Għeżież ħuti,

 

F’din il-Velja, fil-kumpanija ta’ Marija, imxejna mal-mumenti fundamentali tal-ħajja ta’ Ġesù. Bil-ħsieb u bil-qalb tagħna morna lura lejn il-jiem tat-twettiq tal-missjoni ta’ Kristu fid-dinja. Il-Qawmien bħala sinjal tal-imħabba bla tarf tal-Missier li kollox ireġġa’ lura għall-ħajja u bħala tħabbira minn qabel tal-qagħda li fiha għad inkunu fil-futur. It-Tlugħ fis-Sema bħala sehem mill-glorja tal-Missier, fejn anki l-umanità tagħna għad issib post ipprivileġġjat. Għid il-Ħamsin, espressjoni tal-missjoni tal-Knisja fl-istorja, sal-aħħar taż-żminijiet, għad-dawl tal-Ispirtu s-Santu. Fl-aħħar żewġ misteri, imbagħad, ikkontemplajna lill-Verġni Marija fil-glorja tal-Ġenna, hi li sa mill-ewwel sekli ġiet imsejħa Omm il-Ħniena.

 

F’ħafna aspetti tagħha, it-talba tar-Rużarju hi l-ġabra fil-qosor tal-istorja tal-ħniena ta’ Alla li tinbidel fi storja ta’ salvazzjoni għal dawk kollha li jħallu l-grazzja tagħġinhom. Il-misteri li jgħaddu minn quddiem għajnejna huma ġesti konkreti fejn naraw lil Alla jaħdem magħna. Bit-talb u l-meditazzjoni tal-ħajja ta’ Ġesù Kristu, aħna nilmħu mill-ġdid il-wiċċ ħanin tiegħu li jiġi jiltaqa’ ma’ kulħadd fil-bosta ħtiġijiet tal-ħajja. Marija sseħibna f’din il-mixja, u turina lil Binha li minnu tilma l-istess ħniena tal-Missier. Hi tabilħaqq l-Hodigitria, l-Omm li turina t-triq li ġejna msejħa nimxu biex inkunu tassew dixxipli ta’ Ġesù. F’kull misteru tar-Rużarju nħossuha qrib tagħna u nikkontemplawha bħala l-ewwel dixxiplu ta’ Binha, li tqiegħed fil-prattika r-rieda tal-Missier (ara Lq 8:19-21).

 

It-talba tar-Rużarju ma tbegħidniex mit-tħassib tal-ħajja; bil-maqlub, titlobna nniżżlu saqajna mal-art fl-istorja tal-ħajja ta’ kuljum biex nagħrfu naqraw is-sinjali tal-preżenza ta’ Kristu fostna. Kull darba li nikkontemplaw xi mument, misteru tal-ħajja ta’ Kristu, aħna mistiedna nagħrfu b’liema mod Alla jidħol fl-istorja tagħna, biex imbagħad nilqgħuh u nimxu warajh. Hekk niskopru t-triq li twassalna biex nimxu wara Kristu fil-qadi ta’ ħutna. Meta nilqgħu fina u nagħmlu tagħna xi ġrajjiet ewlenin mill-ħajja ta’ Ġesù, aħna nieħdu sehem fl-opra ta’ evanġelizzazzjoni biex is-Saltna ta’ Alla tikber u tixtered mad-dinja. Aħna dixxipli, imma wkoll missjunarji li nwasslu lil Kristu lill-oħrajn, hemm fejn hu jitlobna nkunu preżenti. Għalhekk, ma nistgħux insakkru d-don tal-preżenza tiegħu fina. Bil-maqlub, aħna msejħin indewqu lil kulħadd imħabbtu, il-ħlewwa tiegħu, it-tjieba tiegħu, ħnientu. Dan hu l-ferħ ta’ min kapaċi jaqsam ma’ ħaddieħor, u li ma jaqta’ qalbu minn xejn, għax irid iwassal l-aħbar tal-ħelsien u tas-salvazzjoni.

 

Marija tagħtina li nifhmu xi jfisser li nkunu dixxipli ta’ Kristu. Sa minn dejjem magħżula biex tkun l-Omm, hi tgħallmet tkun dixxiplu. L-ewwel ħaġa li tagħmel hi li tisma’ lil Alla. Semgħet mill-bxara tal-Anġlu u fetħet qalbha biex tilqa’ l-misteru tal-maternità divina. Imxiet wara Ġesù, semgħet kull kelma li ħarġet minn fommu (ara Mk 3:31-35); għożżot kollox f’qalbha (ara Lq 2:19) u saret memorja ħajja tas-sinjali mwettqa mill-Iben ta’ Alla biex tqanqal ukoll il-fidi tagħna.

 

Madankollu, mhux biżżejjed li nisimgħu. Dan bla dubju hu l-ewwel pass, imma mbagħad is-smigħ jeħtieġ jissarraf f’għemil konkret. Fil-fatt, id-dixxiplu jqiegħed ħajtu għall-qadi tal-Vanġelu. Hekk il-Verġni Marija minnufih telqet għal għand Eliżabetta biex tgħinha fi żmien it-tqala tagħha (ara Lq 1:39-56); f’Betlehem tat id-dawl lill-Iben ta’ Alla (ara Lq 2:1-7); f’Kana ħadet ħsieb ta’ żewġ miżżewġin żgħażagħ (ara Ġw 2:1-11); fuq il-Golgota ma ċedietx f’wiċċ it-tbatija imma baqgħet taħt is-salib ta’ Ġesù u, bir-rieda tiegħu, saret Omm il-Knisja (ara Ġw 19:25-27); wara l-Qawmien, għamlet il-qalb lill-Appostli miġbura fiċ-Ċenaklu jistennew l-Ispirtu s-Santu, li bidilhom f’ħabbara qalbiena tal-Vanġelu (ara Atti 1:14). Tul ħajjitha kollha, Marija għamlet dak li hu mitlub mill-Knisja li twettaq b’tifkira dejjiema ta’ Kristu. Fil-fidi tagħha naraw kif għandna niftħu l-bieb tal-qalb tagħna ħalli nobdu lil Alla; fiċ-ċaħda tagħha nfisha niskopru kemm għandna nkunu attenti għall-ħtiġijiet tal-oħrajn; fid-dmugħ tagħha nsibu l-qawwa biex infarrġu lil dawk li qed ibatu u jitnikktu. F’kull wieħed minn dawn il-mumenti, Marija tesprimi l-għana tal-ħniena divina, li tiġi tiltaqa’ ma’ kull wieħed u waħda minna fil-ħtiġijiet ta’ kuljum.

 

Ejjew illejla nsejħu lill-Omm ħelwa tas-Sema, bl-eqdem talba li biha l-Insara jduru lejha, fuq kollox fil-waqtiet iebsin u ta’ tbatija. Insejħulha fiċ-ċertezza li sa niġu megħjuna mill-maternità ħanina tagħha, biex hi, “glorjuża u mbierka”, tista’ tkun ħarsien, għajnuna u barka f’kull jum ta’ ħajjitna:

 

“Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu, Omm Qaddisa ta’ Alla: la twarrabx minn quddiemek it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna, u eħlisna dejjem minn kull tiġrib, o Verġni glorjuża u mbierka”.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard