħan, fejn it-tbatija, in-niket u l-biki jgħibu.  Aħfer, Alla twajjeb u ta’ mħabba, kull dnub li huma għamlu bil-ħsieb, bil-kliem u bl-għemil, ladarba mhemm ebda bniedem li jista’ jgħix mingħajr dnub, għax Inti biss mingħajr ħtija: il-virtù tiegħek u l-liġi tiegħek huma verità.

Għaliex Int il-Qawmien, il-Ħajja u s-Serħan tal-qaddeja tiegħek, o Kristu Alla tagħna; lejk ngħollu l-Glorja, kif Int għamilt lejn Missierek u lejn l-Ispirtu l-Aktar Qaddis tiegħek, ħallieq twajjeb tal-ħajja, issa u għal dejjem ta dejjem.  Ammen.


 

 

IL-QDUSIJA TIEGĦU BARTILMEW, PATRIJARKA EKUMENIKU TA’ KOSTANTINOPLI

Alla tal-ħniena, kompassjoni u faraġ sħiħ, nitolbuk għal ħutna f’dawn iċ-ċirkustanzi diffiċli u li noffru lit-tjieba tiegħek:

Rabbi lit-tfal żgħar; għallem liż-żgħażagħ; saħħaħ lill-anzjani; agħti kuraġġ lil ta’ qalb dgħajfa; laqqa’ mill-ġdid lil min hu mifrud, baħħar ma’ min ibaħħar; ivvjaġġa ma’ dawk li jivvjaġġaw; iddefendi lir-romol; ħares lill-orfni; eħles lill-priġunieri; fejjaq lill-morda.  Ftakar o Alla f’dawk li qiegħdin fil-minjieri, fl-eżilju, jaħdmu xogħol iebes u f’dawk kollha li b’xi mod jinsabu f’sitwazzjoni ta’ tbatija, ħtieġa jew mifxulin u lil dawk kollha li jilqgħu il-ġentilezza ħanina tiegħek; dawk li jħobbuna u dawk li jogħboduna, u xerred il-ħniena għanja tiegħek kollha fuq kulħadd u agħtihom dak li qed jitolbu għas-salvazzjoni tagħhom.

Mill-ġdid nitolbu, Alla tal-ħajja u tal-mewt, agħti l-mistrieħ ta’ dejjem lill-erwieħ tal-qaddejja tiegħek li telqu, lil dawk li tilfu ħajjithom waqt l-eżodu mir-reġjuni mkissrin mill-gwerra u waqt il-vjaġġi lejn imkejjen ta’ ħarsien, paċi u prosperità.

Għax Int, Mulej, l-għajnuna ta’ min hu mitluf, it-tama ta’ min tama m’għandux, is-salvatur tal-imwiegħer, il-port ta’ min jivvjaġġa u t-tabib tal-morda.  Kun kollox għal kulħadd, Int taf lil kull persuna, x’tixtieq , ‘il-darha u x’teħtieġ.  Eħles lil dil-gżira, o Mulej, u lil kull belt u pajjiż, mill-ġuħ, mill-pesta, mit-terrremot, mill-għarar, min-nar, mix-xabla, mill-invażjoni tal-għedewwa barranin u mill-gwerra ċivili.  Ammen.

 

Miġjubin għall-Malti mit-Taljan u mill-Ingliż minn Joe Huber