ĠUBLEW STRAORDINARJU TAL-ĦNIENA

QUDDIESA U FTUĦ TAL-BIEB IMQADDES

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Pjazza San Pietru

It-Tlieta 8 ta’ Diċembru 2015

L-Immakulata Kunċizzjoni tal-Verġni Mqaddsa Marija

 

"Li nidħlu minn dak il-Bieb ifisser niskopru kemm hi kbira l-ħniena tal-Missier"

 

 

Minn hawn u ftit tal-ħin ieħor bil-ferħ kollu sa niftaħ il-Bieb Imqaddes tal-Ħniena.  Qed nagħmlu dan il-ġest – kif għamilt f’Bangui – hekk sempliċi imma daqstant ieħor simboliku, fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla li għadna kemm smajna, li tqiegħed quddiem nett il-primat tal-grazzja.  Fil-fatt, dak li nisimgħu kemm-il darba f’dan il-Qari jfakkarna f’dik l-espressjoni li l-anġlu Gabrijel tenna lil xebba żagħżugħa, maħsuda u mħawda, meta wrieha l-misteru li kellu jgeżwirha fih: “Ifraħ, mimlija bil-grazzja” (Lq 1:28).

 

Il-Verġni Marija hi msejħa qabel xejn tifraħ għal dak li l-Mulej wettaq fiha.  Il-grazzja ta’ Alla dawritha, għamlitha denja li ssir l-omm ta’ Kristu.  Meta Gabrijel jidħol f’darha, anki l-iżjed misteru kbir, li jmur lil hemm minn kull ħila tar-raġuni, isir għaliha motiv ta’ ferħ, motiv ta’ fidi, motiv ta’ abbandun għall-kelma rivelata lilha.  Il-milja tal-grazzja tista’ tibdel il-qalb, u tagħmilha kapaċi twettaq att hekk għoli li jista’ jibdel l-istorja tal-bnedmin.

 

Il-festa ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni tesprimi l-kobor ta’ l-imħabba ta’ Alla.  Hu m’huwiex biss Dak li jaħfer id-dnub, imma f’Marija jasal biex anki jippreveni, iħarisha minn qabel mill-ħtija oriġinali li kull bniedem iġorr miegħu meta jidħol f’din id-dinja.  Hi l-imħabba ta’ Alla li tħares minn qabel, li tantiċipa u li tifdi.  Il-bidu ta’ l-istorja tad-dnub fil-ġnien ta’ l-Għeden jissolva fil-pjan ta’ mħabba li tifdi.  Kliem il-Ġenesi jfakkarna fl-esperjenza ta’ kuljum li niskopru fil-ħajja personali tagħna.  Dejjem hemm it-tentazzjoni tad-diżubbidjenza, li tesprimi ruħha f’li rridu mmexxu ħajjitna indipendentement mir-rieda ta’ Alla.  Hi din l-ostilità li kontinwament tħebb għall-ħajja tal-bnedmin biex tħajjarhom jeħduha kontra l-pjan ta’ Alla.  Id-dnub f’dan id-dawl biss nistgħu nifhmuh.  Li kieku kollox kellu jibqa’ suġġett għad-dnub, konna nkunu l-iktar iddisprati fost il-ħlejjaq, imma l-wegħda tar-rebħa ta’ l-imħabba ta’ Kristu tiġbor kollox taħt il-ħniena tal-Missier.  Il-kelma ta’ Alla li smajna ma tħallilniex dubji dwar dan.  Il-Verġni Immakulata tinsab quddiemna bħala xhud ipprivileġġjata ta’ din il-wegħda u tat-twettiq tagħha.

 

Din is-Sena Straordinarja wkoll hija don ta’ grazzja.  Li nidħlu minn dak il-Bieb ifisser niskopru kemm hi kbira l-ħniena tal-Missier li jilqa’ lil kulħadd fi ħdanu u ma’ kulħadd joħroġ jiltaqa’ personalment.  Hu li jiġi jfittixna!  Hu li joħroġ jiltaqa’ magħna!  Se tkun Sena li fiha rridu nikbru fil-konvinzjoni tal-ħniena.  X’tort kbir inkunu nagħmlu lil Alla u lill-grazzja tiegħu meta naffermaw l-ewwel u qabel kollox li d-dnubiet huma kkastigati mill-ħaqq tiegħu, bla ma ngħidu l-ewwel li huma maħfura mill-ħniena tiegħu (ara Wistin, De prædestinatione sanctorum 12, 24)!  Iva, huwa sewwa sew hekk.  Jeħtieġ inpoġġu l-ħniena qabel il-ħaqq, u f’kull ħaġa l-ħaqq ta’ Alla dejjem isir fid-dawl tal-ħniena tiegħu.  Għalhekk, li ngħaddu mill-Bieb Imqaddes jgħinna nħossuna nieħdu sehem f’dan il-misteru ta’ mħabba, ta’ ħlewwa.  Ejjew inwarrbu kull xorta ta’ biża’ u twerwir, għax dan ma jixraqx lil min hu maħbub; ejjew pjuttost ngħixu l-ferħ tal-laqgħa tagħna mal-grazzja li kollox tibdel.

 

Il-lum, hawn Ruma u fid-djoċesijiet kollha tad-dinja, aħna u ngħaddu mill-Bieb Imqaddes irridu wkoll niftakru f’bieb ieħor li, ħamsin sena ilu, il-Padri tal-Konċilju Vatikan II fetħu beraħ għad-dinja.  Dan l-anniversarju ma nistgħux infakkruh biss għall-għana tad-dokumenti li pproduċa l-Konċilju, li sal-lum il-ġurnata jgħinuna nivverifikaw il-progress kbir li sar fil-fidi.  Qabel xejn, imma, il-Konċilju kien laqgħa.  Laqgħa vera tal-Knisja mal-bnedmin ta’ żmienna.  Laqgħa mmarkata mill-qawwa ta’ l-Ispirtu li xpruna lill-Knisja tiegħu biex toħroġ mill-ilma qiegħed li għal ħafna snin kien għalaqha fiha nfisha, biex taqbad b’ħeġġa ġdida l-mixja missjunarja tagħha.  Reġgħet qabdet il-mixja tagħha lejn il-laqgħa ma’ kull bniedem hemm fejn jgħix: fil-belt tiegħu, fid-dar tiegħu, fil-post tax-xogħol… kull fejn hemm persuna, hemm il-Knisja hi msejħa tilħaqha biex twasslilha l-ferħ tal-Vanġelu u twassal il-ħniena u l-maħfra ta’ Alla.  Spinta missjunarja, mela, li wara dawn l-għaxriet ta’ snin irridu nagħtu bl-istess qawwa u l-istess żelu.  Il-Ġublew jipprovokana għal dan il-ftuħ u jobbligana ma nittraskurawx l-ispirtu li ħareġ mill-Konċilju Vatikan II, dak tas-Samaritan, kif fakkarna l-Beatu Pawlu VI fl-għeluq tal-Konċilju.  Ngħaddu mill-Bieb Imqaddes jimpenjana biex nagħmlu tagħna l-ħniena tas-Samaritan it-tajjeb.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard