Sinjuri,

Huwa pjaċir tiegħi li qiegħed niltaqa’ magħkom, fl-okkażjoni tas-sessjoni plenarja tagħkom, u nixtieq nirringrazzja lill-President, il-Professur Werner Arber, għall-kliem ġentili tiegħu. Nirringrazzjakom għall-kontribut li toffru, u li aktar ma jgħaddi żmien qed juri dejjem aktar il-valur tiegħu kemm għall-progress tax-xjenza, kif ukoll għall-kawża ta’ ko-operazzjoni bejn il-bnedmin u, b’mod partikolari, għall-kura tal-pjaneta li Alla poġġiena ngħixu fiha.

Qatt qabel, bħal fl-epoka li qed ngħixu fiha, ma dehret b’mod edvidenti l-missjoni tax-xjenza għas-servizz ta’ bilanċ ekoloġiku globali ġdid. U fl-istess waqt qiegħda tidher allejanza mġedda bejn il-komunità xjentifika u l-komunità nisranija, li qed jaraw kif il-mod tagħhom ta’ kif iħarsu lejn ir-realtà jikkonverġu lejn dan l-għan komuni aħħari li tiġi protetta d-dar komuni, li tinsab mhedda mill-kollass ekoloġiku u miż-żieda tal-faqar u l-esklużjoni soċjali. Ninsab kuntent għall-fatt li intom tħossu profondament is-solidarjetà li tgħaqqadkom mal-umanità ta’ llum u ta’ għada b’tant premura lejn l-art omm. Huwa impenn li ħaqqu jkun apprezzat dejjem aktar għax huwa kollu kemm hu orjentat lejn il-promozzjoni tal-iżvilupp uman komplut, tal-paċi, tal-ġustizzja, tad-dinjità u tal-libertà tal-bniedem. Prova ta’ dan, apparti x-xogħoljiet imwettqa fil-passat, huma d-diversi temi li qegħdin tipproponu li tindirizzaw f’din is-sessjoni plenarja, li jvarjaw mill-iskoperti kbar tal-kosmoloġija, sa sorsi ta’ enerġija rinnovabli, sas-sikurezza alimentari, kif ukoll sa seminar eċċitanti fuq l-enerġija u l-limiti tal-intelliġenza artifiċjali.

Fl-Enċiklika Laudato si’  jiena ndikajt li «aħna msejħa nsiru l-istrumenti t’Alla l-Missier sabiex il-pjaneta tagħna tkun dak li Hu ħolom meta ħoloqha u twieġeb għall-proġett tiegħu ta’ paċi, ġmiel u milja» (n. 53). Fil-modernità kbirna bil-ħsieb li aħna il-propjetarji u s-sidien tan-natura, bil-permess li nisirquha mingħajr ebda kunsiderazzjoni għall-potenzjali moħbija u liġijiet evoluttivi, daqs li kieku kienet materjal mejjet a dispożizzjoni tagħna, u b’hekk wasalna biex tlifna mill-biodiversità b’mod gravi ħafna. Fir-realtà, aħna m’aħniex il-gwardjani ta’ mużew u tal-kapolavuri tiegħu li rridu nfarfru kull filgħodu, iżda l-kollaboraturi tal-konservazzjoni u tal-iżvilupp tal-esseri u tal-biodiversità tal-pjaneta, u tal-ħajja umana li tinsab fiha. Il-konverżjoni ekoloġika kapaċi li tappoġġja l-iżvilupp sostenibbli tagħraf b’mod inseparabbli kemm li aħna nieħdu r-responsabbiltà sħiħa bħala bnedmin lejn il-ħolqien u r-riżorsi tiegħu, kif ukoll it-tfittxija tal-ġustizzja soċjali u tat-tmiem ta’ sistema inġusta li tipproduċi miżerja, inugwaljanza u esklużjoni.

Fil-qosor, naħseb li fuq kollox huwa d-dmir tax-xjentisti, li jaħdmu b’mod ħieles mill-interessi politiċi, ekonomiċi jew ideoloġiċi, biex jibnu mudell kulturali li jiġġieled il-kriżi tat-tibdiliet fil-klima u tal-konsegwenzi soċjali tagħha, sabiex il-pontenzjali enormi ta’ produzzjoni ma jkunux biss riservati għal ftit nies. Bl-istess mod li bih il-komunità xjentifika, permezz ta’ djalogu inter-dixxiplinari fi ħdanha stess, għarfet tistudja u turi l-kriżi tal-pjaneta tagħna, hekk ukoll illum hija msejħa twaqqaf leadership li tindika soluzzjonijiet ġenerali u partikolari dwar it-temi li jiġu ndirizzati fil-plenarja tagħkom: l-ilma, l-enerġiji rinnovabbli u s-sikurezza alimentari. Huwa indispensabbli li permezz tal-kollaborazzjoni tagħkom tinħoloq sistema normattiva li tiġbor fiha limiti li ma jistgħux jinqabżu u tiżgura il-protezzjoni tal-ekosistemi, qabel ma l-forom ġodda ta’ poter miksuba mill-paradigma tekno-ekonomiku jagħmlu ħsara irriversibbli mhux biss lill-ambjent, iżda wkoll lill-konvivenza, lid-demokrazija, lill-ġustizzja u lil-libertà.

Fil-qafas ta’ dan kollu, tajjeb li wieħed jinnota r-reazzjoni dgħajfa tal-politika internazzjonali – anke jekk hemm xi eċċezzjonijet li huma ta’ min wieħed ifaħħarhom – dwar rieda konkreta lejn it-tfittxija tal-ġid komuni u tal-ġid universali, u l-mod faċli li bih jiġu miċħuda il-pariri ppruvati mix-xjenza dwar is-sitwazzjoni tal-pjaneta. Is-sottomissjoni tal-politka għat-teknoloġija u għall-finanzi li jfittxu fuq kollox il-profitt hija murija mid-“distrazzjoni” jew mid-dewmien sabiex jiġi implimentat dak li ġie maqbul dwar l-ambjent b’mod dinji, apparti l-gwerer bla waqfien ta’ predominanza moħbija wara l-maskla ta’ pretensjonijiet nobbli, li jwasslu għal danni dejjem aktar gravi lill-ambjent, lill-ġid morali u kulturali tal-ġnus.

Iżda minkejja dan kollu ma nitilfux it-tama, u nfittxu napprofittaw ruħna miż-żmien li jagħtina l-Mulej. Hemm ukoll ħafna sinjali li jagħmlulna kuraġġ, ta’ umanità li trid tirreaġixxi, tagħżel il-ġid komuni, tirriġenera lilha nnifisha b’responsabbiltà u solidarjetà. Flimkien mal-valuri morali, l-proġett tal-iżvilupp sostenibbli u integrali kapaċi jagħti lix-xjentisti kollha, partikolarment lil dawk li jemmnu, imbuttatura b’saħħita għar-riċerka.

Nawguralkom il-ħidma t-tajba. Jiena ninvoka l-abbundanza ta’ barkiet mis-sema fuq l-attivitajiet tal-Akkademja, fuq kull wieħed u waħda minnkom u fuq il-familji tagħkom. U nitlobkom, jekk jogħġobkom, sabiex ma tinsewx titolbu għalija. Grazzi.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn John Muscat