Qed naqsmu flimkien bil-ferħ u l-gratitudni dan il-waqt ta’ talb li qed idaħħalna f’Ħadd il-Ħniena, tant mixtieq minn San Ġwanni Pawlu II – ħdax-il sena ilu, bħal-lum, fl-2005, hu ħalliena –; u dan riedu biex iwettaq ix-xewqa ta’ Santa Fawstina.  Ix-xhieda li ngħatat – u ngħidilhom grazzi – u l-qari li smajna jiftħu xquq ta’ dawl u ta’ tama biex nistgħu nidħlu fl-oċean immens tal-ħniena ta’ Alla.  Kemm uċuħ tal-ħniena għandu li bihom Hu jiġi jiltaqa’  magħna?  Huma tassew ħafna; impossibbli tiddeskrivihom kollha, għax il-ħniena ta’ Alla dejjem tikber.  Alla qatt ma jegħja juriha u aħna m’għandna qatt nidraw nirċevuha, infittxuha, nixxennqu għaliha!  Hi ħaġa dejjem ġdida li toħloq stagħġib u meravilja fina meta aħna naraw il-fantasija ħallieqa hekk kbira ta’ Alla meta jiġi jiltaqa’ magħna bi mħabbtu.

 

Alla rrivela ruħu billi kemm-il darba wera ismu, u dan l-isem hu “ħanin” (ara Eż 34:6).  Kemm hi kbira u bla tarf in-natura ta’ Alla, hekk kbira u bla tarf hi l-ħniena tiegħu, hekk li tidher biċċa xogħol iebsa qatigħ li nfissruha fl-aspetti kollha tagħha.  Aħna u nqallbu l-paġni ta’ l-Iskrittura Mqaddsa, insibu li l-ħniena hi qabel xejn il-qrubija ta’ Alla lejn il-poplu tiegħu.  Qrubija li tesprimi ruħha u tidher l-ewwel u qabel kollox bħala għajnuna u ħarsien.  Hi l-qrubija ta’ missier u ta’ omm li tidher fix-xbieha sabiħa tal-profeta Hosegħa.  Hekk jgħid: “Bi ħbula ta’ bnedmin jien ġbidthom, b’rabtiet ta’ mħabba; u kont għalihom bħal min jerfa’ tarbija ma’ ħaddejh, u lejha mmil nitmagħha” (11:4).  It-tgħanniqa ta’ missier u ta’ omm mat-tarbija tagħhom.  Hi espressiva ħafna din ix-xbieha: Alla jaqbad lil kull wieħed u waħda minna u jerfagħna sa biswit ħaddejh.  Xi ħlewwa fiha u kemm imħabba tesprimi!  Ħlewwa: kelma li kważi nsejnieha u li d-dinja tal-lum – ilkoll kemm aħna – għandna tant bżonnha.  Ġietni f’moħħi din il-kelma tal-profeta meta ħarist lejn il-logo tal-Ġublew.  Ġesù mhux biss qed jerfa’ fuq spallejh lill-bniedem, imma wiċċu hu marsus sew ma’ dak ta’ Adam, hekk li ż-żewġt uċuħ donnhom twaħħdu f’wieħed.

 

Aħna m’għandniex xi Alla li ma jafx jifhem u jagħder id-dgħufijiet tagħna (ara Lhud 4:15).  Għall-kuntrarju!  Sewwa sew minħabba fil-ħniena tiegħu Alla sar wieħed minna: “L-Iben ta’ Alla, meta sar bniedem, ingħaqad b’xi mod ma’ kull bniedem.  Hu ħadem b’idejn ta’ bniedem, ħaseb b’moħħ ta’ bniedem, aġixxa b’rieda ta’ bniedem, ħabb b’qalb ta’ bniedem.  Imwieled mill-Verġni Marija, sar tassew wieħed minna, jixbahna f’kollox barra mid-dnub” (Gaudium et spes, 22).  F’Ġesù, għalhekk, mhux biss nistgħu mmissu b’idejna l-ħniena tal-Missier, imma aħna mħeġġa nsiru aħna stess strument tal-ħniena.  Taf tkun ħaġa faċli titkellem dwar il-ħniena, waqt li hu wisq iktar impenjattiv li konkretement insiru xhieda tagħha.  Din hi mixja li ttul il-ħajja kollha u m’għandux ikun hemm waqfien fiha.  Ġesù qalilna li għandna nkunu “ħanina bħall-Missier” (ara Lq 6:36).  U din ħaġa li trid ħajja sħiħa!

 

Mela kemm uċuħ għandha l-ħniena ta’ Alla!  Hi turi ruħha lilna bħala qrubija u ħlewwa, imma minħabba f’hekk anki bħala kompassjoni u qsim ma’ l-oħrajn, bħala faraġ u maħfra.  Iktar ma wieħed jirċeviha, iktar hu msejjaħ joffriha, jaqsamha ma’ l-oħrajn; ma tistax tinżamm mistura u lanqas nistgħu nżommuha għalina nfusna biss.  Hi xi ħaġa li tkebbes il-qalb bin-nar u ġġagħalha tħobb, tagħraf il-wiċċ ta’ Ġesù Kristu fuq kollox f’min hu l-iżjed imbiegħed, dgħajjef, waħdu, imħawwad u mwarrab.  Il-ħniena ma tibqax wieqfa: dejjem tfittex in-nagħġa l-mitlufa, u meta terġa’ ssibha, tesprimi dak il-ferħ li jittieħed.  Il-ħniena taf tħares f’għajnejn kull persuna; kull persuna hi prezzjuża għaliha, għax kull persuna hi unika.  Kemm uġigħ inħossu f’qalbna meta nisimgħu min jgħid: “Dawn in-nies… dawn in-nies, dawn l-imsejkna, inqalftuhom ’il barra, ħalluhom jorqdu fit-triq…”.  Ġesù hekk kien jagħmel?

 

Għeżież ħuti, il-ħniena qatt ma tista’ tħallina bi kwietna.  Hi l-imħabba ta’ Kristu li “ġġagħalna naħsbu”, sa ma nilħqu t-tir li għandna quddiemna; li tqanqalna biex ngħannqu u rrossu magħna lill-oħrajn, biex ninvolvu lil dawk li għandhom bżonn tal-ħniena ħalli kulħadd jista’ jerġa’ jitħabbeb mal-Missier (ara 2 Kor 5:14-20).  Ma rridux nibżgħu, hi mħabba li tilħaqna u tinvolvina hekk li naslu biex aħna stess immorru lil hemm, biex tlaqqagħna mal-wiċċ tiegħu f’dak ta’ ħutna.  Inħallu lil din l-imħabba tmexxina hi bil-ħlewwa tagħna u nsiru ħanina bħall-Missier.

 

Smajnieh il-Vanġelu: Tumas kellu rasu iebsa.  Ma emminx.  U sab il-fidi propju meta mess il-pjagi tal-Mulej.  Fidi li m’hix kapaċi tmiss il-pjagi tal-Mulej, m’hijiex fidi!  Fidi li m’hix kapaċi tkun ħanina, bħalma huma sinjali ta’ ħniena l-pjagi tal-Mulej, m’hijiex fidi: hi idea, hi ideoloġija.  Il-fidi tagħna hi mlaħħma f’Alla li sar ġisem, li sar dnub, li minħabba fina għandu l-pjagi.  Imma jekk aħna rridu nemmnu bis-serjetà u jkollna l-fidi, jeħtieġ nersqu qrib u mmissu dik il-pjaga, immellsu dik il-pjaga u anki nbaxxu rasna u nħallu lill-oħrajn imellsu l-pjagi tagħna.

 

Għalhekk tajjeb li jkun l-Ispirtu s-Santu li jmexxi l-passi tagħna: Hu l-Imħabba, Hu l-Ħniena li tasal fil-qlub tagħna.  Ejjew ma nxekklux l-għemil tiegħu li jagħti l-ħajja, imma nimxu warajh bil-ħlewwa fit-toroq li Hu jurina.  Nibqgħu bi qlubna miftuħa, biex l-Ispirtu jista’ jibdilhom; u hekk, maħfura, irrikonċiljati, mixħutin fil-pjagi tal-Mulej, insiru xhieda tal-ferħ li jnixxi minn dik il-laqgħa tagħna ma’ Kristu Rxoxt, ħaj fostna.

 

[Barka]

 

L-aħħar darba, meta kont qed nitkellem mad-diriġenti ta’ għaqda li tagħti l-għajnuna, il-karità, ħarġet din l-idea, u ħsibt: “Ngħidhielhom fil-pjazza, is-Sibt”.  Kemm tkun ħaġa sabiħa li bħala tifkira, biex ngħidu hekk, “monument” ta’ din is-Sena tal-Ħniena, f’kull djoċesi jkun hemm opra strutturali ta’ ħniena: sptar, dar għall-anzjani, għat-tfal abbandunati, skola fejn m’hemmx, dar għal dawk li nħakmu mill-vizzju tad-drogi…  Hemm ħafna affarijiet li wieħed jista’ jagħmel…  Tkun ħaġa sabiħa kieku kull djoċesi taħseb: X’nista’ nħalli bħala tifkira ħajja, bħala opra ħajja ta’ ħniena, bħala pjaga ħajja ta’ Ġesù għal din is-Sena tal-Ħniena?  Naħsbu ftit u nitkellmu ma’ l-Isqfijiet.  Grazzi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard