Għeżież ħuti,

 

Insellem lill-pellegrini kollha preżenti fis-Santwarju tad-Divino Amore u lil dawk li qegħdin magħqudin magħna mis-Santwarji Marjani ta’ Lourdes, Nazareth, Lujan, Vailankanni, Guadalupe, Akita, Nairobi, Benneux, Częstochowa u Marian Valley.

 

Il-lejla qed inħossni magħqud magħkom ilkoll fit-talba tar-Rużarju Mqaddes u ta’ l-Adorazzjoni Ewkaristika taħt il-ħarsa tal-Verġni Marija.

 

Il-ħarsa!  Kemm hi importanti!  Ħwejjeġ bħal dawn tista’ tgħidhom b’ħarsa!  Affett, inkuraġġament, kompassjoni, imħabba, imma anki ċanfir, għira, suppervja, saħansitra mibegħda.  Spiss il-ħarsa tgħid ħafna iżjed mill-kliem, jew tgħid dak li l-kliem ma jirnexxilux jew ma jissograx jgħid.

 

Lejn min qed tħares il-Verġni Marija?  Tħares lejna lkoll, lejn kull wieħed u waħda minna.  U kif tħares lejna?  Tħares lejna bħala Omm, bi ħlewwa, bi ħniena, bi mħabba.  Hekk ħarset lejn binha Ġesù, fil-mumenti kollha ta’ ħajjitha, f’dawk ta’ ferħ, ta’ dawl, ta’ tbatija, ta’ glorja, kif nikkontemplaw fil-Misteru tar-Rużarju Mqaddes, sempliċement bi mħabba.

 

Meta nħossuna għajjiena, qalbna maqtugħa, magħfusin mill-problemi, inħarsu lejn Marija, inħossu l-ħarsa tagħha li tgħid lil qalbna: “Kuraġġ, ibni, hawn jien biex inwieżnek!”.  Il-Madonna tafna tajjeb, hi ommna, taf tajjeb liema huma l-ferħ u d-diffikultajiet tagħna, it-tamiet u d-delużjonijiet tagħna.  Meta nħossu fuqna t-toqol tad-dgħufijiet tagħna, ta’ dnubietna, inħarsu lejn Marija, li tgħid lil qalbna: “Qum, mur għand Ibni Ġesù, Fih issib lil min jilqgħek, iħenn għalik u jagħtik qawwa ġdida biex tkompli bil-mixja tiegħek”.

 

Il-ħarsa ta’ Marija ma ddurx biss lejna.  F’riġlejn is-salib, meta Ġesù jafdalha lill-Appostlu Ġwanni, u miegħu lilna lkoll, billi jgħidilha: “Mara, hawn hu ibnek” (Ġw 19:26), il-ħarsa ta’ Marija hi mwaħħla fuq Ġesù.  U Marija tgħidilna, kif qalet fit-tieġ ta’ Kana: “Agħmlu kull ma jgħidilkom hu” (Ġw 2:5).  Marija turina lil Ġesù, tgħinna nagħtu xhieda ta’ Ġesù, tmexxina dejjem lejn Binha Ġesù, għax Fih biss hemm salvazzjoni, Hu biss jista’ jibdel l-ilma tas-solitudni, tad-diffikultà, tad-dnub, fl-inbid tal-laqgħa, tal-ferħ, tal-maħfra.  Hu biss.

 

“Hienja dik li emmnet!”.  Marija hi hienja minħabba fil-fidi tagħha f’Alla, minħabba fil-fidi tagħha, għax il-ħarsa tal-qalb tagħha dejjem kienet iffissata fuq Alla, fuq l-Iben ta’ Alla li ġarret f’ġufha u kkontemplat fuq is-Salib.  Fl-Adorazzjoni tas-Santissmu Sagrament, Marija tgħidilna: “Ħares lejn Ibni Ġesù, żomm ħarstek fissa fuqU, isimgħU, tkellem miegħU.  Hu qed iħares lejk bi mħabba.  La tibżax!  Hu jgħallmek kif timxi warajh biex tagħti xhieda tiegħu fl-għemejjel kbar u żgħar ta’ ħajtek, fir-relazzjonijiet fil-familja, fuq ix-xogħol, fil-mumenti ta’ festa; jgħallmek kif toħroġ minnek innifsek, biex tħares lejn l-oħrajn bl-imħabba, kif Hu, mhux bil-kliem imma bil-fatti, ħabbek u jħobbok!”.

 

O Marija, agħtina li nħossu mwaħħla fuqna din il-ħarsa tiegħek ta’ Omm, mexxina lejn Ibnek, agħmel li ma nkunux Insara “tal-vetrina”, imma Nsara li nafu “inħammġu jdejna” biex flimkien ma’ Ibnek Ġesù nibnu s-Saltna tiegħu ta’ mħabba, ta’ hena u ta’ sliem.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard