Għeżież ħuti!

Nirringrazzja minn qiegħ qalbi lill-membri tal-Presidenza tal-Bożnja u l-Erżegovina għal-laqgħa ġentili u partikolarment għall-mod kordjali li bih sellimli f’isem kuħadd is-Sur President attwali, Mladen Ivanić.  Hu ta ferħ għalija li ninsab f’dil-belt li sofriet tant minħabba l-kunflitti mdemmija tas-seklu li għadda u li reġgħet saret imkien ta’ djalogu u konvivenza paċifika.

Sarajevo u l-Bożnja u l-Erżegovina għandhom tifsira speċjali għall-Ewropa u għad-dinja kollha.  F’dawn it-territorji ilhom preżenti għal sekli sħaħ komunitajiet li jistqarru reliġjonijiet differenti u li jiffurmaw parti minn etniji u kulturi differenti, li kull waħda minnhom hi għanja bil-karatteristiċi partikolari tagħha u ġeluża għat-tradizzjonijiet speċifiċi tagħha, u dawn, għal żmien twil, ma kienu ta’ ebda xkiel biex jissawru relazzjonijiet ta’ ħbiberija u kordjali reċiproċi.

L-istess struttura arkitettonika ta’ Sarajevo tixhed dan b’mod konsistenti u ovvju, għaliex fin-nisġa urbanistika tagħha jidhru, mhux bogħod minn xulxin, sinagogi, knejjes u moskej, tant li l-belt ingħatat l-isem ta’ “Ġerusalemm tal-Ewropa”.  Fil-fatt hi tirrappreżenta inkroċju ta’ kulturi, nazzjonijiet u reliġjonijiet: dan ir-rwol jitlob li jibqgħu dejjem jissawru pontijiet ġodda u li dawk li hemm diġà jkunu kkurati u restawrati biex il-komunikazzjoni tkun faċli, sigura u ċivili.

Għandna bżonn nikkomunikaw, li niskopru r-rikkezza ta’ xulxin, li nivvaloriżżaw dak li jgħaqqadna u li nħarsu lejn id-differenzi bħala opportunità ta’ tkabbir bir-rispett lejn kulħadd.  Hu meħtieġ djalogu bil-paċenzja u l-fiduċja b’mod li l-persuni, il-familji u l-komunitajiet ikunu jistgħu jittrażmettu l-valuri tal-kulturi tagħhom u jilqgħu it-tajjeb li jkun ġej mill-espressjonijiet tal-oħrajn.

B’hekk, anki l-ġrieħi gravi tal-passat reċenti jkunu jistgħu jiddewwew u jkun possibbli nħarsu bit-tama lejn il-futur billi b’qalb ħielsa mill-biża’ u għadab naffrontaw il-problemi ta’ kuljum li kull komunità ċivili jkollha tħabbat wiċċha magħhom.

Ġejt bħala pellegrin tal-paċi u tad-djalogu, 18-il sena wara ż-żjara storika ta’ San Ġwanni Pawlu II, li seħħet anqas minn sentejn wara l-firma tat-Trattat ta’ Paċi ta’ Dajtona.  Inħossni ferħan nara l-progress li sar u ta’ dan irridu nirringrazzjaw lill-Mulej u lil tant persuni ta’ rieda tajba.  Madankollu hu importanti li ma nikkuntentawx b’dak li sar s’issa imma nkomplu nagħmlu passi oħra biex insaħħu l-fiduċja u noħolqu okkażjonijiet li jkabbru l-għarfien u l-istima reċiproka.  Biex titħaffef din it-triq, il-qrubija hija fundamentali – il-qrubija! – u l-kollaborazzjoni tal-komunità internazzjonali, partikolarment tal-Unjoni Ewropea, tal-Pajjiżi kollha u tal-organiżżazzjonijiet li hawn u li jaħdmu fit-territorju tal-Bożnja u l-Erżegovina.

Infatti l-Bożnja u l-Erżegovina huma parti integrali mill-Ewropa: is-suċċessi u d-drammi tagħhom jidħlu bi dritt fl-istorja tas-suċċessi u d-drammi tal-Ewropa, u fl-istess waqt huma twissija serja biex isir kull sforz ħalli l-proċessi tal-paċi li nbdew, jissaħħu dejjem aktar u ma jħarsux lura.

F’din l-art, il-paċi u l-ftehim bejn il-Kroati, is-Serbi u l-Bożnjaċi, l-inizajttivi mmirati biex dawn jissaħħu, ir-relazzjonijiet kordjali u fraterni bejn il-Musulmani, l-Għebrej, l-Insara u l-minoranzi reliġjużi l-oħra, għandhom importanza li tmur ‘l hinn mill-konfini.  Dawn jagħtu xhieda lid-dinja kollha li l-kollaborazzjoni bejn l-etniji u r-reliġjonijiet differenti bl-għan tal-ġid komuni hija possibbli, li l-pluraliżmu tal-kulturi u t–tradizzjonijiet jista’ jeżisti u jista’ jagħti lok għal soluzzjonijiet oriġinali u effikaċi tal-problemi; li anki l-feriti l-aktar fondi jistgħu jitfejqu b’mixja li ssaffi l-memorja u tagħti t-tama għall-futur.  Din it-tama jiena rajtha llum f’dawk it-tfal li sellimt fl-ajruport – Iżlamiċi, Orotodossi, Għebrej, Kattoliċi u minoranzi oħra – kollha flimkien, ferħanin!  Din hi t-tama!  Ejjew inqiegħdu tamitna f’dan.

Biex neħduha kontra l-krudeltà bla qalb ta’ min irid li kull differenza jdawwarha fi skuża biex iwettaq vjolenza dejjem aktar brutali, ilkoll għandna bżonn nagħrfu l-valuri fundamentali tal-umanità komuni, valuri li f’isimhom nistgħu u għandna nikkollaboraw, nibnu u niddjalogaw, naħfru u nikbru, biex il-kollettiv tal-ilħna diversi jiffurmaw għanja nobbli u armonika, minflok ikunu għajat fanatiku ta’ mibgħeda.

In-nies tal-politika, li huma responsabbli, huma msejħin għal dan ix-xogħol nobbli li jkunu l-ewwel qaddejja tal-komunitajiet tagħhom b’ħidma li tħares, l-ewwel u qabel kollox, id-drittijiet fundamentali tal-persuna umana li fosthom tispikka l-libertà reliġjuża.  B’hekk ikun possibbli li b’impenn konkret, tinbena soċjetà aktar paċifika u ġusta u, bl-għajnuna ta’ kull min ikollu leħen, jingħata bidu għas-soluzzjoni tal-ħafna problemi tal-ħajja ta’ kuljum tal-poplu.

Biex dan isir huwa indispensabbli li ċ-ċittadini kollha jitqiesu l-istess quddiem il-liġi u fit-tqegħid fis-seħħ tagħha, hi xinhi l-appartenenza etnika, reliġjuża u ġjografika tagħhom: b’hekk, ilkoll mingħajr distinzjoni, jħossu li jistgħu jagħtu kontribut attiv skont l-ispeċifiċità tagħhom, lejn il-ġid komuni.

Eminenti Sinjuri,

Bit-talb u bil-ħidma tal-fidili u tal-istituzzjonijiet tagħha, il-Knisja Kattolika tieħu sehem fix-xogħol ta’ rikostruzzjoni materjali u morali tal-Bożnja u l-Erżegovina, taqsam magħhom il-ferħ u t-tħassib, dejjem bix-xewqa li b’impenn tagħti xhieda tal-qrubija speċjali tagħha mal-foqra u l-batut, imqanqla għal dan mit-tagħlim u l-eżempju tal-Imgħallem Divin tagħha, Ġesù.

Is-Santa Sede tifirħilkom għat-triq li diġà mxejtu tul dawn is-snin u tiżgurakom li hi ħerqana tkompli ssaħħaħ il-kollaborazzjoni, id-djalogu u s-solidarjetà, konxja mill-fatt li l-paċi u s-smigħ reċiproku fil-qafas ta’ konvivenza ċivili u ordnata, huma kundizzjonijiet indispensabbli biex l-iżvilupp ikunu awtentiku u dejjiemi.  Hi tawgura fis-sewwa, li l-Bożnja u l-Erżegovina, wara li s-sħab iswed tat-tempesta sa fl-aħħar tbiegħed, bis-sapport ta’ kulħadd tkun tista’ tibqa’ miexja fit-triq li qabdet, b’mod illi, wara l-kesħa tax-xitwa, twarrad ir-rebbiegħa.  U hawn tidher qed twarrad ir-rebbiegħa.

B’dawn is-sentimenti nitlob b’ħerqa kbira lill-Aktar Għoli l-paċi u l–prosperità fuq Sarajevo u fuq il-Bożnja u l-Erżegovina kollha.  Grazzi.

 

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber