Għeżież pellegrini, ilqajt bil-ferħ l-istedina li nsellem lilkom kollha miġburin hawn illum quddiem is-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu, fejn, fi tħaddina kbira ta’ dawn il-mużajċi, qed jistennewkom Ġesù u l-Omm tiegħu.

 

Ix-xbihat taz-Zuntier li llum qed tinawguraw iqegħdulna quddiem għajnejna l-ġmiel ta’ talba kontemplattiva, sempliċi, aċċessibbli għal kulħadd, kbar u żgħar: it-talba tar-Rużarju Mqaddes.

 

Jien ukoll spiss nitlob ir-Rużarju quddiem xbieha tal-mużajk: kwadru ċkejken tal-mużajk tal-Madonna bil-Bambin, fejn donnu fiċ-ċentru jidher li hemm Marija, meta fil-verità, b’dirgħajha, hi ssir bħal sellum li minnu Ġesù jista’ jinżel fostna. Iċ-ċentru jibqa’ dejjem Ġesù, li jitbaxxa biex jista’ jimxi magħna l-bnedmin, sabiex aħna nistgħu nitilgħu l-Ġenna miegħu.

 

Fit-talba tar-Rużarju aħna nduru lejn il-Verġni Marija, biex tqarribna dejjem aktar lejn Binha Ġesù, biex dejjem nagħrfuh u nħobbuh iżjed. U waqt li ntennu s-Sliema, aħna nimmeditaw il-misteri, it-tappi ta’ ferħ, dawl, tbatija u glorja fil-ħajja ta’ Kristu, imma anki fil-ħajja tagħna, għax aħna qed nimxu mal-Mulej.

 

Fil-fatt, din it-talba sempliċi tgħinna nikkontemplaw dak kollu li Alla fi mħabbtu għamel għalina u għas-salvazzjoni tagħna; u tgħinna nifhmu li ħajjitna hi magħquda ma’ dik ta’ Kristu.

 

Fit-talb, aħna noffru kollox lil Alla: it-tbatijiet, il-ġrieħi, il-biżgħat, imma anki l-ferħ, id-doni, il-persuni għeżież għalina… kollox lil Alla. Fit-talb, aħna nħallu lil Alla jidħol fiż-żmien tagħna, jilqa’ u jibdel dak kollu li aħna qed ngħixu.

 

Inqdew spiss b’din l-għodda qawwija, li hi t-talba tar-Rużarju Mqaddes, biex iġġib il-paċi fil-qlub, fil-familji, fil-Knisja, fid-dinja.

 

U nitlobkom, tinsewx titolbu għalija. Il-Mulej iberikkom, u l-Omm Verġni tħariskom.