Għeżież ħuti, il-Milied it-tajjeb!

 

Kristu twieled għalina, ejjew nifirħu fil-jum tas-salvazzjoni tagħna!

 

Niftħu qlubna biex nilqgħu l-grazzja ta’ dan il-jum, li hi Hu nnifsu: Ġesù hu l-“jum” kollu dawl li żernaq fuq ix-xefaq ta’ l-umanità.  Jum ta’ ħniena, li fih Alla l-Missier wera lill-bnedmin kollha l-ħlewwa kbira tiegħu.  Jum ta’ dawl li jkeċċi d-dlam tal-biża’ u tad-diqa.  Jum ta’ paċi, fejn isir possibbli għalina li niltaqgħu ma’ xulxin, niddjalogaw, u fuq kollox nirrikonċiljaw ruħna.  Jum ta’ ferħ: “ferħ kbir” għaċ-ċkejknin u l-umli, u għall-poplu kollu (ara Lq 2:10).

 

F’dan il-jum, mill-Verġni Marija, twieled Ġesù, is-Salvatur.  Il-presepju jurina s-“sinjal” li Alla tana: “tarbija mfisqija u mimduda f’maxtura” (Lq 2:12).  Bħar-ragħajja ta’ Betlehem, anki aħna mmorru naraw dan is-sinjal, din il-ġrajja li ta’ kull sena tiġġedded fil-Knisja.  Il-Milied hu ġrajja li tiġġedded f’kull familja, f’kull parroċċa, f’kull komunità li tilqa’ l-imħabba ta’ Alla mlaħħma f’Ġesù Kristu.  Bħal Marija, il-Knisja turi lil kulħadd is-“sinjal” ta’ Alla: it-Tarbija li Hi ġarret f’ġufha u tatha d-dawl, imma li hi Bin il-Għoli, għax “ġej mill-Ispirtu s-Santu” (Mt 1:20).  Għalhekk Hu l-Feddej, għax hu l-Ħaruf ta’ Alla li jieħu fuqu d-dnub tad-dinja (ara Ġw 1:29).  Flimkien mar-ragħajja, ejjew nersqu nqimu lill-Ħaruf, naduraw it-Tjieba ta’ Alla li saret laħam, u nħallu d-dmugħ ta’ ndiema jfawwar xfar għajnejna u jnaddfilna qalbna.  Kollha għandna bżonn ta’ dan!

 

Hu biss, Hu biss jista’ jsalvana.  Il-Ħniena ta’ Alla biss tista’ teħles lill-umanità minn tant xorta ta’ ħażen, xi drabi mostrużi, li l-egoiżmu jnissel fiha.  Il-grazzja ta’ Alla tista’ ddawwar il-qlub u tiftaħ toroq li bihom nistgħu ninqalgħu minn sitwazzjonijiet li umanament ma jistgħux jissolvew.

 

Fejn jitwieled Alla, titwieled it-tama: Hu jġib it-tama.  Fejn jitwieled Alla, titwieled il-paċi.  U fejn titwieled il-paċi, m’hemmx iżjed lok għall-mibegħda u għall-gwerra.  U safrattant propju hemm fejn ġie fid-dinja l-Iben ta’ Alla li sar bniedem, qed naraw tissokta t-tensjoni u l-vjolenza u l-paċi tibqa’ don li rridu nitolbu u nibnu.  Jalla l-Lhud u l-Palestinjani jerġgħu jaqbdu d-djalogu dirett u jaslu għal ftehim bejniethom li liż-żewġ popli jagħtihom li jgħixu flimkien f’armonija, jegħlbu l-kunflitt li għal żmien twil għamilhom għedewwa ta’ xulxin, b’effetti gravi fuq ir-reġjun kollu.

 

Lill-Mulej nitolbuh li l-ftehim milħuq fi ħdan il-Ġnus Magħquda jirnexxielu malajr kemm jista’ jkun iwaqqaf l-istorbju kaotiku ta’ l-armi fis-Sirja u jsewwi l-qagħda umanitarja tassew gravi tal-poplu mifni.  Daqshekk ieħor hu urġenti li l-ftehim fuq il-Libja jsib is-sostenn ta’ kulħadd, biex jingħelbu l-firdiet u vjolenzi gravi li qed jifnu l-pajjiż.  L-attenzjoni tal-komunità internazzjonali għandha tkun kollha biex jitwaqqfu l-attroċitajiet li, kemm f’dawk il-pajjiżi u kemm fl-Iraq, il-Yemen u l-Afrika ’l isfel mis-Saħara, għadhom qed jaħsdu l-ħajja ta’ għadd bla tarf ta’ vittmi, qed jikkawżaw tbatija enormi u lanqas jeħilsuha lill-wirt storiku  u kulturali ta’ popli sħaħ.  Ħsiebi jmur ukoll lejn dawk li ntlaqtu minn azzjonijiet terroristiċi brutali, partikularment mill-istraġi riċenti li seħħu fl-Eġittu, Bejrut, Pariġi, Bamako u Tunisi.

 

Lil ħutna, ippersegwitati f’ħafna partijiet tad-dinja minħabba fil-fidi, Ġesù Tarbija jagħti faraġ u qawwa.  Huma l-martri tagħna tal-lum.

 

Paċi u ftehim nitolbu għall-għeżież popli tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, tal-Burundi u tas-Sudan ta’ Isfel biex, permezz tad-djalogu, jissaħħaħ l-impenn komuni għall-bini ta’ soċjetajiet ċivili mħeġġa minn spirtu sinċier ta’ rikonċiljazzjoni u ta’ ftehim reċiproku.

 

Ħa jġib il-Milied il-paċi vera lill-Ukrajna, joffri serħan lil min qed ibati l-konsegwenzi tal-kunflitt u jnebbaħ ir-rieda li kull ftehim jitwassal għat-twettiq tiegħu, biex terġa’ lura l-armonija fil-pajjiż kollu.

 

Il-ferħ ta’ dan il-jum idawwal l-isforzi tal-poplu Kolombjan biex, imdawwal mit-tama, jissokta b’impenn ifittex il-paċi mixtieqa.

 

Fejn jitwieled Alla, titwieled it-tama; u fejn titwieled it-tama, il-persuni jsibu mill-ġdid id-dinjità tagħhom.  U madankollu, sal-lum għad għandna għadd kbir ta’ rġiel u nisa li qed jiġu mċaħħda mid-dinjità umana tagħhom u, bħal Ġesù Tarbija, qed ibatu l-ksieħ, il-faqar u r-rifjut tal-bnedmin.  Ħa nkunu l-lum qrib ta’ dawk li l-inqas għandhom min jiddefendihom, fuq kollox it-tfal suldati, in-nisa vvjolentati, il-vittmi tat-traffikar tal-persuni u tad-droga.

 

M’għandux jonqos il-faraġ tagħna lil dawk li qed jaħarbu mill-miżerja jew mill-gwerra, huma u jivvjaġġaw f’kundizzjonijiet spiss wisq diżumani u mhux darba jew tnejn billi jirriskjaw ħajjithom.  Ħa jiġu mħallsa b’barkiet kotrana dawk kollha, individwi u Stati, li jħabirku b’ġenerożità biex jaqbżu għall-ħafna immigranti u rifuġjati u jilqgħuhom, biex jgħinuhom jibnu futur dinjituż għalihom u għall-għeżież tagħhom u biex jintegraw ruħhom fis-soċjetajiet li jilqgħuhom.

 

F’dan il-jum ta’ festa, ħa jagħti l-Mulej lura t-tama lil dawk li huma bla xogħol – u huma ħafna! – u jwieżen l-impenn ta’ dawk kollha li għandhom responsabbiltajiet pubbliċi fil-qasam politiku u ekonomiku, ħa jħabirku biex ifittxu l-ġid komuni u jħarsu d-dinjità ta’ kull ħajja umana.

 

Fejn jitwieled Alla, twarrad il-ħniena.  Hi l-aktar don prezzjuż li jagħtina Alla, partikularment f’din is-Sena Ġubilari, fejn aħna msejħa niskopru l-ħlewwa li Missierna tas-Sema għandu ma’ kull wieħed u waħda minna.  Ħa jagħti l-Mulej partikularment lill-ħabsin li jduqu mħabbtu ħanina li tfejjaq il-ġrieħi u tirbaħ il-ħażen.

 

U hekk il-lum flimkien nifirħu fil-jum tas-salvazzjoni tagħna.  Aħna u nikkontemplaw il-presepju, inwaqqfu ħarsitna fuq id-dirgħajn miftuħa ta’ Ġesù li qed juruna t-tgħanniqa ħanina ta’ Alla, waqt li nisimgħu l-bikja tat-Tarbija li tpespsilna f’widnejna: “Minħabba ħuti u ħbiebi, ħallini ngħidlek: ‘Is-sliem għalik!’” (Salm 122:8).

 


 

Awguri tal-Milied wara l-Messaġġ Urbi et Orbi

 

Lilkom, għeżież ħuti, li nġbartu f’din il-pjazza minn kull naħa tad-dinja, u lil dawk kollha li minn bosta pajjiżi ngħaqadtu magħna permezz tar-radju, it-televiżjoni u l-mezzi l-oħra ta’ komunikazzjoni, nagħtikom l-awgurju l-iżjed kordjali tiegħi.

 

Dan hu l-Milied tas-Sena Mqaddsa tal-Ħniena, u għalhekk nawgura lil kulħadd li jilqa’ f’ħajtu l-ħniena ta’ Alla, li Ġesù Kristu tana, biex inkunu ħanina ma’ ħutna.  Hekk inkunu ngħinu biex tikber il-paċi!

 

Il-Milied it-tajjeb!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard