L-ewwel nett, għandi aħbar kerha.  Il-bieraħ, meta kienet ħa tibda l-Quddiesa, waqa’ wieħed mit-torrijiet u laqat żagħżugħa u mietet.  Jisimha Cristal.  Hi ħadmet għall-organizzazzjoni ta’ dik il-Quddiesa.  Kellha sebgħa u għoxrin sena, kienet għadha żagħżugħa bħalkom u kienet taħdem għal waħda mill-għaqdiet.  Kienet voluntiera.  Nixtieq li lkoll kemm aħna flimkien, intom żgħażagħ bħalha, nitolbu għal minuta fis-skiet u mbagħad nitolbu lil Ommna tas-Sema.

 

[Skiet Sliema]

 

Nagħmlu talba wkoll għal missierha u ommha.  Kienet tifla waħidha.  Ommha ġejja minn Hong Kong.  Missierha ġie Manila jistenna lil ommha.

 

Qed nieħu gost li ninsab magħkom hawn il-lum.  Insellem mill-qalb lil kull wieħed u waħda minnkom u nirringrazzja lil dawk kollha li għamlu possibbli din il-laqgħa.  Matul din iż-żjara tiegħi fil-Filippini, ridt b’mod partikulari niltaqa’ magħkom iż-żgħażagħ, biex nismagħkom u nitkellem magħkom.  Nixtieq nesprimi l-imħabba u t-tama li l-Knisja għandha għalikom.  U rrid nagħmlilkom il-qalb, bħala ċittadini Nsara ta’ dan il-pajjiż, biex tiddedikaw ruħkom b’passjoni u onestà għall-impenn kbir tat-tiġdid tas-soċjetà tagħkom u biex tagħtu sehemkom fil-bini ta’ dinja aħjar.

 

B’mod speċjali, nirringrazzja liż-żgħażagħ li għamluli l-kelmtejn ta’ merħba: Jun, Leandro u Rikki.  Grazzi ħafna!

 

Xi ħaġa… fuq ir-rappreżentazzjoni żgħira tan-nisa.  Ftit wisq!  In-nisa għandhom ħafna x’jgħidulna fis-soċjetà tal-lum.  Xi drabi aħna wisq maskilisti, u ma nagħtux spazju lill-mara.  Imma l-mara taf tara l-affarijiet b’għajnejn differenti minn ta’ l-irġiel.  Il-mara taf tagħmel mistoqsijiet li aħna l-irġiel ma jirnexxilniex nifhmu.  Attenti: hi [juri lil Jun] l-lum għamlet l-unika mistoqsija li m’għandhiex tweġiba.  U ma setax jiġiha l-kliem, kellha tgħidu bid-dmugħ.  Mela, meta jiġi l-Papa li jmiss f’Manila, jalla jkun hemm iżjed nisa!

 

Grazzi, Jun, li ppreżentajt b’tant kuraġġ l-esperjenza tiegħek.  Kif għidt qabel, il-qalba tal-mistoqsija tiegħek kważi m’hemmx tweġiba għaliha.  Hu biss jekk ikollna l-ħila nibku fuq il-ħwejjeġ li int għext, li nistgħu nifhmu xi ħaġa u nwieġbu xi ħaġa.  Il-mistoqsija l-kbira għal kulħadd: Għaliex it-tfal ibatu?  Hu biss meta l-qalb jirnexxielha tagħmel lilha nfisha din il-mistoqsija u tibki, li nistgħu nifhmu xi ħaġa.  Hemm kompassjoni mondana li ma tiswa għal xejn!  Kompassjoni li l-iżjed l-iżjed twassalna biex indaħħlu jdejna fil-but u nagħtu munita.  Li kieku Kristu kellu din il-kompassjoni, kien jgħaddi, ifejjaq tliet persuni jew erbgħa, u jerġa’ lura għand Missieru.  Hu biss meta Kristu beka u kien kapaċi jibki li fehem it-tbatijiet tagħna.

 

Għeżież żgħażagħ, fid-dinja tal-lum jonqosna l-biki!  Jibku l-emarġinati, jibku dawk li huma mwarrba, jibku l-mistmerra, imma dawk li jgħixu ħajja ftit jew wisq mingħajr ma jonqoshom xejn, dawk ma jafux jibku.  Ċerti realtajiet tal-ħajja jidhru biss bl-għajnejn maħsula mid-dmugħ.  Nistieden lil kull wieħed u waħda minnkom biex tistaqsu lilkom infuskom: Jien tgħallimt nibki?  Meta nara tifel bil-ġuħ, tifel iddrogat fit-triq, tifla bla dar, tifla mitluqa, tifel abbużat, tifel użat bħala lsir tas-soċjetà?  Jew il-biki tiegħi hu dak kappriċċjuż li jibki għax irid jakkwista iżjed?  Din hi l-ewwel ħaġa li xtaqt ngħidilkom: nitgħallmu nibku, bħalma hi [Jun] għallmitna l-lum.  Ma ninsewx din ix-xhieda.  Il-mistoqsija l-kbira, “Għaliex it-tfal għandhom ibatu?”, għamlitha tibki, u t-tweġiba l-kbira li nistgħu nagħtu aħna lkoll hi billi nitgħallmu nibku.

 

Ġesù fil-Vanġelu beka, beka għal ħabibu li miet.  Beka fil-qalb tiegħu għal dik il-familja li kienet tilfet lil bintha.  Beka f’qalbu meta ra lil dik l-imsejkna omm armla li kienet qed twassal saċ-ċimiterju lil binha mejjet.  Tqanqal u beka fil-qalb tiegħu meta ra l-folla donnha nagħaġ bla ragħaj.  Jekk intom ma titgħallmux tibku, m’intomx Insara tajbin.  U din hi sfida.  Jun għamlitilna din l-isfida.  U meta jistaqsuna: Għaliex it-tfal ibatu?, Għaliex tiġri din jew dik it-traġedja fil-ħajja?, ħa jkun is-silenzju t-tweġiba tagħna, jew il-kelma li titnissel qalb id-dmugħ.  Kunu kuraġġjużi, tibżgħux tibku!

 

U mbagħad ġie Leandro Santos.  Hu għamel xi mistoqsijiet fuq id-dinja ta’ l-informazzjoni.  Il-lum bit-tant medja li għandna, aħna super-informati.  Din ħaġa ħażina?  Le.  Din ħaġa tajba u tista’ tgħinna, imma l-periklu hu li ngħixu niġbru l-informazzjoni.  U għandna tant informazzjoni, imma forsi ma nafux x’se naqbdu nagħmlu biha.  Nirriskjaw li nsiru “żgħażagħ-mużew” u mhux żgħażagħ għorrief.  Forsi tistgħu tistaqsuni: Dun, kif naslu biex insiru għorrief?  U din hi sfida oħra, l-isfida ta’ l-imħabba.  Liema hu l-aktar suġġett importanti li għandna nitgħallmu l-università?  Liema hu l-aktar importanti biex nitgħallmu fil-ħajja?  Nitgħallmu nħobbu!  U din hi l-isfida li għandkom quddiemkom il-lum.  Tgħallmu ħobbu!  Mhux biss tiġbru l-informazzjoni u ma tafux x’sa tagħmlu biha. Dak mużew.  Imma permezz ta’ l-imħabba għamlu mod li din l-informazzjoni tħalli l-frott tagħha.  Għal dan il-għan il-Vanġelu jipproponila mixja serena, trankwilla; nużaw it-tliet lingwaġġi: il-lingwaġġ tal-ħsieb, il-lingwaġġ tal-qalb u l-lingwaġġ ta’ l-idejn.  U nużaw dawn it-tliet lingwaġġi b’mod armonjuż: dak li taħseb, ħossu u għamlu.  L-informazzjoni tiegħek trid tinżel fil-qalb, tqanqalha u twettaqha.  U dan b’mod armonjuż: naħseb dak li nħoss u dak li nagħmel; inħoss dak li naħseb u li nagħmel; nagħmel dak li naħseb u li nħoss.  It-tliet lingwaġġi.  Kapaċi tirrepetu dawn it-tliet lingwaġġi b’leħen għoli?

 

L-imħabba vera tfisser li nħobb u nħalli lil min iħobbni.  Iżjed diffiċli tħalli lil min iħobbok milli li tħobb.  Għalhekk hu daqshekk diffiċli naslu għall-imħabba perfetta ta’ Alla, għax nistgħu nħobbuh, imma l-aktar ħaġa importanti hi li nħalluh iħobbna Hu.  L-imħabba vera hi li ninfetħu għal din l-imħabba li tiġi qabilna u tissorprendina.  Jekk intom għandkom biss l-informazzjoni kollha, intom magħluqin għas-sorpriżi; l-imħabba tiftħek għas-sorpriżi, l-imħabba hi dejjem sorpriża għax titlob djalogu bejn tnejn.  Bejn min iħobb u min hu maħbub.  U dwar Alla ngħidu li hu Alla tas-sorpriżi, għax Hu ħabbna l-ewwel u qed jistenniena b’sorpriża lesta.  Alla jissorprendina.  Inħalluh lil Alla jissorprendina!  U ma nużawx il-psikoloġija tal-kompjuter li naħsbu li nafu kollox.  Kif inhi din?  Sekonda, u l-kompjuter jagħtik it-tweġibiet kollha, m’hemm sorpriża ta’ xejn.  Fl-isfida ta’ l-imħabba Alla juri ruħu bis-sorpriżi.  Aħsbu f’San Mattew: kien negozjant tajjeb, iktar minn hekk kien qed jittradixxi lil pajjiżu għax kien jieħu t-taxxi tal-Lhud biex jagħtihom lir-Rumani, kien mimli flus u jisraq it-taxxi.  Jgħaddi Ġesù, iħares lejh u jgħidlu: Ejja!  Dawk li kienu miegħU jgħidu: Lil dan qed isejjaħ?  Traditur infami?  Qalbu marbuta mal-flus!  Imma s-sorpriża ta’ l-imħabba, li hu jħossu maħbub, tirbħu, u jitlaq jimxi wara Ġesù.  Dak in-nhar fil-għodu meta sellem lil martu, qatt ma ħaseb li kien se jerġa’ lura d-dar bla flus u mgħaġġel biex jgħid lil martu tħejji ikla.  L-ikla għal dak li kien ħabbu sa minn qabel.  Li kien issorprendieh b’xi ħaġa iktar importanti mill-flus kollha li kellu.

 

Ħallu l-imħabba ta’ Alla tissorprendikom!  Tibżgħux mis-sorpriżi, li jxengluk ftit, ipoġġuk fi kriżi, imma jtellquna nimxu.  L-imħabba vera twasslek biex tagħti ħajtek anki jekk taf li ħa tibqa’ b’idejk vojta.  Naħsbu f’San Franġisk: ħalla kollox, miet b’idejh vojta imma b’qalbu mimlija.

 

Sewwa?  Mhux żgħażagħ tal-mużew, imma żgħażagħ għarfa.  Biex inkunu għorrief, nużaw it-tliet lingwaġġi: naħsbu tajjeb, inħossu tajjeb u nagħmlu t-tajjeb.  U biex inkunu għorrief, inħallu l-imħabba ta’ Alla tissorprendina, u nimxu, nagħtu ħajjitna!

 

Grazzi tal-kontribut tiegħek tal-lum!

 

U dak li ġie bi programm tajjeb biex jgħinna naraw kif nistgħu nimxu ’l quddiem fil-ħajja kien Rikki!  Irrakkonta l-attivitajiet kollha, dak kollu li jagħmlu, dak kollu li jixtiequ jagħmlu.  Grazzi, Rikki!  Grazzi ta’ dak li qed tagħmlu int u sħabek.  Imma rrid nistaqsik xi ħaġa: Int u sħabek qed tagħmlu ħilitkom biex tagħtu, tagħtu, tagħtu, tagħtu, tgħinu… imma qed tħallu lil min jagħtikom?…  Wieġeb fil-qalb tiegħek.  Fil-Vanġelu li smajna ftit ilu, hemm frażi li għalija hi l-aktar importanti: jgħid il-Vanġelu li Ġesù, lil dak iż-żagħżugħ, ħares lejh u ħabbu (ara Mk 10:21).  Meta wieħed jara l-grupp ta’ Rikki u sħabu, jammirahom ħafna għax qed jagħmlu ħafna ġid, imma l-aktar frażi importanti li jgħid Ġesù hi: “Ħaġa waħda jonqsok” (Mk 10:21).  Kull wieħed u waħda minna, ejjew nisimgħu fis-skiet din il-kelma ta’ Ġesù: “Ħaġa waħda tonqsok”.

 

X’jonqosni?  Lil dawk kollha li Ġesù jħobb ħafna għax jagħtu ħafna lill-oħrajn, jien nistaqsihom: Intom qed tħallu lill-oħrajn jagħtukom minn dak l-għana l-ieħor li intom m’għandkomx?  Is-Sadduċej, l-għorrief tal-liġi ta’ żmien Ġesù kienu qed jagħtu ħafna lill-poplu, jagħtuh il-liġi, jgħallmuh, imma qatt ma ħallew lill-poplu jagħtihom hu xi ħaġa.  Kellu jiġi Ġesù biex iħossu mqanqal mill-poplu.  Kemm żgħażagħ bħalkom li qegħdin hawn jafu jagħtu imma m’humiex daqshekk ieħor kapaċi jirċievu!

 

“Ħaġa waħda tonqsok”.  Dan hu li jonqosna: li nitgħallmu nittallbu minn għand dawk li lilhom nagħtu.  Dan diffiċli nifhmuh: nitgħallmu nittallbu.  Nitgħallmu nirċievu mill-umiltà ta’ dawk li lilhom ngħinu.  Nitgħallmu nkunu evanġelizzaturi tal-foqra.  Il-persuni li ngħinuhom, foqra, morda, iltiema, għandhom ħafna x’jagħtuna.  Nitgħallem nittallab u nitlob  anki dan?  Jew nista’ nagħmel kollox waħdi u naf biss nagħti?  Intom li tqattgħu ħajjitkom dejjem tagħtu u taħsbu li m’għandkom bżonn ta’ xejn, tafu li intom tassew foqra?  Tafu li għandkom faqar kbir u bżonn kbir li tirċievu?  Qed tħalli jgħinuk lill-foqra, lill-morda u lil dawk li tgħin?  Dak hu li jgħin fil-maturità ta’ żgħażagħ impenjati bħal Rikki fil-ħidma tagħhom li jagħtu lill-oħrajn: li jitgħallmu joħorġu idhom billi jibdew mill-miżerja tagħhom infushom.

 

Hemm xi punti li kont ħejjejt.  L-ewwel wieħed, li diġà semmejt, hu li nitgħallmu nħobbu u nħallu lil min iħobbna.

 

Hemm sfida oħra, li hi l-isfida ta’ l-integrità morali.  Dan mhux biss minħabba l-fatt li pajjiżkom, iżjed minn oħrajn, qed jirriskja li jintlaqat serjament mill-bidla tal-klima.  Hi l-isfida li tieħdu ħsieb ta’ l-ambjent.

 

U fl-aħħar nett hemm l-isfida tal-foqra.  Ħobbu lill-foqra.  L-Isqfijiet tagħna jridu li tkunu attenti għall-foqra, fuq kollox f’din is-“Sena tal-foqra”.  Intom taħsbu xejn fihom il-foqra?  Tħossu mal-foqra?  Qed tagħmlu xi ħaġa għall-foqra?  U titolbuhom lill-foqra biex jagħtukom dak l-għerf li għandhom huma?  Dan hu li ridt ngħidilkom.  Aħfruli li ma qrajt kważi xejn minn dak li kont ħejjejt.  Imma hemm espressjoni li tfarraġni naqra: “Ir-realtà hi ogħla mill-idea”.  U r-realtà li ppreżentajtuli intom, ir-realtà li hija intom, hi aqwa mit-tweġibiet kollha li kont ħejjejt.  Grazzi!

 


 

Diskors imħejji mill-Qdusija Tiegħu

 

Għeżież ħbieb tiegħi żgħażagħ,

 

Qed nieħu gost li ninsab hawn magħkom il-lum.  Insellem minn qalbi lil kull wieħed u waħda minnkom u rrodd ħajr lil kull min għamel possibbli din il-laqgħa.  Matul iż-żjara tiegħi fil-Filippini, ridt niltaqa’ b’mod partikulari magħkom iż-żgħażagħ, biex nismagħkom u nitkellem magħkom.  Nixtieq nesprimi l-imħabba u t-tama li l-Knisja għandha fikom.  U rrid nagħmlilkom il-qalb, bħala ċittadini Nsara ta’ dan il-pajjiż, biex tiddedikaw ruħkom b’passjoni u onestà għall-impenn kbir li ġġeddu s-soċjetà tagħkom u tagħtu sehemkom biex tibnu dinja aħjar.

 

B’mod speċjali, nirringrazzja liż-żgħażagħ li għamluli kelmtejn ta’ merħba.  Huma esprimew b’mod elokwenti, f’isimkom, it-tħassib u l-inkwiet tagħkom, il-fidi u t-tamiet tagħkom.  Tkellmu dwar id-diffikutajiet u x-xewqat taż-żgħażagħ.  Anki jekk ma nistax inwieġeb għal kull waħda minn dawn il-problematiċi b’mod eżawrjenti, naf li, flimkien mar-Rgħajja tagħkom u bejnietkom, qed tikkunsidrawhom b’attenzjoni, bl-għajnuna tat-talb, biex tistgħu tressqu proposti konkreti ta’ azzjoni.

 

Il-lum nixtieq nissuġġerixxi tliet oqsma essenzjali li fihom tistgħu toffru kontribut sinifikattiv għall-ħajja ta’ pajjiżkom.  L-ewwel hi l-isfida ta’ l-integrità morali.  Il-kelma “sfida” tista’ tinftiehem b’żewġ modi.  L-ewwel, f’sens negattiv, bħala tentattiv li jaġixxi kontra l-konvinzjonijiet morali tagħkom, kontra dak kollu li intom tistqarru dwar il-veru, it-tajjeb u l-ġust.  L-integrità morali tagħna tista’ tiġi “sfidata” minn interessi egoistiċi, mir-regħba, mid-diżonestà, jew mill-istrumentalizzazzjoni ta’ l-oħrajn.

 

Imma l-espressjoni “sfida” tista’ wkoll tinftiehem f’sens pożittiv.  Nistgħu nħarsu lejha bħala stedina biex inkunu kuraġġjużi, biex nagħtu xhieda profetika tal-fidi tagħna u ta’ kull ma nżommu b’qaddis.  F’dan is-sens, l-isfida għall-integrità morali hi xi ħaġa li magħha hemm bżonn nikkonfrontaw ruħna, f’dawn iż-żminijiet u fil-ħajja tagħkom.  M’hix xi ħaġa li nistgħu nħalluha għal meta tixjieħu jew ikollkom iżjed responsabbiltajiet.  Anki issa intom qed tiġu sfidati biex taġixxu b’onestà u korrettezza fir-relazzjonijiet tagħkom ma’ l-oħrajn, kemm jekk huma żgħażagħ u kemm jekk xjuħ.  Taħarbux minn din l-isfida!  Waħda mill-akbar sfidi li ż-żgħażagħ għandhom quddiemhom hi dik li jitgħallmu jħobbu.  Tħobb ifisser tieħu riskju: ir-riskju tar-rifjut, ir-riskju li tiġi użat, jew agħar, li tuża lill-persuna l-oħra.  Tibżgħux tħobbu!  Imma, anki meta tħobbu, żommu l-integrità morali tagħkom!  Anki f’dan għandkom tkunu onesti u leali!

 

Fil-Qari li għadna kemm smajna, Pawlu jgħid lil Timotju: “Qis li ħadd ma jmaqdrek għax inti żagħżugħ; kun ta’ eżempju għal dawk li jemmnu, fi kliemek u fl-imġiba tiegħek, fl-imħabba, fil-fidi, fis-safa” (1 Tim 4:12).

 

Għalhekk intom imsejħa biex tagħtu eżempju tajjeb, eżempju ta’ integrità morali.  Naturalment, intom u tagħmlu dan, ikollkom tħabbtu wiċċkom ma’ oppożizzjoni u kritika, taqtigħ il-qalb u saħansitra ssibu min iwaqqagħkom għaċ-ċajt.  Imma intom irċivejtu don li jagħtikom li tegħlbu dawk id-diffikultajiet.  Hu d-don ta’ l-Ispirtu s-Santu.  Jekk intom tieħdu ħsieb ta’ dan id-don bit-talb ta’ kuljum u tfittxu l-qawwa bis-sehem tagħkom fl-Ewkaristija, ikollkom il-ħila tilħqu dak il-kobor morali li għalih qed isejħilkom Ġesù.  Issiru wkoll boxxla għal dawk sħabkom li qed ifittxu.  Qed naħseb b’mod speċjali f’dawk iż-żgħażagħ li huma ttentati jitilfu kull tama, li jitilqu l-ideali għoljin tagħhom, li jħallu l-iskola jew li jgħixu l-jum kollu jiġġerrew mat-toroq.

 

Għalhekk, hu essenzjali li ma titilfux l-integrità morali tagħkom!  Tikkompromettux l-ideali tagħkom!  Iċċedux għat-tentazzjonijiet kontra t-tjieba, il-qdusija, il-kuraġġ u s-safa!  Ħuduha din l-isfida!  Ma’ Kristu, intom tkunu – u diġà intom tassew – l-awturi ta’ kultura Filippina mġedda u iktar ġusta.

 

It-tieni qasam li fih intom imsejħa tagħtu sehemkom hu f’li tieħdu ħsieb ta’ l-ambjent.  Dan mhux biss għall-fatt li pajjiżkom, iżjed minn oħrajn, qed jirriskja li jintlaqat serjament mill-bidla fil-klima.  Intom imsejħa tieħdu ħsieb tal-ħolqien mhux biss bħala ċittadini responsabbli, imma anki bħala dixxipli ta’ Kristu!  Ir-rispett lejn l-ambjent jitlob iżjed milli sempliċement tużaw prodotti nodfa jew tirriċiklawhom.  Dawn huma aspetti importanti, imma m’humiex biżżejjed.  Ir-raġel u l-mara huma maħluqa fis-sura u x-xbieha ta’ Alla, u f’idejhom ħalla biex jieħdu ħsieb il-ħolqien (ara Ġen 1:26-28).  Bħala amministraturi tal-ħolqien, aħna msejħin nagħmlu mill-art ġnien sabiħ ħafna għall-familja tal-bnedmin.  Meta neqirdu l-foresti tagħna, nagħmlu l-ħsara lill-art u nħammġu l-baħar, inkunu nittradixxu dik is-sejħa nobbli.

 

Tliet xhur ilu, l-Isqfijiet tagħkom affrontaw dawn it-temi f’Ittra Pastorali profetika.  Talbu lil kulħadd jirrifletti fuq id-dimensjoni morali ta’ l-attivitajiet tagħna u ta’ l-istili ta’ ħajja tagħna, fuq x’nikkunsmaw u kif nużaw ir-riżorsi naturali.  Il-lum qed nitlobkom li dan tagħmluh fil-kuntest tal-ħajja tagħkom u ta’ l-impenn tagħkom b’riżq il-bini tas-Saltna ta’ Kristu.  Għeżież żgħażagħ, l-użu korrett u t-tqassim tajjeb tar-riżorsi naturali hu ħidma urġenti u intom għandkom kontribut importanti x’toffru.  Intom il-futur tal-Filippini.  Kunu attivament interessati f’dak li qed iseħħ fl-art sabiħa tagħkom!

 

Qasam ieħor li fih tistgħu toffru sehemkom hu partikularment għażiż għalina lkoll.  Hu l-għożża tal-foqra.  Aħna Nsara, membri tal-familja ta’ Alla.  Kull wieħed u waħda minna, m’hux importanti għandux ftit jew ħafna, hu msejjaħ inewwel idu u jaqdi personalment lill-aħwa fil-bżonn.  Dejjem hemm xi ħadd qrib tagħna li jinsab fil-bżonn, materjali, psikoloġiku, spiritwali.  L-akbar don li nistgħu nagħmlulhom hu l-ħbiberija tagħna, l-attenzjoni tagħna, il-ħlewwa tagħna, l-imħabba tagħna għal Ġesù.  Nirċievu lilU jfisser li flimkien miegħU nirċievu kull ħaġa; nagħtu lilU jfisser noffru l-akbar don.

 

Ħafna minnkom jafu xi jfisser tkun fqir.  Imma ħafna minnkom daqu wkoll xi ħaġa mill-barka li Ġesù wiegħed lill-“foqra fl-ispirtu” (ara Mt 5:3).  U hawn irrid illissen kelma ta’ kuraġġ u ta’ gratitudni lil dawk fostkom li għażlu li jimxu wara l-Mulej tagħna fil-faqar tiegħu, permezz tal-vokazzjoni għas-saċerdozju jew għall-ħajja reliġjuża; jekk tixorbu minn dak il-faqar, tkunu tistgħu tagħnu lil ħafna.  Imma lilkom ilkoll, speċjalment lil dawk li jistgħu jagħmlu jew jagħtu iżjed, nitlobkom: Jekk jogħġobkom, agħmlu iżjed minn hekk!  Nitlobkom, agħtu iżjed!  Meta toffru xi parti minn ħinkom, mit-talenti tagħkom u mir-riżorsi tagħkom lil tant persuni fil-bżonn li qed jgħixu fit-truf tas-soċjetà, intom tkunu tagħmlu d-differenza.  Hemm bżonn iddisprat għal din id-differenza u għaliha għad tirċievu lura bil-kotra minn għand il-Mulej.  Għax, kif qalilna Hu stess, ikollkom “teżor fis-Sema” (Mk 10:21).

 

Għoxrin sena ilu, f’dan l-istess imkien, San Ġwanni Pawlu II stqarr li d-dinja għandha bżonn ta’ “tip ġdid ta’ żgħażagħ” – impenjati bl-ogħla ideali u mixtieqa għall-bini ta’ ċiviltà ta’ l-imħabba.  Kunu intom dawk iż-żgħażagħ li dwarhom tkellem San Ġwanni Pawlu II!  Titilfux l-ideali tagħkom!  Kunu xhieda hienja ta’ l-imħabba ta’ Alla u tal-pjan mill-isbaħ li Hu għandu għalina, għal dan il-pajjiż u għad-dinja li fiha ngħixu.  U nitlobkom, itolbu għalija.  Il-Mulej iberikkom ilkoll!

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard