Grazzi ta’ din iż-żjara!

 

L-Isqof qal li jien għamilt ġest kbir meta ġejt hawn.  Imma dan xi ftit għamiltu b’egoiżmu.  Tafu għaliex?  Għax nieħu gost fil-preżenza tagħkom!  U dan hu egoiżmu.

 

Għaliex nieħu gost noqgħod maż-żgħażagħ?  Għax intom ġo qalbkom għandkom wegħda ta’ tama.  Intom iġġorru fikom it-tama.  Veru li intom tgħixu fil-preżent, imma tħarsu dejjem lejn il-ġejjieni… intom qed issawru l-futur, qed tibnu l-futur.  Imbagħad – u dan hu l-ferħ tagħkom – hi ħaġa sabiħa li nimxu lejn il-futur, bil-ħolm tagħna, b’tant affarijiet sbieħ – u din hi wkoll ir-responsabbiltà tagħkom.  Li ssiru bennejja tal-futur.  Meta lili jgħiduli: “Imma, Dun, kemm huma żminijiet diffiċli dawn…  Ara, ma nistgħu nagħmlu xejn!”.  Kif tista’ ma tagħmel xejn?  U nfissrilhom li fil-fatt nistgħu nagħmlu ħafna!  Imma meta wieħed żagħżugħ jiġi jgħidli: “Xi żminijiet diffiċli dawn, Dun, ma tista’ tagħmel xejn”.  Eħħ!  Nibagħtu għand il-psikjatra!  Għax veru, din ma nifhimhiex!  Ma nistax nifhem żagħżugħ jew żagħżugħa li ma jridux jagħmlu ħwejjeġ kbar, jilagħbu fuq ideali kbar, kbar għall-futur.  Imbagħad jagħmlu dak li jistgħu, imma, l-imħatra hi fuq ħwejjeġ kbar u sbieħ.  U intom bennejja tal-futur.  Għaliex?  Għax ġo fikom għandkom tliet xewqat: ix-xewqa għall-ġmiel.  Lilkom jogħġobkom il-ġmiel, u meta intom tagħmlu l-mużika, tagħmlu t-teatru, tagħmlu l-pittura – ħwejjeġ ta’ ġmiel – intom tkunu qed tfittxu dak il-ġmiel, intom fittiexa tal-ġmiel.  Dak l-ewwel.  It-tieni: intom profeti tat-tjieba.  Lilkom togħġobkom it-tjieba, li tkunu tajbin.  U din it-tjieba tittieħed, tgħin lill-oħrajn kollha.  U anki – it-tielet ħaġa –, intom għatxana għall-verità: tfittxu l-verità.  “Imma, Dun, jien diġà għandi l-verità”.  Imma qed tiżbalja, għax il-verità ma tippossedihiex, ma ġġorrhiex, imma tiltaqa’ magħha.  Hi laqgħa mal-verità, li hu Alla, imma hemm bżonn infittxuha.  U dawn it-tliet xewqat li intom għandkom fil-qalb tagħkom, tridu tmexxuhom ’il quddiem, lejn il-futur, u tibnu l-futur bil-ġmiel, bit-tjieba u bil-verità.  Fhimtu?  Din hi l-isfida: l-isfida li għandkom.  Imma jekk tibqgħu xħaħ, jekk tkunu mdejqin – kemm hi ħaġa kerha li jkollok żagħżugħ imdejjaq – jekk tkunu mdejqin… imbagħad, dan il-ġmiel ma jkun xejn ġmiel, dik it-tjieba ma tkun xejn tjieba, u dik il-verità ssir xi ħaġa…  Aħsbu sew f’dan: ilagħbu fuq ideal għoli, l-ideal li tibnu dinja ta’ tjieba, ġmiel u verità.  Dan intom tistgħu tagħmlu, għandkom is-setgħa li tagħmluh.  Jekk ma tagħmluhx intom, tkunu tixxaħħu.  Dan li ridt ngħidilkom.

 

Ridt ngħidilkom dan: kuraġġ, imxu ’l quddiem, agħmlu ħoss.  Fejn hemm iż-żgħażagħ għandu jkun hemm l-istorbju.  Imbagħad kollox jiġi f’postu, imma l-ħolma ta’ żagħżugħ hi li jagħmel ħoss.  Imxu ’l quddiem!  Fil-ħajja dejjem sa ssibu persuni li jagħmlulkom proposti biex iżżommu r-riedni, biex timblukkaw it-triq tagħkom.  Nitlobkom, morru kontra l-kurrent.  Kunu kuraġġjużi, kuraġġjużi: morru kontra l-kurrent.  Jgħidulu: “Le, imma, dan, imma… ħu ftit alkoħol, ħu ftit tad-droga”.  Le!  Morru kontra l-kurrent f’dik iċ-ċivilizzazzjoni li qed tagħmel tant ħsara lilha nfisha.  Fhimtuh dan?  Morru kontra l-kurrent; u dan ifisser li tagħmlu ħoss, timxu ’l quddiem, imma bil-valuri tal-ġmiel, tat-tjieba u tal-verità.  Dan li ridt ngħidilkom.  Irrid nawguralkom il-ġid kollu, xogħol sabiħ, ferħ f’qalbkom: żgħażagħ ferħana!

 

U għalhekk irrid nagħtikom il-Barka tiegħi.  Imma qabel xejn, ilkoll flimkien, nitolbu lill-Madonna li hi l-Omm tal-ġmiel, l-Omm tat-tjieba u l-Omm tal-verità, biex tagħtina l-grazzja tal-kuraġġ, għax il-Madonna kienet kuraġġjuża, kellha l-kuraġġ din il-mara!  Kienet brava, brava, brava!  Nitolbuha, lilha li tinsab fis-Sema, li hi l-Omm tagħna, biex tagħtina din il-grazzja tal-kuraġġ biex nimxu ’l quddiem u kontra l-kurrent.  Ilkoll flimkien, hekk kif qegħdin, nitolbu Ave Maria lill-Madonna.

 

[Ave Maria]

 

[Barka]

 

U nitlobkom biex titolbu għalija, għax dan ix-xogħol hu xogħol “li jagħmel il-ħsara”, ma jagħmilx tajjeb… [jidħak].  Itolbu għalija!

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard