Kumment dwar l-Evanġelju tas-Sammaritan it-Tajjeb (Luqa 10,25-37)

Din is-silta tal-Evanġelju tiġbor fiha bosta persuni: dak li jagħmel il-mistoqsija “min hu l-proxxmu?”; Ġesù; u mbagħad fil-parabbola, il-ħallelin, l-imsejken li kien nofsu mejjet mat-triq, imbagħad is-saċerdot, imbagħad l-Imgħallem tal-Liġi, forsi “avukat” (il-levita); imbagħad sid il-lukanda.

Fil-parabbola forsi la s-saċerdot, la l-Imgħallem tal-Liġi, la s-Sammaritan u lanqas sid il-lukanda ma kienu jafu jwieġbu għall-mistoqsija “min hu l-proxxmu?”; forsi lanqas kienu jafu kif kien “il-proxxmu”, min kien “il-proxxmu”.  Is-saċerdot kien mgħaġġel, bħas-saċerdoti l-oħra kollha, għax ħares lejn l-arloġġ: “Irrid inqaddes”, jew, tant drabi: “ħallejt il-Knisja miftuħa, irrid nagħlaq, għax il-ħin tirann u ma nistax nibqa’ hawn.  L-Imgħallem tal-liġi, bniedem prattiku qal: “jekk jien nindaħal f’din, għada jkolli mmur il-qorti, nagħti x-xhieda, ngħid x’għamilt, tlett ijiem xogħol... Le, le, aħjar....”.  Viva Ponzju Pilatu, u telaq ‘l hemm.  Iżda l-ieħor, (is-sammaritan) midneb, stranġier li ma kienx mill-poplu t’Alla, ġietu ħniena: “tħassru” u waqaf.  It-tlieta li huma, is-saċerdot, l-avukat u s-sammaritan – kienu jafu sewwa, kellhom għarfien tajjeb dwar dak li kellhom jagħmlu.  U kull wieħed minnhom ħa d-deċiżjoni tiegħu.  Imma jien nippreferi naħseb f’sid il-lukanda: l-anonimu.  Hu ra dan kollu, ra u ma fehem xejn.  “Imma dan miġnun!  Sammaritan li jgħin lil wieħed Lhudi!  Miġnun!  Imbagħad b’idejh stess ifejjaqlu l-ġrieħi, u mbagħad iġibu hawn fil-lukanda u jgħidli: ‘ħu ħsieb, u jekk tonfoq xi ħaġa aktar intihielek..’.  Jien qatt ma rajt ħaġa bħal din, dan miġnun!”  U dak ir-raġel irċieva l-Kelma t’Alla: bix-xhieda.  Ta’ min?  Tas-saċerdot, le, għax lanqas biss kien rah; tal-avukat, l-istess.  Mingħand il-midneb, midneb li ġietu ħniena”.  U ma kien qed jifhem xejn, baqa’ bid-dubju, forsi wkoll bil-kurżità: “Imma hawn x’ġara, stramba l-biċċa...”.  Bl-inkwiet ġewwa fih: u dan hu dak li jagħti xhieda.  Ix-xhieda ta’ dak il-midneb qanqlet it-tħassib fil-qalb ta’ dan il-lukandier; u x’ġara minnu l-Evanġelju ma jgħidilniex, lanqas ismu.  Imma żgur li dar-raġel... – żgur, għax meta l-Ispirtu s-Santu jiżra’, ikabbar – żgur li fih kibret il-kurżità, it-tħassib, ħalla kollox jikber f’qalbu u rċieva l-messaġġ mix-xhieda.  Imbagħad, ġranet wara, is-Sammaritan reġa’ għadda minn dawk l-inħawi u żgur li tah xi ħaġa tal-flus oħra.  Inkella (sid il-lukanda qal): “Le, ħalli kollox, dan fuqi”.  Forsi din kienet l-ewwel reazzjoni tiegħu għax-xhieda.

U għaliex illum, jien waqaft fuq dan il-persunaġġ, fuq din il-persuna?  Għax ix-xhieda tagħna ma nistgħux intuha prezz – ma nafx kif ngħidha -.  Ix-xhieda hi li tgħix b’tali mod li l-oħrajn “jaraw l-opri tiegħek u jigglorifikaw lill-Missier li jinsab fis-Smewwiet (cfr Mt 5,16), cioè jiltaqgħu mal-Missier, imorru għandu....  Dan hu kliem Ġesù.

Dwar Villa Nazareth smajt xi aħbarijiet: “Hawn din l-opra...”, imma ma kontx naf biżżejjed.  Imbagħad Mons Celli qalli xi ħaġa aktar...  Hija opra, ħidma li tiffavorixxi x-xhieda.  Hawnhekk (min jiġi) ma jiġix biex jilħaq, biex jaqla’ l-flus, le, imma biex isegwi l-passi ta’ Ġesù u jagħti xhieda ta’ Ġesù, jiżra’ x-xhieda.  Fis-silenzju, mingħajr spjegazzjonijiet, bil-ġesti....  Jerġa’ jieħu mill-ġdid f’idejh il-lingwaġġ tal-ġesti.  U ċertament dan sid il-lukanda jinsab fis-sema, żgur!, għax dik iż-żerriegħa żgur li kibret u warrdet.  Ra xi ħaġa li qatt u qatt ma ħaseb li jista’ jara.  U din hi x-xhieda.  Ix-xhieda tgħaddi u tibqa’ sejra.  Inti tħalliha u titlaq.  Il-Mulej biss jindukraha, ikabbarha, kif ikabbar iż-żerriegħa: waqt li s-sid rieqed, tikber ix-xitla.

Nawgura li din l-opra tkompli tkun opra ta’ xhieda, dar ta’ xhieda: ta’ xhieda għal kulħadd, għal kulħadd.  Ta’ xhieda għan-nies li jersqu lejha jew li jisimgħu dwarha... xhieda.  Dan nawgura.  U jalla l-Mulej jeħlisna mill-ħallelin – hawn tant minnhom! – jeħlisna mis-saċerdoti tal-għaġla jew mgħaġġlin dejjem, m’għandhomx ħin biex jisimgħu, jaraw, iridu jagħmlu l-affarijiet tagħhom....; jeħlisna mid-dutturi li jridu jippreżentaw il-fidi ta’ Ġesù Kristu bir-riġidità matematika; u jgħallimna nieqfu u jgħallimna dak l-għerf tal-Evanġelju: “ħammeġ idejk”.  Jalla l-Mulej itina din il-grazzja.  Grazzi

 

Mistoqsijiet u tweġibiet

Il-kuraġġ tal-għażla - Valentina Piras

Santo Padre,

Qabel l-għalliema, aħna ż-żgħażagħ għandna bżonn ta’ xhieda kredibbli.  Spiss aħna konxji li qed ngħixu f’realtà kumplessa li fiha mhemmx punti ta’ riferiment kostanti u fejn ikunu proposti lilna esperjenzi bla sustanza.  Xi drabi aħna nisfaw “żgħażagħ” u adulti “ipparkjati” fil-ħajja, vittmi tal-illużjoni tas-suċċess u tal-kult tal-“ego”, mingħajr ħila li ningħataw lil oħrajn.  Santo Padre, aħna nixtiequ li inti tgħidlna kelma biex tgħinna nitfgħu dawl fuq id-dlam li jgħattilna qlubna.  Kif nistgħu nerġgħu nqajjmu fina l-kobor u l-kuraġġ ta’ għażliet importanti, ta’ qlubija, biex naffrontaw l-isfidi edukattivi u affettivi?

Il-Papa Franġisku:

Grazzi.  Kelma li hi l-muftiħ ta’ kollox hi: “Aħna ż-żgħażagħ għandna bżonn ta’ xhieda kredibbli”.  Din hi propju l-loġika tal-Evanġelju: li tagħti xhieda.  B’ħajtek, bil-mod kif tgħix, bl-għażliet li tagħmel.  Imma xhieda ta’ xiex?  Ta’ affarijiet diversi.  Xhieda, aħna l-insara, ta’ Ġesù Kristu li hu ħaj.  Meta tingħad hekk donnha tidher wisq klerikali.  Imma jiena nifhem liema hi x-xhieda li qed ifittxu ż-żgħażagħ: hi x-xhieda “tad-daqqa ta’ ħarta”.  Id-daqqa ta’ ħarta hi xhieda ta’ kuljum!  Dik li tqajmek, tgħidlek: “ħares, toqgħodx tilludi ruħek bl-ideat, bil-wegħdiet....”  Illużjonijiet aktar qrib tagħna wkoll.  L-illużjoni tas-suċċess: “le, jien se ngħaddi minn dit-triq u nikseb suċċess”.  Mill-kult tal-“ego”.  Illum nafu li l-mera hi moda!  Inħarsu fiha biex naraw lilna nfusna.  L-“ego” tagħna, dak in-narċisiżmu li toffrilna l-kultura tal-lum.  U meta ma jkollniex xhieda, forsi ħajjitna timxi tajjeb, naqilgħuha tajjeb, ikollna professjoni, post tax-xogħol tajjeb, familja.... imma inti għidt kelma qawwija ħafna: “aħna rġiel u nisa “ipparkjati” fil-ħajja,  jiġifieri li ma nimxux, li weqfin. Bħall-konformisti: kollox hu drawwa, drawwa li tħallina kwieti, għandna dak li hu meħtieġ, ma jonqos xejn, għall-grazzja t’Alla.....  “Kif nistgħu nerġgħu nqajjmu mill-ġdid il-kobor u l-kuraġġ li nagħmlu għażliet importanti, qalbenin biex naffrontaw l-isfidi edukattivi u affettivi?”  kelma li għidt bosta drabi!  Nirriskja!  Min ma jirriskjax ma jimxix.  “Imma jekk niżbalja?”  Ikun imbierek il-Mulej!  Tkun qed tiżbalja aktar jekk tibqa’ wieqaf, wieqfa: dak hu l-iżball, l-iżball ikraħ, l-għeluq.  Irriskja.  Irriskja fuq ideali nobbli, irriskja billi tħammeġ idejk, irriskja bħalma rriskja dak is-Sammaritan tal-parabbola.  Meta fil-ħajja aħna nkunu kwieti, bejn wieħed u ieħor dejjem hemm it-tentazzjoni tal-paraliżi.  Tirriskjax: ibqa’ trankwill, kwiet.....  Staqsejtni: “Kif nistgħu nqanqlu fina l-kobor u l-kuraġġ ta’ għażliet importanti, qalbenin, biex naffrontaw l-isfidi edukattivi u affettivi?”.  Ersaq lejn il-problemi, oħroġ minnek innifsek u rriskja, irriskja.  Inkella, bil-ftit il-ftit, ħajtek issir paralitika: hienja, kuntenta, mal-familja, imma dejjem hemm “ipparkjata” – biex nuża kelma li għidtli int.  Hu ta’ niket kbir li tara ħajjiet “ipparkjati”; ta’ niket kbir tara persuni li aktar donnhom mummji f’mużew milli bnedmin ħajjin.  Irriskja!  Irriskja.  U, jekk tiżbalja, imbierek il-Mulej.  Irriskja, ibqa’ miexi ‘l quddiem!  Ma nafx, dan inħoss li għandi ngħidlek.

 

It-toqol tal-fidi fil-ħajja tal-lum Gabriele Giuliano

Għażiż Papa Franġisku,

Fil-ġurnali spiss insibu aħbarijiet drammatiċi dwar it-traġedja li qed tolqot lill-komunitajiet insara madwar id-dinja: dawn l-avvenimneti jġegħluna nirriflettu profondament dwar kemm hu possibbli li l-fidi tagħna nistgħu ngħixuha u nagħtu xhieda tagħha, saħansitra sal-mewt  Dan il-kuraġġ tal-fidi awtentika jitfgħuna verament fid-dubju.  Kif nistgħu nkunu xhieda kredibbli tal-Evanġelju, kif nistgħu nħabbru l-messaġġ ta’ Kristu lid-dinja?  Ħafna minna, minkejja n-nuqqasijiet u l-limitazzjonijiet intrinsiċi tal-bniedem, jippruvaw, imma faċilment jaqtgħu qalbhom.  Lilek jiġrilek hekk?  Qatt sibt ruħek fi kriżi mal-fidi li tħaddan?  Fejn u kif sibt il-mod kif terġa’ tqum fuq saqajk, ma tgħejjiex, u tkompli l-mandat tiegħek, l-ewwel bħala lajk u wara bħala persuna konsagrata?

Il-Papa Franġisku:

Imma inti għamilt mistoqsija personali żżejjed!  U jien irrid nagħmel għażla..  Jew ngħid il-verità jew nagħmel telenovella li tkun sabiħa... It-traġedja tal-komunitajiet kristjani mferrxin mad-dinja:  dan hu veru.  Imma dan hu d-destin tal-insara: ix-xhieda – naqbad mal-kelma xhieda – sas-sitwazzjonijiet diffiċli. Lili ma jogħġobnix, irrid nagħmilha ċara, lili ma jogħġobnix meta nitkellmu dwar ġenoċidju tal-insara, per eżempju fil-Lvant Nofsani: dan hu riduzzjoniżmu, huwa riduzzjoniżmu.  Il-verità hi li din hi persekuzzjoni li lill-insara tagħmilhom aktar fidili, aktar koerenti fil-fidi li jħaddnu.  Ma naqgħux fir-riduzzjoniżmu soċjoloġiku f’dak li huwa misteru tal-fidi: il-martirju.  Dawk it-13 – mingħalja kienu rġiel Eġizzjani, insara Kopti, illum qaddisin, ikkanoniżżati mill-Knisja Kopta – li nqatgħulhom griżmejhom fuq ix-xtut tal-Libja: ilkoll mietu bil-kelma “Ġesù għinni” fuq fommhom.  Dawn kienu dutturi tal-liġi?  Le u le.  Kienu nies li biex ngħidu hekk, kienu injoranti imma kienu dutturi tal-koerenza nisranija, jiġifieri kienu xhieda tal-fidi.  U l-fidi ġġgħalna nagħtu xhieda ta’ tant affarijiet diffiċli fil-ħajja, anki b’ħajjitna nagħtu xhieda tal-fidi.  Imma ma nqarrqux bina nfusna: il-martirju aħrax mhux l-uniku mod biex bih nagħtu xhieda ta’ Ġesù Kristu.  Nistgħu ngħidu li hu l-għola grad, eroiżmu.  Imma hu minnu wkoll li llum hemm aktar martri milli kien hemm fiż-żminijiet bikrija tal-Knsija, dan hu minnu.  Imma hemm il-martirju ta’ kuljum: il-martirju tal-onestà, il-martirju tal-paċenzja, fl-edukazzjoni tal-ulied; il-martirju tal-fedeltà fl-imħabba, meta jkun aktar faċli li tinqabad triq oħra, aktar mistura: il-martirju tal-onestà f’din id-dinja li nistgħu nsejħulha “il-ġenna tat-tixħim”. Hu faċli ħafna: “Int għid hekk u jkollok dan”, fejn hu nieqes il-kuraġġ li l-flus maħmuġin, narmuhom, f’dinja fejn  tant ġenituri jitimgħu lil uliedhom il-ħobż imħammeġ bit-tixħim, dak il-ħobż li huma jixtru bil-flus li jaqilgħu mit-tixħim....  Hemmhekk hemm ix-xhieda nisranija, hemmhekk hemm il-martirju: “Le, jien dan marridux!” – “Jekk ma tridx, ma tiksibx dal-post, ma tgħoliex ‘il fuq!”.  Il-martirju tas-silenzju quddiem it-tentazzjoni tas-seksik.  Għan-nisrani – jgħidha Ġesù – mhux leċitu li jseksek.  Ġesù jgħid li min lil ħuh jgħidlu “stupidu” ħaqqu l-infern.  Intom tafu li s-seksik hu bħall-bomba ta’ terrorista, ta’ “kamikaze” – mhux ta’ “kamikaze”, ta’ terrorista, tal-anqas il-“kamikaze” għandu l-kuraġġ li jmut hu wkoll – le, is-seksik isir meta jien nitfa’ l-bomba, neqred li dak lil jkun u jien nibqa’ kuntent.  Imma x-xhieda nisranija hi l-martirju tal-ħajja ta’ kuljum, il-martirju silenzjuż u aħna għandna nitkellmu hekk: “Imma aħna rġiel u nisa martiriżżati, għandu jkollna wiċċ imdejjaq, wiċċ...... bil-geddum”.  Le.  Hemm il-ferħ tal-kelma ta’ Ġesù, bħal dawk li mietu fil-Libja.

U jeħtieġ kuraġġ, u l-kuraġġ hu don tal-Ispirtu s-Santu.  Il-martirju, il-ħajja nisranija martri, ix-xhieda nisranija, ma nistgħux ngħixuha mingħajr il-kuraġġ tal-ħajja nisranija.  San Pawl juża żewġ kelmiet biex jiddeskrivi l-ħajja martri tan-nisrani, il-ħajja ta’ kuljum: kuraġġ u paċenzja.  Żewġ kelmiet.  Il-kuraġġ li nimxu ‘l quddiem u ma nistħux li aħna nsara u nuru li aħna nsara, u l-paċenzja li l-piż tal-ġurnata nġorruh fuq spallejna, l-uġigħ ukoll, anki dnubietna, l-inkoerenzi tagħna.

Imma nistgħu nkunu nsara bid-dnub?  Iva.  Ilkoll aħna midinbin, ilkoll.  In-nisrani mhux raġel jew mara li huma asettiċi bħal-laboratorju, mhumiex bħall-ilma distillat!  In-nisrani hu raġel, mara li jaf jittradixxi l-ideal tiegħu bid-dnub, huwa raġel, mara, debboli.  Imma aħna għandna nirrikonċiljaw ruħna mad-dgħufija tagħna.  U b’hekk l-aspett tagħna jsir ftit aktar umli.  Aktar umli. Il-verità mhix f’dak li jidher. “Jien minix midneb” bħal dak il-Fariżew li kien qed jitlob quddiem il-Mulej: “irroddlok ħajr għax minix bħal dan, bħal dak, bħall-ieħor”; kien iħammeġ lil kulħadd, imma hu kien nadif!  Kien jiddandan.  Ippermettuli, hu xi ftit..... mhux korrett ħafna, le, mhux eżattament leċitu dak li se ngħid issa, imma l-immaġni tgħinna.  Il-koerenza nisranija tal-verità hi li tħossk midneb u fil-ħtieġa tal-maħfra; imma dak li kien qed jiddandan li kien nisrani perfett, qiesu pagun; kemm hu sabiħ il-pagurn!, hekk jidher, hija realtà sabiħa........  Skużawni, imma duru wara: anki dik hi l-verità tal-pagun!  U l-messaġġ ta’ Kristu lid-dinja hekk huwa: aħna midinbin, u Ġesù ħabbna, fejjaqna, jew qiegħdin fit-triq tal-fejqan, dejjem.  U jħobbna.  U dawn il-limitazzjonijiet intrinsiċi fina u anki l-limitazzjonijiet estrinsiċi li naraw, per eżempju, l-ipokrisija fil-Knisja, l-ipokrisija tal-insara; dawn il-limitazzjonijiet jiskoraġġuna, u hekk il-fidi tidħol fi kriżi. U hawn hi l-mistoqsija sfaċċata: “qatt sibt ruħek fi kriżi mal-fidi tiegħek?”  Din hi mistoqsija li tagħmlu lill-Papa!  Intom kuraġġużi!  Fejn u kif sab il-mod li jerġa’ jibda, ma jgħejiex u jkompli bil-madnat tiegħu, l-ewwel bħala lajk u wara bħala persuna konsagrata?”  Bosta drabi jien insib ruħi fi kriżi mal-fidi u xi drabi kelli wkoll il-wiċċ tost li nċanfar lil Ġesù: “Imma għaliex tippermetti dan?”, u ddubitajt ukoll: “Imma din hi l-verità, jew forsi hija ħolma?”  U dan, bħala żgħażugħ, bħala seminarista, bħala saċerdot, bħala reliġjuż, bħala isqof u bħala Papa.  “Imma kif id-dinja hija hekk, jekk Int tajt ħajtek?  Forsi din hi illużjoni, alibi biex tikkunsalana?”  Nisrani li qatt ma ħass dan, xi darba jew oħra, li l-fidi tiegħu ma daħlitx fi kriżi, jonqsu xi ħaġa: hu nisrani li jikkuntenta b’xi ftit mondanità u hekk jibqa’ miexi ‘l quddiem fil-ħajja. Qaluli – għax jien ma nafx biċ-Ċiniż, imma qaluli li l-kelma kriżi biċ-Ċiniż tinkiteb b’żewġ ideogrammi: wieħed hu l-ideogramma riskju u l-ieħor hu l-ideogramma opportunità.  Hu  minnu.  Meta bniedem jidħol fi kriżi – bħal meta Ġesù qal lill-Pietru li x-xitan kien se jdaħħlu fi kriżi, l-istess kif isir bil-qamħ, u tant drabi ix-xitan, il-ħajja, il-proxxmu, tant persuni jqabbżuna bħalma jgħollu l-qamħ, iqegħduna fi kriżi – dejjem hemm il-periklu, ir-riskju, riskju mhux fis-sens tajjeb, u opportunità.  In-nisrani – dan tgħallimtu jiena – m’għandux jibża’ jidħol fi kriżi: hu sinjal li miexi’ l quddiem. Li mhux ankrat ma’ xatt ix-xmara jew xatt il-baħar, li ħareġ ‘il barra u miexi ‘l quddiem.  U hemm jinsabu l-problemi, il-kriżijiet, l-inkoerenzi, u l-kriżi tad-dnubna li ġġegħelna tant nistħu.  U kif ma ngħejjewx?  Dik hi grazzja.  Itlobha lill-Mulej: “Mulej, għinni biex ma ngħejiex.  Tini l-grazzja tal-paċenzja, li nibqa’ miexi ‘l quddiem, li nistenna li tasal il-paċi”.  Ma nafx, hekk inħoss li għandi nwieġeb.

 

Il-vokazzjoni professjonali u affettiva – Giacomo Guarini

Santo Padre,

Illum kollox jimbotta lejn l-affermazzjoni tal-individwu u donnu li l-persuna bħala tali bil-ħila li tagħti u tirċievi l-imħabba donnha ntilfet.  L-imħabba m’għadhiex meqjusa bħala moviment lejn il-ġid tal-ieħor imma bħala mezz ta’ gratifikazzjoni individwali; b’mod partikolari, ma nistgħux naħbu d-diffikultajieet li jiltaqgħu magħhom iż-żgħażagħ li kisbu lawrja, li spiss iħossuhom avviliti quddiem in-nuqqas ta’ prospettivi konkreti għall-futur tagħna u l-bibien magħluqin għal kull possibiltà li jwasslu għat-temma l-vokazzjoni professjonali u affettiva tagħna, li skoprejna bis-saħħa ta’ Villa Nazareth.  Għalhekk kif wieħed jista’ jagħmel il-post tax-xogħol tiegħu imkien ta’ vokazzjoni, f’dinja mmexxija minn individwaliżmu sfrenat?  Kif nistgħu ngħixur-relazzjonijiet bħala mera tal-imħabba t’Alla, anki fl-għerusija, f’kuntest li fih kull xewqa ta’ gratwità donnha nieqsa?

Il-Papa Franġisku:

Inti għidt kelma li togħġobni ħafna: gratwità.  Aħna spiss ninsew dan is-sens ta’ gratwità, u ninsew li l-gratwità hi l-lingwaġġ ta’ Alla.  Hu ħalaqna gratwitament; Hu ħalaqna mill-ġdid f’Ġesù, gratwitament; u Ġesù stess iwissina: “Dak li intom irċevejtu b’xejn, agħtuh b’xejn”.  Il-gratwità.  F’diċ-ċiviltà ta’ do ut des, jien intik dan u dan, kollox hu negozju, hemm il-periklu li gratwità tisparixxi.  U kultant, jew ħafna drabi, nemmen li hi waħda mid-drawwiet l-aktar komuni – il-Kristjaneżmu jsir pelaġjan: kollox jinxtara bil-flus. “Jien nagħmel dan u nsir aktar qaddis”. “ jien nagħmel dan u nsir aktar perfett”, “jien nagħmel dan u nkun aktar nisrani”, “ma nagħmilx dan u l-Kristjaneżmu tiegħi ma......”  Anki ma’ Alla għandna dan l-atteġġjamentuta’ “do ut des”.

Imma diġà fit-Testment l-Antik il-Mulej kien jgħidilna: “Jien m’għandix bżonn is-sagrifiċċji tagħkom.  Ħarsu ħdejkom, u għini lill-oħrajn.  Agħtu l-paga xierqa”.  U dan li int qed issejjaħlu “l-affermazzjoni tal-individwu”, dan l-individwaliżmu jwasslna biex inwettqu inġustizzji gravi.  Inġustizzji umani.  Ma ngħidx “soċjali” għax xi ħadd jista’ jgħid: ”imma dal-patri huwa soċjalista”.  Le, le:umani!  Hi fit jew wisq il-gratifikazzjoni individwali li xejn m’għandha x’taqsam mal-gratwità li jipproponielna Ġesù Kristu, li jgħallimna Alla, li hi propju l-lingwaġġ ta’ Alla: gratwità.  Jeħtiġilna mmorru fuq din “l-airwave” tal-gratwità.  Il-gratifikazzjoni individwali, l-edoniżmu: din hi wkoll kultura tal-edoniżmu.  It-tfittxija tas-sodisfazzjon personali.  U llum irridu naħdmu ħafnabiex nagħrfu min huma l-qaddisin minn dawk li jidilku wiċċhom biex jidhru qaddisin!  Tant insara bil-“makeup” m’huma nsara xejn, għax ma jafux x’inhi l-gratwità.  Jgħixu mod ieħor.

Kif nistgħu l-post tax-xogħol nagħmluh imkien ta’ vokazzjoni?  Nersqu lejn l-ewwel sejħa, is-sejħa li nirċievy, kull wieħed u waħda minna u li hi l-istess waħda li rċeviet l-umanità f’Adam: morru u kkultivaw l-Art, tkattru, agħmlu tagħkom l-art, aħdmu...”Kif nagħmlu l-post tax-xogħol imkien ta’ vokazzjoni?”  Forsi l-aktar kelma qawwija hawn hi xogħol.  Ħaġa hi x-xogħol, imma hi ħaġ’oħra li tagħmel xi ħaġa għall-qligħ imma wkoll biex tapprofitta ruħek mill-oħrajn.  Il-kultura tax-xogħol.  F’ħafna pajjiżi sottożviluppati hemm il-kultura tas-sussidju: hemm l-għajnuna imma ma jgħallmuhomx jaħdmu.  Jagħmilli tajjeb ħafna niftakar f’San Ġwann Bosco, fi tmiem is-seklu dsatax, fil-belt ta’ Torin, Mażuna, anitklerikali, fqira, fejn iż-agħar kienu jiġġerrew mat-toroq...... X’għamel hu?  Mar bl-ilma mbierek?  Le.  Għamel l-edukazzjoni tal-emerġenza, ġegħelhom jistudjaw biex jagħmlu mestjieri sempliċi, u b’hekk jidħlu fil-kultura tax-xogħol.  F’dak ir-riskju hu ra opportunità, f’dik il-kriżi reliġjuża ra opportunità; u b’hekk fetaħ xefaq uman u reliġjuż għal dawk il-persuni.  Ix-xogħol.  Li mhix l-istess bħal meta “tagħmel xi ħaġa”.  Il-vokazzjoni tax-xogħol, xogħol kreattiv.  Ix-xogħol jagħmilna nixbħu lil Alla, li hu Ħallieq u hu wkoll Artiġjan.  U x-xogħol hu mkien ta’ vokazzjoni, mhux post ta’ tnikkir, ta parkeġġ.  Il-vokazzjoni tiegħi iġġegħelni nimxi ‘l quddiem fil-ħidma, fil-kreattività.

Fl-għerusija wkoll.  Fl-għerusija hemm il-gratwità, hemm l-impenn li l-koppja timxi flimkien, tifhem ‘il xulxin, tegħleb id-diffikultajiet, tkun fidila; dan ukoll hu impenn gratwit.  Fl-għerusija wieħed jitgħallem il-gratiwità.  Imma hawn jien nixtieq nagħmel riflessjoni.  Ħafna drabi x-xogħol fis-sens “li nkun qed nagħmel xi ħaġa”, iwassal biex tiddgħajjef il-familja, jiddgħajjef iż-żwieġ.  Inħossni nentużjażma ruħi, per eżempju,  bil-politika, u nibda’ ndur minn post għal ieħor u ma nagħtix każ marti, ir-raġel tiegħi jew uliedi.  Fil-qrar, jien għandi drawwa li meta raġel jew mara jgħiduli li għandhom it-tfal u li forsi ximindaqqiet jitilfu l-paċenzja.... nagħmlilhom mistoqsija: “Imma kemm għandek tfal?”  Ħafna drabi jibżgħu: liema se tkun il-mistoqsija li jmiss?  U t-tieni mistoqsija hi: “U, għidli, inti tilgħab magħhom?  Għandek ħin biex tilgħab ma’ wliedek, tismagħhom, biex ikollok ħin ta’ komunikazzjoni magħhom?” – “Imma, Padre, - tkun it-tweġiba – jien noħroġ naħdem filgħodu waqt li t-tfal ikunu għadhom reqdin u meta nasal lura jkunu diġà raqdu”.  Dax-xogħol li jagħmlek skjav li ma jippermettilekx tgħix il-gratwità tad-don tal-imħabba, tad-don ta’ Alla, forsi mhux ħtija ta’ dan ir-raġel, ta’ din il-mara: ħtija tas-sitwazzjoni, ħtija tal-inġustizzja, tal-inġustizzja morali li aħna qed ngħixu f’din is-soċjetà.  Imma dan ngħid: ħudu ħsieb il-familja, ħudu ħsieb martkom, ħudu ħsieb uliedkom; u ppermettuli ħaġa li hi għal qalbi ħafna: ħudu ħsieb in-nanniet!  Ħudu ħsieb in-nanniet.  Huma l-memorja tagħna!  F’dil-kultura tal-iskart hu faċli ħafna mwarrbu n-nanniet jew f’darhom jew inkella f’xi dar tal-anzjani u ma mmorrux narawhom.  Issa l-affarijiet inbidlu xi ftit għax peress li hemm nuqqas ta’ xogħol u huma għandhom il-pensjoni, allura mmorru għand in-nanniet!  Ħudu ħsieb in-nanniet.  Tmissli qalbi dik il-profezija tal-Profeta Ġoel fit-tielet kapitlu: “In-nanniet għad joħolmu”, u tkun propju l-ħolma, il-ħila li toħlom ħwejjeġ kbar, dak li jmexxi ‘l quddiem lill-adoloxxenti, liż-żgħażagħ.

Se nieqaf hawn għax inkella ma nispiċċa qatt.

 

Il-faqar il-ġdid Maria Elena Tagliaboschi

Santo Padre,

Il-kriżi ekonomika, il-mewġ kbir ta’ migranti, it-tibdil demografiku, il-ħinijiet tax-xogħol li ma jaqblux mal-ħin li fih wieħed jista’ jieħu ħsieb uliedu, huma ftit mill-fenomeni li qed iħallu impatt qawwi fuq l-iżvilupp tas-soċjetà fil-pajjiżi industrijaliżżati.  Dan kollu qed jiġġenera faqar ġdid: anzjani waħedhom; nies bla xogħol jew b’xogħol prekarju li qed jiżdied u allura ma jsibux il-post li jistħoqqilhom fis-suq tax-xogħol; koppji żgħażagħ fgati bi spejjes enormi biex imexxu l-familja.  Dan it-tibdil qed iġegħelna nħossuna mitlufin u dejjem aktar foqra, aktar mill-faqar ekonomiku, faqar fit-tama, fix-xewqat, fil-passjonijiet.  B’liema spirtu, aħna ż-żgħażagħ u adulti nistgħu naffrontaw dawn is-sitwazzjonijiet li ħafna drabi nsibu ruħna fihom?

Il-Papa Franġisku:

Skużawni, tawwalt iżżejjed.  Dwar din il-mistoqsija, fil-biċċa l-kbira weġibt għal ħafna punti minnha.  Imma forsi se mmur għall-qofol tal-problema.  Dak li hemm bżonn jinbidel hu l-istil tal-ekonomija tal-lum.  Illum – u dan qed ngħidu għax ktibtu fl-­Evangelii Gaudium – hawn ekonomija li toqtol.  Fid-dinja, fl-ekonomija dinjija, fiċ-ċentru mhemmx il-bniedem, hemm il-flus.  U dan qed joqtolna.  F’għodwa tax-xitwa tista’ ssib bniedem bla dar mejjet minħabba l-kesħa fi “Piazza Risorgimento” jew tant tfal fit-triq u anki drogati... Din ma tkunx aħbar, ma tkun aħbar.  Imma jekk is-suq finanzjarju ta’ Tokyo, Londra, Frankfurt, New York, jitbaxxa, dik traġedja internazzjonali kbira!  Aħna skjavi ta’ din is-sistema ekonomika li toqtol, skjavi u vittmi.  Illum ix-xogħol moħbi hu ħaġa komuni għax jekk ma taħdimx bla ktieb ma jkollokx xogħol.  Hi ħaġa komuni.  Illum hi komuni ħafna li jtuk kuntratt tax-xogħol minn Settmebru sa Ġunju, u f’Lulju u Awwissu?  Kul xi ftit arja!  U mbagħad ituk kuntratt ieħor minn Settembru.  Mingħajr għajnuna għas-saħħa, mingħajr possibiltà ta’ pensjoni.  Dan jissejjaħ xogħol tal-iskjavi, u l-maġġoranza tagħna ngħixu f’dis-sistema ta’ xogħol ta’ skjavitù.

Il-mewġ tal-migranti: parti mimmhom jaħarbu minħabba l-ġuħ, għax pajjiżhom hu sfruttat ħafna u huma mġewwħin.  U parti oħra jaħarbu minħabba l-gwerra, li hi propju il-kummerċ tal-mument li l-aktar fih qligħ ta’ flus: it-traffikanti tal-armi.  U l-istess wieħed li jbigħ, li jittraffika l-armi lil dal-pajjiż li jinsab fi gwerra ma’ dak, hu l-istess wieħed li jbigħ l-armi lil dak li jinsab fi gwerra ma’ dan!  Ukoll biex tasal l-għajnuna umanitarja fil-pajjiżi fejn hemm il-gwerra jew il-ġlied huwa diffiċli: ħafna drabi l-Għaqda tas-Salib l-Aħmar ma rnexxilhiex.  Imma l-armi jaslu dejjem, mhemm ebda dwana li twaqqafhom!  Għaliex?  Għax hu propju n-negozju li l-aktar iħalli qligħ.  L-alla flus.  Aħna skjavi.  Is-sena li għaddiet tfajla żgħażugħa rrakkuntat dan: rat avviż fil-ġurnal, marret u sabet kju ta’ nies li marru għall-istess xogħol.  U l-impjegat ra l-kurrikulu tagħha u qalilha: “Iva, iva, dan jista’ jkun tajjeb, iva, inti tista’ tmur.  Xogħlok se jkun ta’ bejn wieħed u ieħor minn għaxra sa ħadx-il siegħa kuljum, aktar minn ħdax le, u l-paga €650 fix-xahar”. U t-tfajla wieġbet: “Imma dan mhux ġust!” – “Imma, jekk jogħġbok ħu l-okkażjoni; jekk le, ħares warajk xi kju hemm... Arrivederci!”.  U dan hu l-ħobżna ta’ kuljum, u minn dawn l-inġustizzji jitwieled faqar ġdid, tant faqar ġdid.  Darba kont mort f’madraġġ fi Buenos Aires u kien hemm nies ġodda.  Mort inżurhom f’dik id-dar ċkejkna biċċa minnha tal-injam, biċċa tal-landa, dar li kienu għamluha huma, imma l-mobbli kienu tajbin.  U sibt il-kuraġġ nistaqsihom” “Imma kif, ma nistax nifhem...”.  U hu weġibni: “Padre, sax-xahar li għadda konna nistgħu nħallsu l-kera; issa le”.  U hekk jikbru l-madraġġi.  Hija l-akbar inġustizzja.  U għandna nitkellmu ċar: dan hu dnub mejjet.  U lili jirrabjani, jagħmilli ħażin, meta – per eżempju, ħaġa li hi attwali – jiġu biex jgħammdu tarbija u jġibulek wieħed (bħala parrinu) u tgħidlu: “Imma inti mintix miżżewweġ bil-Knisja, le, int ma tistax tkun parrinu, għax iż-żwieġ, li tiżżewweġ fil-Knisja hu importanti”.  Imbagħad iġibulek wieħed li jkun qarraq ma nafx kemm, li jisfrutta n-nies, traffikant tat-tfal, imma hu Kattoliku “bravu” għax jagħti l-flus lill-Knisja.... “Ah, int tista’ tkun parrinu”.  Imma aħna qlibna l-valuri rashom ‘l isfel!  Illum, id-dinja ekonomika, kif inhi organiżżata d-dinja, hija immorali.  Qed nitkellem ġenerikament, imma hemm l-eċċezzjonijiet.  Hemm nies tajbin, hemm pajjiżi li qed jippruvaw ibiddlu dan, hemm istituzzjonijiet li jaħdmu kontra dal-kurrent.  Imma l-atmosfera dinjija hi li l-bniedem twarrab għax fiċ-ċentru hemm l-ekonomija u hemmhekk hemm il-flus.  Naħseb li b’hekk weġibt il-mistoqsija tiegħek.

 

Miċ-ċentru għall-perfieriji Tonino Casamassimi

Santo Padre,

Il-konfront mal-valuri li sawwru din il-komunità jwassalna biex nistqasu lilna nfusna ‘l ħin  kollu dwar is-serjetà tal-impenn tagħna fid-dinja u fis-servizz li nagħtu lill-proxxmu.  Realtà bħalma hi Villa Nazareth timtela’ b’sens intrinsiku daqskemm jirnexxilha tnissel frott mit-talenti li twassal ferm ‘l hinn mill-ħitan tagħha, mhux biss dawk fiżiċi.  Minn hawn tinbet ir-rieda li ninfetħu dejjem aktar – bil-limitazzjonijiet tagħna u fost diffikultajiet varji – fl-impenn tagħna fil-ħajja ċivili u soċjali, biex inkunu preżenza attiva, u mhux magħluqa f’dal-post fiżiku, imma mifruxin fit-territorji kollha li fihom jgħixu u jaħdmu l-membri tal-komunità tagħna, biex nirriflettu u nipproġettaw konkretament il-laqgħa tal-proxxmu li jiġi minn artijiet imbiegħdin.  B’liema mod u b’liema spirtu nistgħu nsaħħu l-impenn tagħna li int qed tħeġġiġna għalih u li għandu għeruqu fil-messaġġ evanġeliku?

Il-Papa Franġisku:

Naraw li t-talenti jagħtu l-frott.  Aħna fuq dan se nkunu ġudikati: x’għamilt bit-talenti tiegħi, b’dak li rċevejt, b’dak li l-Mulej tani b’xejn?  Hi mistoqsija li rridu nistaqsu lilna nfusna.  Nista’ nagħmel aktar?  Nista’ nagħti aktar?  Nista’ naqsam aktar?  It-talenti mhumiex biss il-flus, it-talenti!  U liema hu wieħed mit-talenti l-aktar importanti tal-kristjaneżmu?  Int għidt kelma: l-akkoljenza (il-laqgħa).  Aħna qed ngħixu f’ċiviltà ta’ bibien magħluqa, ta’ qlub magħluqa.  Niddefendu lilna nfusna, minn xulxin: “Dan hu tiegħi, dan hu tiegħi”.  Biża li nilqgħu.  Biża’ li nilqgħu.  U mhux qed nitkellem biss dwar l-akkoljenza tal-migranti, din hi problema kbira, din hi wkoll problema politika dinjija.  Imma anki l-akkoljenza ta’ kuljum, l-akkoljenza ta’ dak li qed ifittixni biex idejjaqni bit-tgerir tiegħu, bil-problemi tiegħu, u li qed jistenna minni kelma ta’ faraġ u anki l-possibiltà li jiftaħ “tieqa żgħira” biex joħroġ minnha.  Taqbadni djieqa ta’ qalb meta nara l-knejjes magħluqin, tweġġgħek.  Ikun hemm raġunijjiet ġusti, imma knisja bil-bibien magħluqin tfisser li dik il-komunità nisranija għandha qalbha magħluqa, magħluqa fiha nfisha.  U aħna għandna bżonn nerġgħu niskbu mill-ġdid is-sens tal-akkoljenza, li nkunu milqugħa.  U dan hu sempliċi ħafna, hu ħaġa ta’ kuljum, dak li jiġri f’Ruma: jidhirli li hu wieħed mix-xogħolijiet, jew jekk intom tridu ssejħulu f’termini ta’ appostolat, dak li l-aktar neħtieġu, huwa l-appostolat tal-widna.  Aħna m’għandniex ħin biex nisimgħu, tlifna din il-ħila: “Jien m’għandix ħin biex noqgħod nisma’ dan il-qrid, le, jagħmilli ħażin, aħjar jekk nagħmel xi ħaġ’oħra ta’ aktar siwi, ma nitlfix ħin....”.  Jekk ma nagħmlux dan ma nkunux qed nilqgħu lill-oħrajn.  U jekk ma nilqgħux m’aħniex insara u ma nkunux milqugħa fis-Saltna tas-Smewwiet.  Dan hu matematiku.  Hekk hu, din hi l-loġika tal-Evanġelju.  Hekk hu.  U intom li kellkom l-esperjenza tal-akkoljenza, hawn, f’did-Dar, għandkom responsabbiltà kbira soċjali u ekkleżjali: tgħallmu, tfehemu li dan hu l-bieb tat-triq nisranija.  Meta aħna konna mgħammdin, aħna konna milqugħin fil-komunità nisranija.  Ċerimonja liturġika sabiħa fejn il-kappillan spjega tajjeb l-affarijiet, kollox....  Imma din l-akkoljenza sagramentali, bis-sinjal tat-Trinità, jien għandi ħila nseddaqha bil-mod kif ngħix il-fidi tiegħi?  Jew nippreferi nħares in-naħa l-oħra?  Aħjar ngħid: “Ma fihmtx”, ma smajtx”, “ma kontx naf”....  Iżda l-akkoljenza tagħti l-frott, tagħti l-frott.  Akkoljenza li biha t-talenti jagħtu l-frott.  Hemm l-akkoljenza l-kbira ta’ dawk li jiġu minn artijiet il-bogħod, u hemm l-akkoljenza ż-żgħira meta int – omm, missier – tasal lura mix-xogħol u jkun hemm ibnek, bintek, adoloxxenti li għandhom diffikultà, li għandhom aptit jgħidulek xi ħaġa jew li tal-anqas għandhom bżonn xi ħadd min jismagħhom.....  “Għandi wisq x’nagħmel, inħalluha għal għada....”  Dan hu l-waqt tal-grazzja: l-akkoljenza.  “Imma, Padre, din hi tortura!”  Le, hija mortifikazzjoni, hija mortifikazzjoni.  Hu s-salib ta’ kuljum.  Ġesù qalilna: “Min irid jiġi warajja, jerfa’ salibu”. Ma qalx “jaqbad il-morfina biex jorqod sewwa”; “jaqbad salibu u jimxi warajja”.  U l-akkoljenza hi salib, imma salib sabiħ, għax ifakkarna fl-akkoljenza li l-Mulej Twajjeb kellu magħna, kull darba li aħna mmorru għandu biex nirrikonċiljaw ruħna, biex nitolbu parir, biex nitolbu maħfra... Akkoljenza.

 

L-isfidi tal-familja – Massimo Moretti flimkien ma’ martu Giorgia Lagattola

Santo Padre,

Illum, il-familja għandha l-isfida tal-kultura tal-proviżorju.  Il-koppja hi mhedda mit-tentazzjoni li tfittex l-akbar hena possibbli f’dimensjoni illi, minkejja ż-żwieġ, tirriskja li tibqa’ individwali.  Nafu li nistgħu norbtu fuq il-grazzja indissolubbli tas-sagrament, imma mhux dejjem għandna l-forza u l-perseveranza li nixorbu min dat-teżor.  Kif nistgħu nżommu ħajja l-fjamma ta’ mħabbitna u liema valur għandha għad-dinja l-wegħda “għal dejjem” li aħna tajna lil xulxin?

Il-Papa Franġisku:

Illum għidt xi ħaġa dwar il-familja, imma se naqbad ma kelma jew tnejn li għidt int.  Dik dwar il-kultura tal-proviżorju: din hi ħaġa li ntenni ta’ spiss.  Parti min-nies li jiżżewġu ma jkunux jafu x’inhuma jagħmlu.  Jiżżewġu.. “Imma inti taf li dan hu sagrament?” – “Iva, iva, għalhekk irrid inqerr qabel, iva, iva, naf, naf”.  Imma ma jafux, għax dil-kultura tal-proviżorju tidħol ‘il ġewwa fina, fil-valuri tagħna, fil-ġudizzji tagħna, li mbagħad tfisser – biex nitkellmu b’mod sempliċi – tfisser: “Iva, iva, niżżewweġ sakemm l-imħabba tibqa’ mixgħula, u meta din tintefa’, jintemm iż-żwieġ”.  Ma jingħadx, li l-kultura tal-proviżorju twasslek għal dan.  U nemmen li l-Knisja għandha taħdem ħafna fuq dal-punt fit-tħejjija għaż-żwieġ.  Fl-Amoris letitia hemm kapitliu, kapitlu dedikat għal dan.  Waħda sinjura, dan għidtu l-bieraħtlura filgħaxija f’ San Giovanni in Laterano -, waħda sinjura qaltli: “Intom il-qassisin moħħkom jilħilqkom: biex issiru saċerdoti ddumu tistudjaw tmin snin, u jekk tiddejqu u ssibu tfajla li togħġobkom u jibdielkom, wara ftit tibdew proċedura, tmorru s-Santa Sede u jtukom id-dispensa, tiżżewwġu u tifformaw familja.  U aħna li nirċievu sagrament li ma jinħallx u għal ħajjitna kollha, huwa l-misteru ta’ Kristu u l-Knisja li hu għal ħajtek kollha, biex iħejjuna jagħmlulna tlieta jew erba konferenzi?”  Huwa veru: it-tħejjija għaż-żwieġ.  Aħjar ma tiżżewwiġx, ma tirċevix is-sagrament jekk mintix ċert mill-fatt li hemmhekk hemm misteru sagramentali, hemm it-tgħanniqa propja ta’ Kristu mal-Knisja; tiżżewwiġx jekk mintix imħejji tajjeb.

Imbagħad hemm id-dimensjoni kulturali u soċjali.  Hu minnu, iż-żwieġ hu fatt soċjali, minn dejjem hekk kien għax hu sabiħ li tiżżewweġ, fil-kulturi kollha: hemm tant riti sbieħ fil-kulturi... meta ġuvni jmur iġib lill-għarusa u jerfagħha...tant ħwejjeġ sbieħ li juru din is-sbuħija taż-żwieġ.  Imma dan l-aspett soċjali, fil-kultura tal-konsumiżmu, tal-mondanità, xi drabi jiffavorixxi l-provviżorjetà u ma jgħinekx biex iż-żwieġ tieħdu bis-serjetà. Xi jiem ilu rrakkuntajt illi kont ċempilt lil guvni li kont nafu: ċempiltlu għax ommu kienet qaltli li se jiżżewweġ, u jien kont nafu minn żmien ta’ meta kont immur inqaddes hawn f’Ciampino.  Għidtlu: “Qaluli li se tiżżewweġ...” – “Iva, iva” – “Se tiżżewweġ f’dik il-knisja?” – “Biex ngħid id-dritt għandna ma nafux, għax jiddependi mil-libsa tal-għarusa, biex tkun taqbel mal-knisja fis-sbuħija....” “Ah! Xi ġmiel, xi ġmiel!”... U meta?” – “Ftit ġimgħat oħra” – “Aħ! Tajjeb .  Qed tħejju ruħkom sewwa?”  “Iva, iva, issa sejrin infittxu ristorant li ma jkunx wisq bogħod, u anki ‘s-souveniers’ u dik u l-oħra, u dak....”  X’sens għandu dan iż-żwieġ?  Huwa purament fatt soċjali, fatt soċjali.  Nistaqsi lili nnifsi: dawn l-għarajjes – nies sewwa – huma ħielsa minn dil-kultura tal-mondanità konsumistika u edonista, jew il-fattur soċjali qed iwaqqagħhom f’dan-nuqqas ta’ libertà?  Għax is-sagrament taż-żwieġ tista’ tirċevih biss b’mod ħieles.  Jekk int mintix ħieles tirċevih xejn.

U mbagħad hemm ħaġ’oħra li rridu nieħdu ħsiebha.  Kemm fil-quddies f’Santa Marta kif ukoll waqt l-udjenzi ġenerali, jiena nieħu gost niltaqa’ ma’ miżżewġin li jkunu għalqu 50 jew 60 sena żwieġ, għax dejjem nitkellem magħhom, jgħiduli l-affarijiet... huma hienja.  Darba smajt mingħand waħda minn dawn il-koppji dak li kulħadd ikun jixtieq jgħid, imma dawk irnexxilhom jgħiduha.  (Staqsejthom) “60 sena, minn ħa paċenzja l-aktar?” – “Eh, it-tnejn lil aħna!” dejjem jgħidu l-istess ħaġa – U mbagħad: “Qatt illitikajtu?” – “Kważi kuljum.  Imma mhemmx problemi”. – “Intom kuntenti?”, u jien ikkommovejt ruħi għax ħarsu f’għajnejn xulxin: “Padre, aħna namrati”.  Din hi ħaġa kbira!  Wara 60 sena, din hi ħaġa kbira.  U dan hu wieħed mill-frott tas-sagrament taż-żwieġ: dan tagħmel il-grazzja.  Mank li kulħadd jifhimha din! U hemm ħaġ’oħra li rrid ngħid.  Li fiż-żwieġ ikun hemm id-disgwid nafuha; kultant itiru l-platti: huma hwejjeġ ta’ kuljum.  Imma l-parir li nagħti hu dan: qatt ittemmu l-ġurnata mingħajr ma tagħmlu paċi, għax nibża’ mill-“gwerra bierda” tal-ġurnata ta’ wara.  Iva, hi perikuluża ħafna!  Meta int tirrabja u tibqa’ rrabjat u ma tagħmilx paċi fl-istess ġurnata, il-ħaġa ssir agħar, teħżien, teħżien.  “Imma kif nagħmel paċi, Padre?  Irrid nagħmel xi diskors, ninżel għakuptejja?” – “Le, agħmel hekk (il-Papa għamel ġest li qiegħed iżiegħel b’xi ħadd) u biżżejjed”.  Hu ġest, il-lingwaġġ tal-ġesti.  U fil-ġesti – jekk jogħġobkom – tinsewx tmellsu ‘l xulxin: it-tmellisa hi wieħed mill-lingwaġġi l-aktar sagri fiż-żwieġ.  Il-karezzi: inħobbok ħafna... Il-karezzi...  Il-miżżewġin li għandhom ħila jżiegħlu b’xulxin, li juru dan lil xulxin, anki b’ġisimhom, b’kollox, dejjem... iż-żegħil..  Nemmen li b’din it-tenerezza wieħed jista’ jmantni l-qawwa tas-sagrament, għax anki l-Mulej imelles bit-tenerezza lill-għarus tiegħu, il-Knisja.  U hekk nibqgħu mexjin ‘il quddiem.

 

Komunità ul-Missjoni tagħha Luca Monteferrante

Santo Padre,

Aħna komunità li tixtieq tibqa’ fidila lejn il-kariżma speċjali li rċeviet mill-fundatur u lejn il-missjoni li ġiet afdata lilha mill-Knisja bħala Assoċjazzjoni ta’ Fidili lajċi msejħa biex tħares,  ixxerred u biex twarrad (din il-kariżma).  Inħossu fina xewqa kbira li nitolbuk tgħinna fid-dixxerniment dwar is-sinjali taż-żmien preżenti u dwar it-toroq possibbli li rridu nimxu flimkien.  Huma sinjali ta’ kriżijiet li jikxfu l-għejja u l-feriti tal-ħajja tagħna imma li fl-istess ħin, jiftħulna possibiltajiet ta’ żerriegħa tan-novità, li jixprunawna biex niftħu toroq ġodda fid-deżert ta’ ħajjitna, bħala eżerċizzju ta’ kreattività ta’ ħsieb u ta’ ħajja ispirata mill-Ispirtu.

Għalhekk nitolbuk, f’din l-okkażjoni speċjali, biex tgħinna nifhmu s-sens tal-istedina ta’ Ġesù lil Nikodemu “biex jitwieled minn fuq”, bħala komunità li qed tfittex quddiem l-iżvalutazzjoni tal-kultura bħala strument ta’ promozzjoni tal-bniedem; għall-organiżżazzjoni tax-xogħol li qed jhedded l-ispazji tal-ħajja personali u tal-familja li ma jistgħux jaqdu r-rwoli tar-responsabbiltajiet tagħhom; għall-kriżi tad-dimensjoni komunitarja u tal-valur tal-fraternità minħabba r-ritmi ta’ ħajja li ma jaqblux mal-ħtieġa li l-bnedmin jaqsmu bejniethom l-esperjenzi.

Il-Papa Franġisku:

Imma, t-tweġiba tiġini mill-kelma li qal San Pawl meta sab ruħu fit-tempesta qabel ma’ wasal Malta: “Jew insalvaw ilkoll jew ħadd”.  Dan hu l-aspett komunitarju, u intom hekk intom ukoll, il-kariżma tagħkom, l-assoċjazzjoni tagħkom: jew issalva kollha jew inkella ma ssalvax.  Jew kulħadd jew ħadd.  Ma tistgħux tippermettu li jkun hemm firdiet bejnietkom.  U jekk ikun hemm xi firdiet, iltaqgħu, illitikaw, għadu l-verità lil xulxin, irrabjaw, imma minn dak, l-għaqda dejjem toħroġ aktar b’saħħitha.  Dejjem ħarsu l-għaqda.  Tibżgħux tillitikaw, tiddiskutu... imma dejjem biex issalvaw l-għaqda.  Dejjem ġewwa, dejjem ġewwa.  Dan hu strument importanti biex issalvaw l-għaqda: jew insalvaw ilkoll jew ma jsalva ħadd.  Il-ftietaq hawn huma koroħ, koroħ.  Fil-mistoqsija hemm “id-dixxerniment tas-sinjali taż-żmien”, “żerriegħa tan-novità”, kif tirrinunzjaw għal ħinijjiet ta’ libertà biex tkunu tistgħu taqdu rwoli ta’ reponsabbiltà”...  Tliet affarijiet: l-ewwel waħda għidtha, jew kulħadd jew ħadd.  It-tieni: iffurmaw l-ulied, iffurmaw dixxipli b’din “il-mistika” (atteġġjament interjuri), u ħallulhom il-fjakkola, biex huma jmexxuha ‘l quddiem.  Ma jeżistux diriġenti eterni: l-uniku Etern hu l-Missier Etern.  Aħna lkoll għandna d-dmir li ngħaddu l-fjakkola lil uliedna biex huma jmexxuha ‘l quddiem.  Nagħmlu d-dixxipli, li tagħmel id-dixxipli tfisser ċaħda imma hija ċaħda għaqlija.  Tagħmel pass lejn il-ġenb biex ibnek ikun jista’ jmexxi l-affarijiet ‘il quddiem.   Tgħinu, tħarsu, imma mhux biex tipproteġih iżżejjed: tħallih liberu.  U Dak li għamel dax-xogħol kollu, li jżomm l-għaqda, il-kreattività, l-isfidi l-ġodda, l-ulied ġodda, huwa l-Ispirtu s-Santu.  Hi t-talba li għandha ssir lill-Ispirtu s-Santu.    Hemm bżonn nitolbu lilu, għax huwa Hu li jikkunslana fid-diffikultajiet, huwa Hu l-ferħ: l-Ispirtu s-Santu hu l-hena tal-Knisja.  Huwa Hu li jgħinna, li jtina l-ferħ.  L-Ispirtu s-Santu hu l-armonija, huwa Hu li fid-diversità, li Hu stess joħloq, inissel l-armonija fil-Knisja kollha.  L-Ispirtu s-Santu hu s-sbuħija.  Niftakru f’dik id-darba li San Pawl mar f’komunità nisranija ġdida u staqsiehom: “Irċevejtuh l-Ispirtu s-Santu?” – “Imma aħna lanqas biss nafu li hemm l-Ispirtu s-Santu” (cfr Atti 19, 2).  U kemm istituzzjonijiet jispiċċaw ħażin jew inkella jitilfu l-kariżma oriġinali għax insew lill-Ispirtu s-Santu, li jagħti l-faraġ fid-diffikultà, huwa l-ferħ, huwa l-armonija, hu s-sbuħija?

U b’hekk nirringrazzjakom għall-paċenzja tagħkom biex qagħdtu tisimgħu din “il-prietka tar-Randan”, li kienu seba: “bħall-prietki tas-seba’ kelmiet”, li fl-Arġentina kienu jdumu tlett siegħat!  Grazzi ħafna.  Grazzi għal dak li tagħmlu, grazzi għax-xhieda.  U, jekk jogħġobkom, nitlobkom titolbu għaliha, għax dax-xogħol mhux faċli.  Itolbu għalija.  Grazzi. 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber