Għeżież ħuti, il-Milied it-Tajjeb!

Ġesù, l-Iben t’Alla, is-Salvatur tad-dinja, twieled għalina.  Twieled f’Betlem minn verġni u ġab fis-seħħ il-profeziji l-antiki.  Il-verġni jisimha Marija, ir-raġel tagħha Ġużeppi.

Huma persuni umli, mimlijin tama fit-tjubija t’Alla, li jilqgħu lil Ġesù u jagħrfuh.  Bl-istess mod l-Ispirtu s-Santu dawwal lir-rgħajja ta’ Betlem, li marru jiġru lejn il-grotta biex jaduraw lill-Bambin.  Imbagħad l-Ispirtu mexxa lill-anzjani Xmun u Anna, nies umli, fit-tempju ta’ Ġerusalemm, u huma f’Ġesù għarfu l-Messija. «Għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek» jesklama Xmun, «salvazzjoni mħejjija minn Alla għall-popli kollha» (Luqa 2,30).

Iva, ħuti, Ġesù hu s-salvazzjoni għal kull persuna u għal kull poplu!

Lilu, is-Salvatur tad-dinja, illum nitolbu jħares lil ħutna fl-Iraq u fis-Sirja, li għal wisq żmien ilhom isofru l-effetti tal-kunflitt li għaddej u li, flimkien ma’ min jifforma parti mill-gruppi etniċi u reliġjużi, qed ibatu minn persekuzzjoni brutali.  Jalla l-Milied iġibilhom it-tama, u jagħmel l-istess lill-bosta migranti, bla dar jew rifuġjati, tfal, adulti u anzjani tar-reġjun tad-dinja kollha; jalla jibdel l-indifferenza fi qrubija u r-rifjut f’akkoljenza, sabiex dawk li bħalissa għaddejjin mill-prova jkunu jistgħu jirċievu l-għajnuna umanitarja meħtieġa biex jilqgħu għall-ebusija tax-xitwa, imorru lura lejn il-pajjiżi tagħhom u jgħixu bid-dinjità.  Jalla l-Mulej jiftaħ il-qlub għall-fiduċja u jagħti l-paċi tiegħu lil-Lvant Nofsani kollu, ibda mill-Art Imqaddsa mbierka bit-twelid tiegħu, u jsostni l-isforzi ta’ min hu impenjat bil-fatti fid-djalorgu bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani.

Jalla Ġesù, is-Salvatur tad-dinja, iħares lejn kull min qiegħed isofri fl-Ukranja u jwassal lil dik l-art maħbuba li tegħleb it-tensjonijiet, il-mibegħda u l-vjolenza u terġa’ tibda mixja ġdida ta’ fraternità u rikonċiljazzjoni.

Jalla Kristu Salvatur inissel il-paċi fin-Niġerja, fejn qiegħed jiċċarċar aktar demm u wisq persuni huma mċaħħdin inġustament mill-għeżież tagħhom, miżmumin ostaġġi jew massakrati.  Ninvoka l-paċi anki fil-partijiet l-oħra tal-kontinent Afrikan.  Qed naħseb partikolarment fil-Libja, fis-Sudan t’Isfel, fir-Repubblika Ċentrali tal-Afrika u reġjuni differenti tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, u nitlob lil kull min għandu responsabiltà politika biex jimpenja ruħu bid-djaolgu ħalli jkunu megħlubin il-kuntrasti u tinbena fraternità u konvivenza dejjiema.

Jalla Ġesù jsalva lil bosta tfal vittmi tal-vjolenza, li jsiru oġġett ta’ negozju u tat-traffikar tal-persuni, jew li jkunu mġegħelin isiru suldati; it-tfal, tant tfal abbużati.  Jalla jfarraġ lill-familji tat-tfal li nqatlu fil-Pakistan il-ġimgħa li għaddiet.  Jalla jkun qrib ta’ min qed isofri minħabba l-mard, partikolarment il-vittmi tal-epidemija tal-ebola, fuq kollox fil-Liberja, fi Sierra Leone u fil-Gwineja.  Filwaqt li nrodd ħajr lil kull min hu mpenjat bil-kuraġġ biex jassisti lill-morda u lill-familjari tagħhom, inġedded l-istedina mqanqla biex jiżguraw li dawn in-nies isibu l-għajnuna u t-terapji neċessarji.

Bambin Ġesù, il-ħsieb tiegħi imur lejn it-tfal kollha maqtulin u ttrattati ħażin, kemm dawk li jiġrilhom hekk qabel ma’ jaraw id-dawl, imċaħdin mill-imħabba tal-ġenituri tagħhom u midfunin fl-egoiżmu ta’ kultura li ma tħobbx il-ħajja, kif ukoll dawk it-tfal sfullati minħabba l-persekuzzjonijiet u l-gwerrer, abbużati u sfruttati taħt għajnejna u s-silenzju kompliċi tagħna; lejn it-tfal massakrati mill-bumbardamenti, anki hemm, fejn twieled l-Iben t’Alla.  Illum is-silenzju impotenti tagħhom jgħajjat taħt ix-xabla ta’ tant Erodijiet.  Fuq demmhom hemm jiddomina d-dell tal-Erodijiet tal-lum.  Verament, hemm tant dmugħ f’dan il-Milied flimkien mad-dmugħ ta’ Ġesù Bambin!

Għeżież ħuti, jalla l-Ispirtu s-Santu llum idawlilna qlubna sabiex fil-Bambin Ġesù mwieled b’Betlem minn Marija Verġni jkunu jistgħu jaraw is-salvazzjoni mogħtija minn Alla lil kull wieħed u waħda minna, lil kull bniedem u lil kull poplu tad-dinja.  Jalla l-qawwa ta’ Kristu, li hi liberazzjoni u qadi, tinħass f’tant qlub li jbatu minħabba l-gwerrer, il-persekuzzjonijiet, l-iskjavitù.  U li bil-manswetudni tagħha, din il-qawwa divina trattab l-ebusija tal-qlub ta’ tant bnedmin mgħarrqin fil-mondanità u fl-indifferenza, fil-globaliżżazzjoni tal-indifferenza.  Jalla l-qawwa redentriċi tiegħu tittrasforma l-armi f’sikkek, il-qerda fi kreattività, il-mibgħeda fi mħabba u tenerezza.  Biex b’hekk inkunu nistgħu ngħidu bil-ferħ: «Għajnejna raw is-salvazzjoni tiegħek».

B’dawn il-ħsibijiet nagħti l-Milied it-tajjeb lil kulħadd!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber