Għeżież ħuti,

 

Wara x-xhieda li smajna u fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla li tixħet dawl fuq il-kundizzjoni tagħna ta’ tbatija, ejjew insejħu qabel xejn il-preżenza ta’ l-Ispirtu s-Santu, biex jiġi fostna. Ħa jkun Hu li jdawwal il-moħħ tagħna, biex insibu l-kliem it-tajjeb u li kapaċi joffri faraġ; ħa jkun Hu li jiftaħ il-qalb tagħna biex ikollna ċ-ċertezza tal-preżenza ta’ Alla li fil-mument tal-prova ma jitlaqniex waħidna. Il-Mulej Ġesù wiegħed lid-dixxipli tiegħu li ma kien ħa jitlaqhom qatt waħidhom: f’kull sitwazzjoni tal-ħajja Hu kien se jkun qrib tagħhom biex jibgħatilhom l-Ispirtu Konsolatur (ara Ġw 14:26) biex jgħinhom, iweżinhom u jfarraġhom.

 

Fil-mumenti ta’ diqa, fit-tbatija tal-mard, fl-uġigħ tal-persekuzzjoni u fin-niket tal-luttu, kulħadd ifittex xi kelma ta’ faraġ. Inħossuh qawwi l-bżonn li xi ħadd ikun qrib tagħna u jagħdirna. Inġarrbu xi jfisser inkunu diżorjentati, imħawdin, milquta fil-qiegħ nett ta’ qalbna b’mod li qatt ma konna immaġinajna qabel. Inħarsu madwarna inċerti, biex naraw insibux lil xi ħadd li jista’ tassew jifhem it-tbatija li għaddejjin minnha. Il-ħsieb tagħna jimtela bil-mistoqsijiet, imma t-tweġibiet jibqgħu ma jaslux. Ir-raġuni waħidha m’hix kapaċi tixħet dawl fuq il-ġewwieni tagħna, li tfissrilna t-tbatija li nkunu qed inħossu u tagħtina t-tweġiba li nistennew. F’dawn il-mumenti, iktar għandna bżonn tar-raġunijiet tal-qalb, l-uniċi li kapaċi jgħinuna nifhmu l-misteru li jgeżwer is-solitudni tagħna.

 

Kemm niket nistgħu nilmħu fuq tant uċuħ li niltaqgħu magħhom. Kemm dmugħ imxerred f’kull ħin fid-dinja; waħda differenti mill-oħra; u flimkien isawru bħal oċean ta’ deżolazzjoni, li jitkarrab għal ftit ħniena, mogħdrija, faraġ. L-eħrex wieħed hu dak li jinħoloq minħabba fil-kefrija tal-bniedem: id-dmugħ ta’ min ra quddiem għajnejh lil min jaħtaf vjolentement minnu persuna għażiża; id-dmugħ ta’ nanniet, ta’ ommijiet u missirijiet, ta’ tfal… Hemm għajnejn li spiss jibqgħu msammra fuq inżul ix-xemx u jsibuha bi tqila li jaraw iż-żerniq ta’ jum ġdid. Għandna bżonn tal-ħniena, tal-faraġ li jiġi mill-Mulej. Kollha għandha bżonnha; dan hu l-faqar tagħna imma anki l-kobor tagħna: insejħu l-faraġ ta’ Alla li bil-ħlewwa tiegħu jiġi jixxotta d-dmugħ minn fuq ħaddejna (ara Is 25:8; Apok 7:17; 21:4).

 

F’dan l-uġigħ tagħna, m’aħniex waħidna. Anki Ġesù jaf xi jfisser tibki minħabba fit-telfa ta’ persuna maħbuba. Hi waħda mill-paġni l-iżjed kommoventi tal-Vanġelu: meta Ġesù ra lil Marija tibki għall-mewt ta’ ħuha Lazzru, lanqas Hu ma felaħ iżomm id-dmugħ. Tqanqal bil-kbir u nfexx jibki (ara Ġw 11:33-35). L-evanġelista Ġwanni b’din id-deskrizzjoni jrid jurina li Ġesù jaqsam fit-tbatija ta’ ħbiebu u jġarrab magħhom il-qtigħ il-qalb tagħhom. Id-dmugħ ta’ Ġesù ħawwad lil ħafna teologi matul is-sekli, imma fuq kollox ħasel tant erwieħ, taffa l-uġigħ ta’ tant ġrieħi. Anki Ġesù daq fl-istess persuna tiegħu l-biża’ mit-tbatija u mill-mewt, id-delużjoni u l-qtigħ il-qalb għat-tradiment ta’ Ġuda u ta’ Pietru, it-tbatija għall-mewt ta’ ħabibu Lazzru. Ġesù “ma jitlaqx waħidhom lil dawk li jħobb” (Wistin, In Joh 49,5). Jekk Alla beka, anki jien nista’ nibki u naf li hemm xi ħadd jifhimni. Il-biki ta’ Ġesù hu d-duwa kontra l-indifferenza għat-tbatija ta’ ħuti. Dak il-biki jgħallimni nagħmel tiegħi t-tbatija ta’ l-oħrajn, u naqsam fl-iskumditajiet u fit-tbatija ta’ dawk li għaddejjin mill-iktar sitwazzjonijiet iebsin. Iċaqlaqni biex inħoss id-diqa u l-qtigħ il-qalb ta’ dawk li raw jinħataf saħansitra l-ġisem ta’ l-għeżież tagħhom, u lanqas post m’għad fadlilhom fejn jistgħu jsibu l-faraġ. Il-biki ta’ Ġesù ma jistax jibqa’ bla tweġiba min-naħa ta’ min jemmen Fih. Kif Hu jfarraġ, hekk aħna msejħin infarrġu.

 

Fil-mument tal-konfużjoni, ta’ emozzjonijiet kbar u ta’ biki, toħroġ minn qalb Kristu t-talba tiegħu lill-Missier. It-talb hu l-vera mediċina għat-tbatija tagħna. Anki aħna, fit-talb, nistgħu nħossu l-preżenza ta’ Alla magħna. Il-ħlewwa ta’ ħarstu tfarraġna, il-qawwa ta’ kelmtu tweżinna, u timliena bit-tama. Ġesù, quddiem il-qabar ta’ Lazzru, talab hekk: “Missier, irroddlok ħajr li smajtni. Kont naf li inti dejjem tismagħni” (Ġw 11:41-42). Neħtiġuha din iċ-ċertezza: il-Missier jismagħna u jiġi jgħinna. L-imħabba ta’ Alla msawba fi qlubna tagħtina li ngħidu li meta nħobbu, xejn u ħadd ma jista’ jifridna mill-persuni li ħabbejna. Dan ifakkarhulna bi kliem ta’ faraġ kbir l-Appostlu Pawlu: “Min se jifridna mill-imħabba ta’ Kristu? It-taħbit, id-dwejjaq, il-persekuzzjoni, il-ġuħ, l-għera, it-tiġrib, ix-xabla? […] Imma f’dan kollu aħna aktar minn rebbieħa bis-saħħa ta’ dak li ħabbna. Għax jiena żgur li la l-mewt u la l-ħajja, la l-anġli u la l-qawwiet, la ż-żmien t’issa u la ta’ li ġej, la setgħat, la l-għoli u lanqas il-fond, u ebda ħliqa oħra ma jistgħu qatt jifirduna mill-imħabba ta’ Alla li dehret fi Kristu Ġesù Sidna” (Rum 8:35,37-39). Il-qawwa ta’ l-imħabba kapaċi tibdel it-tbatija fiċ-ċertezza tar-rebħa ta’ Kristu u tar-rebħa tagħna flimkien Miegħu, u fit-talba li jum wieħed għad inkunu mill-ġdid flimkien u nikkontemplaw għal dejjem il-wiċċ tat-Trinità Qaddisa, għajn eterna tal-ħajja u ta’ l-imħabba.

 

Qrib ta’ kull salib dejjem hemm l-Omm ta’ Ġesù. Bil-mant tagħha hi tixxotta d-dmugħ tagħna. B’idha tqajjimna mill-ġdid u sseħibna fil-mixja tat-tama.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard