ŻJARA PASTORALI TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU F’PIETRELCINA,

FID-DJOĊESI TA’ BENEVENTO U F’SAN GIOVANNI ROTONDO,

FID-DJOĊESI TA’ MANFREDONIA-VIESTE-SAN GIOVANNI ROTONDO,

FIĊ-ĊENTINARJU TAD-DEHRA TAL-PJAGI PERMANENTI TA’ SAN PIJU TA’ PIETRELCINA U FIL-50 ANNIVERSARJU MINN MEWTU

KONĊELEBRAZZJONI EWKARISTIKA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU

Sagrat tal-Knisja ta’ San Piju ta’ Pietrelcina (San Giovanni Rotondo)

Is-Sibt 17 ta’ Marzu 2018

 

Mill-Qari li għadna kemm smajna mill-Iskrittura nixtieq niġbor tliet kelmiet: talb, ċkunija, għerf.

 

Talb. Il-Vanġelu tal-lum jurina lil Ġesù jitlob. Mill-qalb tiegħu joħorġu dawn il-kelmiet: “Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art…” (Mt 11:25). Lil Ġesù t-talb kien joħroġlu bħala ħaġa spontanja, imma ma kienx xi optional: kien iħobb jinġabar għall-kwiet f’postijiet imwarrba biex jitlob (ara Mk 1:35); id-djalogu mal-Missier kellu l-ewwel post. U d-dixxipli għalhekk skoprew b’mod naturali kemm it-talb kien importanti, sakemm darba marru jistaqsuh: “Mulej, għallimna nitolbu” (Lq 11:1). Jekk irridu nixbhu lil Ġesù, nibdew aħna wkoll mnejn beda hu, jiġifieri mit-talb.

 

Nistgħu nistaqsu: aħna l-Insara qed nitolbu biżżejjed? Spiss, xħin niġu biex nitolbu, jiġuna f’moħħna tant skużi, tant ħwejjeġ urġenti li rridu nagħmlu… Xi drabi, imbagħad, inwarrbu għall-ġenb it-talb għax maħkuma minn attiviżmu li ma jwassal għal imkien jekk ninsew “l-aħjar sehem” (Lq 10:42), meta ninsew li mingħajrU ma nistgħu nagħmlu xejn (ara Ġw 15:5) – u hekk nitilqu t-talb. Ħamsin sena wara li tar lejn is-Sema, San Piju jgħinna, għax bħala wirt ried iħallilna t-talb. Kien jirrakkomanda: “Itolbu ħafna, uliedi, itolbu dejjem, bla qatt tegħjew” (Kelmtejn fit-Tieni Konvenju internazzjonali tal-gruppi tat-talb, 5 ta’ Mejju 1966).

 

Ġesù fil-Vanġelu jurina wkoll kif għandna nitolbu. Qabelxejn jgħid: “Infaħħrek, Missier”; ma nibdewx billi ngħidu: “għandi bżonn ta’ dan jew ta’ hekk”, imma ngħidu: “infaħħrek”. Ma nistgħux nagħrfu lill-Missier jekk ma niftħux qalbna għat-tifħir, mingħajr ma niddedikaw il-ħin lilu biss, mingħajr ma nadurawh. Kemm insejnieha t-talba ta’ adorazzjoni, it-talba ta’ tifħir! Hemm bżonn nerġgħu nsibuha. Kull wieħed u waħda jista’ jistaqsi: Jien kif qed nadura? Meta qed nadura jien? Meta qed infaħħar lil Alla? Nerġgħu niskopru t-talba ta’ adorazzjoni u ta’ tifħir. Hu dan il-kuntatt personali, bejna u bejnu, li noqogħdu fis-skiet quddiem il-Mulej, is-sigriet biex nidħlu dejjem iżjed f’komunjoni miegħu. It-talb jista’ jitnissel bħala bżonn, anki ta’ emerġenza, imma jimmatura fit-tifħir u fl-adorazzjoni. Talb matur. Allura jsir tassew personali, kif kien għal Ġesù, li mbagħad jiddjaloga liberament mal-Missier: “Iva, Missier, għax lilek hekk għoġbok” (Mt 11:26). U allura, fid-djalogu ħieles u fiduċjuż, it-talb jiġbor fih il-ħajja kollha u jwassalha quddiem Alla.

 

U allura nistaqsu lilna nfusna: it-talbiet tagħna jixbhu lil dawk ta’ Ġesù jew jirriduċu ruħhom għal sejħat okkażjonali ta’ emerġenza? “Għandi bżonn ta’ dan”, u allura mmur niġri nitlob. U meta ma jkollokx bżonn, x’tagħmel? Jew inkella narawhom bħala trankwilizzanti li neħduhom b’dożi regolari, biex iserrħuna xi ftit mill-istress? Le, it-talb hu ġest ta’ mħabba, ifisser li noqogħdu ma’ Alla u nwasslulu l-ħajja tad-dinja: hu ħidma indispensabbli ta’ ħniena spiritwali. U jekk aħna ma nafdawx lil ħutna, is-sitwazzjonijiet tagħna lill-Mulej, min se jagħmlu dan? Min se jaqbeż għall-oħrajn, min se jagħti kas li  jħabbat fuq il-qalb tal-Mulej biex jiftaħ il-bieb tal-ħniena għall-umanità fil-bżonn? Għalhekk Patri Piju ħallielna l-gruppi ta’ talb. Lil dawn qalilhom: “Hu t-talb, din l-għaqda b’saħħitha tal-erwieħ kollha tajbin, li jċaqlaq id-dinja, li jġedded il-kuxjenzi, […] li jfejjaq il-morda, li jqaddes ix-xogħol, li jerfa’ ’l fuq is-servizz tas-saħħa, li jagħti l-qawwa morali […], li jferrex it-tbissima u l-barka ta’ Alla fuq kull fejn hemm it-telqa u d-dgħufija” (ibid.). Ejjew ngħożżu dawn il-kelmiet u għal darb’oħra nistaqsu lilna nfusna: Jiena nitlob xejn? U meta nitlob, naf infaħħar, naf nadura, naf irressaq ħajti u l-persuni kollha quddiem il-Mulej?

 

It-tieni kelma: ċkunija. Fil-Vanġelu, Ġesù jfaħħar lill-Missier għax wera l-misteru tas-Saltna tiegħu liċ-ċkejknin. Min huma dawn iċ-ċkejknin, li jafu jilqgħu l-misteri ta’ Alla? Iċ-ċkejknin huma dawk li għandhom bżonn tal-kbar, li mhumiex awtosuffiċjenti, li ma jaħsbux li biżżejjed huma għalihom infushom. Ċkejknin huma dawk li għandhom il-qalb umli u miftuħa, fqajra u fil-bżonn, li jħossu l-ħtieġa li jitolbu, li jafdaw u li jħallu lil min jimxi magħhom. Il-qalb ta’ dawn iċ-ċkejknin hi bħal antenna: taqbad is-sinjal ta’ Alla, minnufih, u tintebaħ dritt. Għax Alla jfittex li jagħmel kuntatt ma’ kulħadd, imma min jitkabbar joħloq interferenza kbira, u x-xewqa ta’ Alla ma tasalx: meta aħna mimlijin bina nfusna, m’hemmx wisa’ għal Alla. Għax hu jippreferi ċ-ċkejknin, lilhom juri ruħu, u t-triq biex niltaqgħu miegħu hi dik li niċċekknu, li nsiru iżgħar minn ġewwa, li nagħrfu li aħna fil-bżonn. Il-misteru ta’ Ġesù Kristu hu misteru ta’ ċkunija: hu ċċekken, ixxejjen. Il-misteru ta’ Ġesù, kif naraw fl-Ostja f’kull Quddiesa, hu misteru ta’ ċkunija, ta’ mħabba umli, u nistgħu nibdew nifhmuh biss jekk niċċekknu u nagħmluha maċ-ċkejknin.

 

U issa nistgħu nistaqsu lilna nfusna: nafu nfittxu lil Alla hemm fejn jinsab? Hawnhekk hawn santwarju speċjali fejn hu preżenti, għax hawn tant ċkejknin li hu jippreferi. San Piju sejjaħlu “tempju ta’ talb u ta’ xjenza”, fejn kulħadd imsejjaħ ikun “ħażna ta’ mħabba” għall-oħrajn (Diskors għall-ewwel anniversarju tal-inawgurazzjoni, 5 ta’ Mejju 1957): din hi l-Casa Sollievo della Sofferenza. Fil-marid hemm Ġesù, u fl-għożża kollha mħabba ta’ min jitbaxxa fuq il-ġrieħi tal-proxxmu hemm it-triq għal-laqgħa ma’ Ġesù. Min jieħu ħsieb taċ-ċkejknin jinsab fuq in-naħa ta’ Alla u jegħleb il-kultura tal-iskart, li, għall-kuntrarju, tagħti preferenza lis-setgħanin u lill-foqra ma tqishom ta’ ebda siwi. Min jippreferi lill-foqra qed ixandar profezija ta’ ħajja kontra l-profeti tal-mewt ta’ kull żmien, anki tal-lum, li jarmu n-nies, jarmu t-tfal, l-anzjani, għax dawn ma jiswewx għalihom. Meta kont għadni żgħir, l-iskola, kienu jgħallmuna l-istorja tal-Ispartani. Dejjem laqatni dak li kienet tgħidilna l-għalliema, li meta kienet titwieled tarbija b’deformazzjoni fiżika, kienu jeħduha fuq il-quċċata tal-muntanja u jarmuha minn hemm fuq għal isfel, biex ma jkunx hemm ċkejknin bħal dawn. Aħna t-tfal konna ngħidu: “Imma x’kefrija!”. Ħuti, aħna l-istess qed nagħmlu, b’iżjed kefrija, b’iżjed xjenza. Dak li ma jserviniex, dak li ma jipproduċix, jiġi mormi. Din hi l-kultura tal-iskart, iċ-ċkejknin illum mhumiex mixtieqa. U għalhekk Ġesù jitwarrab għall-ġenb.

 

Fl-aħħar nett it-tielet kelma. Fl-ewwel qari, Alla jgħid: “Ma għandux jiftaħar l-għaref b’għerfu, u anqas ma għandu jiftaħar il-qalbieni bi qlubitu; m’għandux jiftaħar l-għani b’ġidu” (Ġer 9:22). L-għerf veru mhux qiegħed f’li jkollok talenti kbar u l-vera qawwa mhix qiegħda fis-setgħa. Mhuwiex għaref min juri li għandu s-saħħa, u m’għandux saħħa min iwieġeb għall-ħażen bil-ħażen. L-unika arma ta’ għerf u li ma tintrebaħx hi l-imħabba mdawla mill-fidi, għax din għandha l-qawwa li żżarma l-qawwiet tal-ħażen. San Piju ġġieled kontra l-ħażen ħajtu kollha u ġġelidlu bil-għerf, bħall-Mulej: bl-umiltà, bl-ubbidjenza, bis-salib, billi offra t-tbatija tiegħu bi mħabba. U lkoll nammirawh għal dan; imma ftit jagħmlu bħalu. Ħafna jitkellmu tajjeb fuqu, imma kemm hemm li jimitawh? Ħafna huma lesti jagħfsu “like” fuq il-paġna tal-qaddisin il-kbar, imma min jagħmel bħalhom? Għax il-ħajja Nisranija mhijiex x’“jogħġobni”, imma li “ningħata”. Il-ħajja tfewwaħ meta hi offerta li tingħata b’don; titlef kull togħma meta nżommuha għalina nfusna.

 

U fl-ewwel qari Alla jfisser ukoll mnejn nistgħu niksbu l-għerf tal-ħajja: “Imma min irid jiftaħar, b’dan għandu jiftaħar: li għandu d-dehen biex jagħrafni” (v. 23). Li nagħrfu lilu, jiġifieri niltaqgħu miegħu, bħala Alla li jsalva u jaħfer: din hi t-triq tal-għerf. Fil-Vanġelu Ġesù jerġa’ jgħidilna: “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin” (Mt 11:28). Min minna jista’ jħossu eskluż minn din l-istedina? Min jista’ jgħid: “M’għandix bżonnha”? San Piju offra ħajtu u tant tbatija biex ilaqqa’ lill-Mulej mal-aħwa. U l-mezz deċiżiv biex jiltaqa’ miegħu kien il-Qrar, is-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni. Hemm tibda u terġa’ tibda ħajja għarfa, maħbuba u maħfura, hemm jibda l-fejqan tal-qalb. Patri Piju kien appostlu tal-konfessjonarju. Illum ukoll qed jistedinna hemm; u jgħidilna: “Fejn int sejjer? Għand Ġesù jew għand id-dwejjaq tiegħek? Fejn se terġa’ lura? Għand dak li jsalvak jew fid-dipressjonijiet tiegħek, fil-krib tiegħek, fid-dnubiet tiegħek? Ejja, ejja, il-Mulej qed jistenniek. Agħmel il-qalb, ma hemm l-ebda raġuni hekk gravi li tista’ taqtgħek barra mill-ħniena tiegħu”.

 

Il-gruppi ta’ talb, il-morda tal-Casa Sollievo, il-konfessjonarju; tliet sinjali viżibbli, li jfakkruna fi tliet tipi ta’ wirt prezzjuż: it-talb, iċ-ċkunija u l-għerf tal-ħajja. Nitolbu l-grazzja li ngħożżuhom ta’ kuljum.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard