“Alla ra li kien kollox tajjeb.” (Ġenesi 1,12.18.21.25).  Ir-rakkont bibliku tal-bidu tal-istorja tad-dinja u tal-umanità jkellimna dwar Alla li jħares lejn il-Ħolqien, kważi jikkontemplah, u jtenni: Huwa ħaġa tajba.  Dan, għeżież ħuti, jdaħħalna fil-qalb ta’ Alla, u propju mill-intimu ta’ Alla, nirċievu l-messaġġ tiegħu.

Nistgħu nistaqsu x’tifsira għandu dan il-messaġġ? X’jgħid dan il-messaġġ lili, lilek, lilna?

1.  Jgħidilna sempliċiment, li din id-dinja tagħna, fil-qalb u fil-moħħ ta’ Alla hija id-dar tal-armonija u tal-paċi, u hija l-post fejn kulħadd jista’ jsib il-post propju tiegħu biex iħossu f’daru, għax hi ħaġa tajba.  Il-ħolqien kollu, jifforma ġabra ta’ armonija u ta’ tajjeb, imma fuq kollox il-bnedmin, magħmula fuq sura u xbieha ta’ Alla, huma l-unika familja, fejn ir-relazzjonijiet huma mmarkati minn fraternità vera, mhux biss bil-kliem: l-ieħor u l-oħra huma ħija u oħti biex inħobbhom, u hija r-relazzjoni ma’ Alla li hi mħabba, fedeltà, tieba, tirrifletti fuq ir-relazzjonijiet kollha bejn il-bnedmin u ġġib l-armonija lill-ħolqien kollu. Id-dinja ta’ Alla hija dinja li fiha kull wieħed jħossu responsabbli mill-ieħor, tal-ġid tal-ieħor. 

Illejla fir-riflessjoni, fis-sawm, fit-talb, kull wieħed minna, lkoll naħsbu fil-fond tagħna nfusna: forsi mhix din id-dinja li lkoll inġorru f’qalbna?   Id-dinja li nixtiequ mhix forsi dinja ta’ armonija u ta’ paċi, fina nfusna, fir-rapporti mal-oħrajn, fil-familja,  fil-belt, fil-ġnus u bejniethom? U l-vera libertà fl-għażliet tat-toroq li ngħaddu minnhom f’din id-dinja mhix forsi dik biss li twassal għall-ġid ta’ kulħadd u hija mmexxija mill-imħabba?

2. Imma ejjew issa nistaqsu lilna nfusna: hija din id-dinja li fiha qegħdin ngħixu?   Il-ħolqien iżżomm il-ġmiel tiegħu li jimliena bl-istagħġib, jibqa’ ħaġa tajba.  Imma hemm ukoll il-vjolenza, il-firda, il-konflitti, il-gwerra.  Dan jiġri meta l-bniedem, il-quċċata tal-ħolqien, jieqaf iħares lejn ix-xefaq tal-ġmiel u tat-tjieba u jingħalaq fl-egoiżmu tiegħu nnifsu.  Meta l-bniedem jaħseb biss fih nnifsu, fl-interessi tiegħu, u jpoġġi lilu nnifsu fiċ-ċentru , malli jħalli lilu nnifsu jitgħaxxaq bl-idoli tal-ħakma u tal-poter, meta meta jqiegħed lilu nnifsu minflok Alla, allura jkisser ir-relazzjonijiet kollha, jirvina kollox; u jiftaħ il-bieb għall-vjolenza, għall-indifferenza, għall-kunflitt.  Huwa eżattament dan li tridna nifhmu s-silta tal-Ġenesi li fiha hemm rakkuntat dwar id-dnub tal-bniedem: il-bniedem jidħol f’kunflitt miegħu nnifsu, jintebaħ li huwa għeri u jinħeba għax fih għandu l-biża’ (Ġenesi 3,10), qed jibża’ mill-ħarsa ta’ Alla; jwaħħal fil-mara, dik li hija laħam minn laħmu (v.12); jkisser l-armonija mal-ħolqien, jasal li jerfa’ jdejh kontra ħuh biex joqtlu.  Nistgħu ngħidu li mill-armonija tgħaddi għad-diżarmonija?  Nistgħu ngħidu dan: li l-armonija tgħaddi lilha nfisha għad-diżarmonija?  Le, id-diżarmonija ma teżistix; jew hemm l-armonija jew taqa' fil-kaos, fejn hemm il-vjolenza, il-glied, konflitt, biża’ …

Hu propju f’dan il-kaos li Alla staqsa lill-kuxjenza tal-bniedem: “Fejn hu ħuk, Abel?”  U Kajjin wieġeb: “Ma nafx.  Forsi jiena qiegħed għassa ta’ hija?” (Ġenesi 4,9).  Anke lilna hija magħmula din il-mistoqsija u anke lilna jagħmlilna tajjeb li nistaqsu lilna nfusna: Forsi jiena qiegħed biex inħares il-ħija?  Iva, inti qiegħed biex tħares lil ħuk! Li tkun persuna umana jfisser li nridu nħarsu wieħed lill-ieħor!  U minflok, meta titkisser l-armonija, issir bidla radikali: dak ħuk li inti għandek tħares u tħobb isir l-avversarju li trid tikkumbatti, li trid twarrab.  Kemm vjolenzza tiġi minn dak il-waqt, kemm kunflitti, kemm gwerrer immarkaw l-istorja tagħna! Ma rridux naraw aktar tbatija ta’ tant aħwa. Din mhix xi ħaġa fl-immaġinazzjoni, imma din hija l-verità:  f’kull vjolenza u f’kull gwerra aħna nwelldu mill-ġdid lil Kajjin. Aħna lkoll!  U anke llum qed inkomplu din il-ġrajja ta’ konfront bejn l-aħwa, anke llum nerfgħu idejna kontra min huwa ħuna.  Anke llum nħallu li nkunu mmexxija mill-idoli, mill-egoiżmu, mill-interessi tagħna; u din l-imġieba għada għaddejja: ipperfezzjonajna l-armamenti tagħna, il-kuxjenza tagħna raqdet, sibna raġunijiet aktar sottili biex niġġustifikaw lilna nfusna.  Bħal donnu xi ħaġa normali li nkomplu niżergħu il-qerda, niket, mewt!  Il-vjolenza, il-gwerra jġibu biss mewt, jitkellmu dwar il-mewt!  Il-vjolenza u l-gwerra għandhom il-lingwaġġ tal-mewt!

Wara l-kaos tad-Dulluvju, ix-xita waqfet, tfaċċat il-qawsalla, u l-ħamiema ġiebet il-fergħa taż-żebbuġġa.  Anke llum naħseb f’dik iż-żebbuġa li r-rappreżentanti tad-diversi reliġjonijiet ħawwilna fi Buenos Aires, fi Plaza de Mayo, fis-sena 2000, waqt li tlabna li qatt aktar ma jkun hemm il-gwerra, tlabna għall-paċi.

3. U hawn nistaqsi lili nnifsi: Huwa possibli li timxi fit-triq tal-paċi?  Nistgħu noħorġu minn dan iċ-ċirku ta’ niket u ta’ mewt?  Nistgħu nitgħallmu mill-ġdid li nimxu u ngħaddu mit-toroq tal-paċi?  Waqt li nitolbu l-għajnuna ta’ Alla, taħt il-ħarsa materna ta’ Marija Salvazzjoni tal-poplu Ruman, Reġina tal-paċi, irrid inwieġeb: Iva, huwa possibli għall-kulħadd!  Illejla rrid li minn kull parti tad-dinja aħna ngħajjtu: Iva huwa possibli għall-kulħadd! Anzi rrid li kull wieħed u kull waħda minna, mill-iżgħar wieħed sa l-akbar wieħed, sa dawk li huma msejħa biex jiggvernaw il-Ġnus, inwieġbu: Iva, irridu! 

It-twemmin nisrani tiegħi jimbuttani  biex inħares lejn is-Salib.  Kemm nixtieq li għall-waqt wieħed, il-bnedmin kollha ta’ rieda tajba jħarsu lejn is-Salib!  Hemm jistgħu jaqraw it-tweġiba ta’ Alla: hemm, għall-vjolenza ma weġibx bil-vjolenza, għall-mewt ma weġibx bil-lingwaġġ tal-mewt.  Fis-skiet tas-Salib jieqaf l-istorbju tal-armi u jitkellem il-lingwaġġ tar-rikonċiljazzjoni, tal-maħfra, tad-djalogu, tal-paċi.  Irrid li llejla nitlob lill-Mulej, li aħna l-insara u l-aħwa ta’ Reliġjonijiet oħra, kull raġel u mara ta’ rieda tajba jgħajjtu bil-qawwa: il-vjolenza u l-gwerra ma huma qatt it-triq tal-paċi!  Kull wieħed jitħeġġeġ biex iħares propju fil-kuxjenza tiegħu u jisma’ dik il-kelma li tgħid: oħroġ ‘il barra mill-interessi tiegħek li jwebbsu l-qalb, irbaħ l-indifferenza lejn l-ieħor li jagħmel il-qalb insensittiva, irbaħ ir-raġunamenti tiegħek ta’ mewt u infetaħ għad-djalogu, għar-rikonċiljazzjoni: ħares lejn in-niket ta’ ħuk – naħseb fit-tfal: biżżejjed f’dawk … ħares lejn in-niket ta’ ħuk, u tkomplix iżżid aktar niket, waqqaf idek, ibni mill-ġdid l-armonija li hija mfarrka;  u dan mhux bil-konflitt imma bil-laqgħa!  Ħa jieqaf l-istorbju tal-armamenti!  Il-gwerra hija dejjem sinjal tal-falliment tal-paċi, hija dejjem telfa għall-umanità.  Jidwu mill-ġdid il-kliem ta’ Pawlu VI:  “Qatt aktar dawk kontra l-oħrajn, qatt aktar, qatt! … qatt aktar il-gwerra!” (Diskors fil-Ġnus Magħquda, 4 ta’ Ottubru 1965: AAS 57 [1965]. 881).  “Il-paċi tissaħħaħ biss fil-paċi, dik li mhix mifruda mid-dmirijiet tal-ġustizzja, imma li tiġi ‘l quddiem bis-sagrifiċċju personali tagħna, mill-mogħdrija, mill-ħniena, mill-karità” (Messaġġ għall-Jum Dinja tal-Paċi 1976).

Ħuti, maħfra, djalogu, rikonċiljazzjoni huma l-kliem tal-paċi: fil-maħbub Ġens Sirjan, fil-Lvant Nofsani, fid-dinja kollha! Nitolbu, illejla, għar-rikonċiljazzjoni u għall-paċi, naħdmu għar-rikonċiljazzjoni u għall-paċi, u ħa nsiru lkoll, f’kull ambjent, irġiel u nisa ta’ rikonċiljazzjoni u ta’ paċi.  Hekk ikun.

 

Miġjub għall-Malti minn Joe Farrugia.