Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Jien ferħan li ninsab f’dal-post, fejn twieled u fejn beda l-mixja ta’ ħajja twila, ħawlija, umana u spiritwali tiegħu Francesco Forgione.  F’dil-komunità hu saħħaħ l-umanità tiegħu, tgħallem jitlob u jagħraf il-laħam tal-Mulej fil-foqra, sakemm kiber fis-sekwela ta’ Kristu u talab li jingħaqad mal-Patrijiet Kapuċċini Minuri, biex b’hekk sar Fra Piju ta’ Pietralcina.  Hawnhekk, hu beda jħoss il-maternità tal-Knisja, u baqa’ dejjem iben devot tagħħa.  Kien iħobb il-Knisja, kien iħobb il-Knisja bil-problemi kollha tagħha, bil-gwaj kollu tagħha, bid-dnubiet kollha tagħna.  Għaliex aħna lkoll midinbin, nistħu, iżda l-Ispirtu tal-Mulej laqqgħana f’dil-Knisja li hi qaddisa.  U huwa kien iħobb lill-Knisja qaddisa u l-ulied midinbin, kollha.  Dan kien San Piju.  Hawnhekk huwa mmedita b’intensità kbira l-misteru ta’ Alla li ħabbna sa ma’ ta lilu nnifsu għalina (cfr Gal. 2,20).  Filwaqt li niftakar bi stima u mħabba dan il-qaddis dixxiplu ta’ San Franġisk, insellem minn qiegħ qalbi lill-konċittadini tiegħu kollha, lill-kappillan tagħkom u lis-Sindku, flimkien mar-Ragħaj tad-djoċesi, Mons. Felice Accrocca, lill-komunità kollha tal Kapuċċini u lilkom ilkoll li ridtu tkunu hawnhekk.

Illum ninsabu fl-istess art li fiha għex Patri Piju matul Settembru tal-1911 biex ikun jista’ “jimla l-pulmuni b’arja aktar nadifa”.  Dak iż-żmien ma kienx hemm l-antibjotiċi tant li l-mard kien jitfejjaq billi jmur lura lejn fejn twieled, għand ommu, biex jiekol dak li jkun ta’ fejda għalih, jieħu l-arja u jitlob.  Hekk għamel hu, bħal kull bniedem ieħor, bħall-bidwi.   Din kienet in-nobbiltà tiegħu.  Qatt ma ċaħad lil-pajjiżu, qatt ma ċaħad l-oriġini tiegħu, qatt ma ċaħad lill-famlja tiegħu.  Infatti, f’dak iż-żmien hu kien joqgħod fil-post fejn twieled għal-raġunijiet ta’ saħħa.  Dak ma kienx żmien ħafif għalih: minn ġewwa kien itturmentat bil-kbir u kien jibża’ li se jaqa’ fid-dnub għax kien iħoss lid-demonju jattakkah.  U dan ma jħallikx fil-paċi, għax (id-demonju) jibqa’ jinsisti.  Imma intom temmnu li x-xitan jeżisti?...... M’intomx konvinti biżżejjed?  Se ngħid lill-Isqof tagħkom jagħmel xi katekeżi... Jeżisti jew le id-demonju? (iwieġbu: “Iva!”).  U hu jħuf kullimkien, jidħol fina, iċaqlaqna, jitturmentana, jingannana.  U hu ( Patri Piju) kien jibża’ li d-demonju jattakkah, jimbuttah lejn id-dnub.  Hu ma setax jitkellem ħlief ma’ ftit nies kemm fl-ittri kif ukoll f’pajjiżu: kien tkellem biss mal-arċipriet don Salvatore Pannullo u kien tarraflu “kważi kollox” “bil-ħsieb li jiċċarawlu l-affarijiet” (Ittra 57, fl-Epistolarju I, p. 250), għax ma setax jifhem, ried jiċċara dak li kien qed iħoss fl-ispirtu tiegħu.  Kien tifel bravu!

F’dawk il-mumenti terribbli  Patri Piju kien jislet mit-talb bla heda u mill-fiduċja li għaraf iqiegħed fil-Mulej, il-manteniment li kien jeħtieġ: “Il-fantażmi koroħ kollha – kien jgħid – li d-demonju jdaħħalli f’moħħi, jgħibu minħabba li bil-fiduċja nintelaq għal kollox f’dirgħajn Ġesù”.  Hawnhekk tinsab it-teoloġija kollha!  Inti għandek problema, qalbek tqila, marid: intelaq għal kollox f’dirgħajn Ġesù.  U huwa dan għamel.  Kien iħobb lil Ġesù u kien jafda fih.  Hekk kien kiteb lill-Ministru Provinċjal, fejn stqarr li “ qabel ma jingħaqad miegħU filgħodu fis-Sagrament”, qalbu kien iħossa “miġbuda minn qawwa akbar,”.  “U dan il-ġuħ u l-għatx”, wara li jkun irċevih, “minflok jinqatgħulu, kienu jiżdiedu fih dejjem aktar” (Ittra 31, fl-Epistolarju I, p. 217). Għaldaqstant,  Patri Piju kien jintilef fit-talb biex jitwaħħad dejjem aħjar mal-pjanijiet divini.  Biċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa, li kienet il-qofol ta’ kull ġurnata tiegħu, kien irċieva mill-għoli doni mistiċi speċjali, prekursuri tad-dehra tas-sinjali tal-Passjoni ta’ Kristu f’laħmu.

Għeżież ħuti ta’ Pietralcina u tad-djoċesi ta’ Benevento, intom iżżommu lil San Piju bħala figura mill-isbaħ u mdawla tal-poplu tagħkom.  Dan il-patri kapuċċin umli għaġġeb lid-dinja b’ħajtu kollha dedikata għat-talb u biex bil-paċenzja jisma’ lill-aħwa, sabiex iferrex fuq it-tbatijiet tagħhom il-balzmu tal-karità ta’ Kristu.  Meta timitaw l-eżempju erojku u l-virtuwjiet tiegħu, jalla intom ukoll issiru strumenti tal-imħabba t’Alla, tal-imħabba ta’ Ġesù lejn id-dgħajfa.  Fl-istess waqt, meta tqisu l-fedeltà bla kundizzjonijiet tiegħu lejn il-Knisja, intom tagħtu xhieda ta’ komunjoni, għax l-għaqda biss – jiġifieri li tkunu magħqudin dejjem aktar, fil-paċi bejnietna, f’komunjoni bejnietna –  terfgħana u tibnina.  Pajjiż li jitlewwem kuljum ma jikbirx, ma jinbeniex; iġerrex in-nies.  Ikun pajjiż marid u mdejjaq.  Minflok, il-pajjiż li jfittex il-paċi, fejn kulħadd iħobb lil kulħadd – ftit jew wisq, imma fejn in-nies jirrispettaw lil xulxin , ma jixtiequx deni lil xulxin -, pajjiż bħal dan, minkejja li żgħir, jikber, jikber, jikber, jinfirex u jitqawwa.  Jekk jogħġobkom, taħlux ħin, forzi, toqgħodu titlewmu bejnitekom.  Dan ma jwassal għal xejn.  Ma jkabbrekx!  Ma jħallikx timxi.  Naħsbu f’tarbija li qed tibki, tibki, tibki u ma tridx tiċċaqlaq mill-benniena u tibki, tibki.  U meta ommha tqegħdha mal-art biex tibda timxi mbe, tibki, tibki.. u terġa’ lura lejn il-benniena.  Nistaqsikom: dik it-tarbija se tkun taf timxi?  Le, għax baqgħet dejjem fil-benniena!  Jekk villaġġ żgħir jitlewwem, jitlewwem, jitlewwem, ikollu ħila jikber?  Le, għax il-ħin kollu, l-enerġija kollha, is-saħħa kollha jintefgħu fit-tilwim.  Jekk jogħġobkom: paċi bejnietkom, komunjoni bejnietkom.  U jekk xi ħadd minnkom jitħajjar iqassas fuq xi ħadd, igdmu lsienkom.  Jagħmlilkom tajjeb, tajjeb għal ruħkom, għax ilsienkom jintefaħ, imma jaħbtilkom tajjeb, lill-pajjiżkom ukoll.  Agħtu dix-xhieda ta’ komunjoni.  Nawgura li dan it-territorju jkun jista’ jikseb ħeġġa ġdida mit-tagħlim u l-ħajja ta’  Patri Piju f’mument mhux tant faċli bħal dan ta’ issa, dment lil l-popolazzjoni qed tonqos ftit ftit u tixjieħ għax ħafna żgħażagħ jitilqu lejn postijiet oħra biex ifittxu x-xogħol.  Il-migrazzjoni interna taż-żgħażagħ hija problema.  Itolbu lill-Madonna biex ittikom il-grazzja li ż-żgħażagħ isibu x-xogħol hawnhekk, fostkom, qrib tal-familja, u ma jkollhomx bilfors jitilqu jfittxu x-xogħol x’imkien ieħor u pajjiżkom dejjem nieżel, nieżel, nieżel. 

Il-popolazzjoni tixjieħ, imma hi teżor, ix-xjuħ huma teżor!  Jekk jogħġobkom twarrbux fil-ġenb lix-xjuħ.  Hemm bżonn li ma nagħtux il-ġenb lix-xjuħ, le.  Ix-xjuħ huma l-għaqal.  U x-xjuħ għandhom jitgħallmu jitkellmu maż-żgħażagħ filwaqt li ż-żgħażagħ għandhom jitgħallmu jitkellmu max-xjuħ.  Fihom jinsab l-għaqal ta’ pajjiżkom.  Meta wasalt hawn ħadt gost insellem lil wieħed ta’ 99 sena u “tfajla” ta’ 97.  Sabih ħafna!  Dawn huma l-għaqal tagħkom!  Tkellmu magħhom.  Jalla jkunu l-protagonisti tat-tkabbir ta’ dal-pajjiż.  Jalla l-interċessjoni tal-qaddis tagħkom issostni l-intenzjonijiet li tgħaqqdu l-forzi tagħkom, sabiex tkunu tistgħu toffru, speċjalment lill-ġenerazzjonijiet żgħażagħ, prospettivi konkreti għall-futur ta’ tama.  Qatt m’għandha tehda l-attenzjoni diliġenti tagħkom mimlija tenerezza – kif għidt qabel – lejn l-anzjani, li huma l-patrimonju tal-komunitajiet tagħna.  Nixtieq li xi darba l-premju Nobel jingħata lill-anzjani li jżommu ħajja l-memorja tal-umanità.

Nagħmel kuraġġ lil din l-art biex tħares bħala teżor prezzjuż ix-xhieda nisranija u saċerdotali ta’ San Piju ta’ Pietralcina. Jalla, għal kull wieħed u waħda minnkom tkun stimolu biex tgħixu ħajjitkom fil-milja kollha tagħha, bl-istil tal-Beatitudnijiet u bl-opri tal-ħniena.  Il-Verġni Marija, li intom tqimu taħt it-titlu tal-Madonna della Libera, tgħinkom timxu bil-ferħ lejn it-triq tal-qdusija.  U, jekk jogħġobkom, itolbu għalija, għax għandi bżonn!  Grazzi!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber