Għeżież ħuti, il-Milied it-tajjeb!

 

Illum il-Knisja qiegħda mill-ġdid tistagħġeb kif għamlu l-Verġni Marija, San Ġużepp u r-ragħajja ta’ Betlehem huma u jikkontemplaw lit-Tarbija li twieldet u hi mqiegħda f’maxtura: Ġesù, il-Feddej.

 

F’dan il-jum kollu dawl, tidwi l-aħbar tal-profeti:

Għax tweldilna tifel,

ingħatalna iben;

is-setgħa tkun fuq spallejh, u jsemmuh:

Kunsillier tal-għaġeb, Alla setgħan,

Missier għal dejjem, Prinċep tas-sliem” (Is 9:5).

 

Is-setgħa ta’ dan it-Tifel, Bin Alla u Bin Marija, mhix is-setgħa ta’ din id-dinja, imsejsa fuq il-qawwa u fuq l-għana; hi s-setgħa tal-imħabba. Hi s-setgħa li ħalqet is-sema u l-art, li tagħti l-ħajja lil kull ħlejqa: lill-minerali, lill-pjanti, lill-annimali; hi l-qawwa li tiġbed lejn xulxin ir-raġel u l-mara u tagħmel minnhom ġisem wieħed, ħajja waħda; hi s-setgħa li tnissel mill-ġdid il-ħajja, li taħfer id-dnubiet, tħabbeb mill-ġdid lill-għedewwa, tibdel il-ħażin f’tajjeb. Hi l-qawwa ta’ Alla. Din il-qawwa tal-imħabba wasslet lil Ġesù Kristu biex jitneżża’ mill-glorja tiegħu u jsir bniedem; u twasslu biex jagħti ħajtu fuq is-salib u jqum mill-mewt. Hi l-qawwa tal-qadi, li twaqqaf fid-dinja s-saltna ta’ Alla, saltna ta’ ġustizzja u ta’ paċi.

 

Għalhekk li t-twelid ta’ Ġesù hu msieħeb mill-għana tal-anġli li jħabbru:

“Glorja lil Alla fl-ogħla tas-smewwiet,

u sliem fl-art lill-bnedmin li jogħġbu lilu” (Lq 2:14).

 

Illum din l-aħbar tixtered mal-art kollha u trid tilħaq lill-ġnus kollha, speċjalment lil dawk miġruħa mill-gwerra u minn ġlied qares, u li għalhekk iħossu iktar qawwija x-xewqa għall-paċi.

 

Paċi lill-irġiel u n-nisa fl-imsejkna Sirja, fejn xtered wisq demm. Fuq kollox fil-belt ta’ Aleppo, li fl-aħħar ġimgħat sfat teatru ta’ waħda mill-eħrex battalji, hu urġenti iżjed minn qatt qabel li, fir-rispett tal-jeddijiet tal-bniedem, niggarantixxu għajnuna u faraġ lill-popolazzjoni ċivili li hi hekk mifnija, li għadha f’qagħda ddisprata u ta’ tbatija u miżerja kbira. Wasal iż-żmien li l-armi jisktu darba għal dejjem u l-komunità internazzjonali tħabrek bis-serjetà biex permezz ta’ negozjati tintlaħaq soluzzjoni u terġa’ titwaqqaf il-konvivenza ċivili f’dak il-pajjiż.

 

Paċi lin-nisa u l-irġiel tal-maħbuba Art Imqaddsa, għażiża għal Alla u minnu magħżula. Jalla l-Lhud u l-Palestinjani jkollhom il-kuraġġ u d-determinazzjoni li jiktbu paġna ġdida tal-istorja, fejn il-mibegħda u l-vendetta jċedu posthom għar-rieda li flimkien huma jibnu futur ta’ ftehim u armonija reċiproka. Ħa jerġgħu jsibu l-għaqda u l-ftehim l-Iraq, il-Libja, il-Yemen, fejn il-popli qed ibatu l-gwerra u atti terroristiċi brutali.

 

Paċi lill-irġiel u n-nisa f’bosta reġjuni tal-Afrika, partikularment fin-Niġerja, fejn it-terroriżmu fundamentalista jisfrutta wkoll lit-tfal biex jorganizza l-orrur u l-mewt. Paċi fis- Sudan ta’ Isfel u fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, biex jitfejqu l-firdiet u l-persuni kollha ta’ rieda tajba jaħdmu biex jingħata bidu għal mixja ta’ żvilupp u ta’ qsim flimkien, u jippreferu l-kultura tad-djalogu mil-loġika tal-ġlied.

 

Paċi lin-nisa u l-irġiel li sal-lum għadhom qed ibatu l-konsegwenzi tal-ġlied fl-Ukrajna orjentali, fejn hi urġenti rieda komuni biex il-popolazzjoni ssib serħan u jitwettqu l-impenji li ttieħdu.

 

Nitolbu għall-ftehim fost l-għażiż poplu Kolombjan, li hu mxennaq għal mixja ġdida u kuraġġjuża ta’ djalogu u ta’ rikonċiljazzjoni. Ħa jkun dan il-kuraġġ li jqanqal ukoll lill-maħbuba Veneżwela biex tmidd il-passi meħtieġa ħalli ġġib fi tmiemhom it-tensjonijiet ta’ żmienna u flimkien jibnu ġejjieni ta’ tama għall-poplu kollu.

 

Paċi lil dawk kollha li, f’diversi nħawi, qed iħabbtu wiċċhom ma’ tbatijiet minħabba l-perikli kostanti u l-inġustizzji ma jaqtgħu xejn. Jalla l-Myanmar isaħħaħ l-isforzi tiegħu b’risq il-konvivenza paċifika u, bl-għajnuna tal-komunità internazzjonali, jagħti l-ħarsien u l-għajnuna umanitarja meħtieġa lil dawk li serjament u urġentement jeħtiġuhom. Jalla l-peniżula Koreana, fi spirtu mġedded ta’ kollaborazzjoni, tara mirbuħa t-tensjonijiet li qed iġġarrab.

 

Paċi lil min ġie miġruħ jew tilef persuna għażiża minħabba atti brutali ta’ terroriżmu, li żergħu l-biża’ u l-mewt fil-qalba ta’ tant pajjiżi u bliet. Paċi – mhux bil-paroli, imma fattwali u konkreta – lil ħutna mitluqa u mwarrba, lil dawk li qed ibatu l-ġuħ u lil dawk li huma vittmi ta’ vjolenza. Paċi lill-maħruba, lill-immigranti u lir-rifuġjati, lil dawk li llum ukoll huma oġġett tat-traffikar tal-persuni. Paċi lill-popli li qed ibatu minħabba fl-ambizzjonijiet ekonomiċi tal-ftit u l-kilba tal-alla flus li twassal għall-jasar. Paċi lil min hu milqut minn qagħda soċjali u ekonomika iebsa u lil min qed iġarrab il-konsegwenzi tat-terremoti u ta’ katastrofi naturali oħra.

 

U paċi lit-tfal, f’dan il-jum speċjali li fih Alla jsir tarbija, fuq kollox lil dawk imċaħħda mill-ferħ tat-tfulija minħabba fil-ġuħ, il-gwerer u l-egoiżmu tal-adulti.

 

Paċi fuq l-art lill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba, li ta’ kuljum jaħdmu, b’diskrezzjoni u paċenzja, fil-familja u fis-soċjetà biex jibnu dinja iżjed umana u iżjed ġusta, imsaħħa mill-konvinzjoni li bil-paċi biss hu possibbli futur mimli b’iżjed risq għal kulħadd.

 

Għeżież ħuti,

“tweldilna tifel, ingħatalna iben”: hu l-“Prinċep tas-sliem”.

 

Ejjew nilqgħuh!

 

***

 

[wara l-Barka]

 

Lilkom, għeżież ħuti, li ġejtu f’din il-Pjazza minn kull rokna tad-dinja, u lilkom kollha li minn bosta pajjiżi tinsabu magħqudin magħna bir-radju, it-televiżjoni u l-mezzi l-oħra ta’ komunikazzjoni, nixtieq nawguralkom.

 

F’dan il-jum ta’ ferħ aħna lkoll imsejħin nikkontemplaw lil Ġesù Bambin, li jrodd it-tama lil kull bniedem fuq wiċċ l-art. Bil-grazzja tiegħu, ejjew nagħtu leħen u ġisem lil din it-tama, billi nagħtu xhieda ta’ solidarjetà u paċi. Il-Milied it-tajjeb lil kulħadd!

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard