«Faħħru l-Mulej għax hu tajjeb: għax għal dejjem il-ħniena tiegħu» (Sal 135,1).

Għeżież ħuti, l-Għid it-Tajjeb!

Ġesù Kristu, l-inkarnazzjoni tal-ħniena t’Alla, għall-imħabba miet fuq is-salib u għall-imħabba qam.  Għaldaqstant illum inħabbru: Ġesù hu l-Mulej!

Il-Qawmien mill-Imwiet tiegħu iġib fis-seħħ għal kollox il-profezija tas-Salm: il-ħniena tal-Mulej hi għal dejjem, imħabbtu għal dejjem, ma tmut qatt.  Nistgħu nqiegħdu l-fiduċja kollha tagħna fiH u nirringrazzjawH għax minħabba fina niżel sal-qiegħ tal-abissi.

Quddiem l-abiss spiritwali u morali tal-umanità, quddiem il-vojt li jinfetaħ fil-qlub u li jipprovoka mibgħeda u mewt, il-ħninea infinita biss tista’ ttina s-salvazzjoni.  Alla biss, bl-imħabba tiegħu, jista’ jimla dan il-vojt, dawn l-abissi, u jippermettilna li ma negħrqux imma li nkomplu mexjin flimkien lejn l-Art tal-ħelsien u tal-ħajja.

It-tħabbira hienja tal-Għid: Ġesù l-imsallab, mhux hawn, qam (cfr Mattew 28, 5-6) tagħtina ċ-ċertezza ta’ faraġ li l-abbiss tal-mewt huwa megħlub, u miegħu sfaw megħlubin il-luttu, il-krib u l-qtigħ il-qalb (cfr Ap 21, 4).  Il-Mulej, li sofra, minħabba d-dixxipli li abbandunawh, mill-piż ta’ kundannna inġusta u l-mistħija ta’ mewt infami, issa jagħtina sehem mill-ħajja immortali tiegħu u jitfa’ l-ħarsa tiegħu tenera u ta’ kompassjoni lejn l-imġewħin u dawk bil-għatx, il-barranin u l-ħabsin, l-imwarrbin u l-iskartati, il-vittmi tas-soprużi u tal-vjolenza.  Id-dinja hi mimliji bnedmin li jsofru fil-ġisem u fl-ispirtu, filwaqt li l-aħbarijiet ta’ kuljum huma mimlijin b’delitti brutali, li ta’ spiss jitwettqu bejn il-ħitan tad-djar, u ta’ kunflitti armati fuq firxa wiesa ħafna li jissottomettu popolazzjonijiet sħaħ għal slaleb li ma tiddeskrivihomx.

Jalla Kristu Rxoxt jindika mogħdijiet ta’ tama lill-għażiża Sirja, pajjiż imbiċċer minn kunflitt twil, bil-purċissjoni sħiħa u kiebja ta’ qerda, mewt, disprezz tad-dritt umanitarju u tifrik tal-konvivenza ċivili.  Nafdaw fil-qawwa tal-Mulej Irxuxtat it-taħdidiet li għaddejjin bħalissa, sabiex bir-rieda tajba u l-kollaborazzjoni ta’ kulħadd ikun jista’ jinħasad il-frott tal-paċi u tibda tinbena soċjetà fraterna li tirrispetta d-dinjità u d-drittijiet ta’ kull ċittadin.  Il-messaġġ tal-ħajja li dewa minn fomm l-Anġlu ħdejn il-ġebla mgerba tal-qabar, jegħleb l-għebusija tal-qlub u jiffavorixxi għaqda fekonda ta’ popli  u kulturi fl-inħawi l-oħra tal-baħar Mediterran u tal-Lvant Nofsani, partikolarment fl-Iraq, fil-Yemen u fil-Libja.

Jalla x-xbieha tal-bniedem il-ġdid li tiddi fuq wiċċ Kristu tkun ta’ fejda għall-konvivenza bejn il-Palestinjani u l-Lhud fl-Art Imqaddsa u tkun ukoll ta’ fejda għad-disponibbiltà paċenzjuża u l-impenn ta’ kuljum biex tinbena l-bażi ta’ paċi ġusta u dejjiema peremezz ta’ negozjati diretti u sinċieri.  Jalla s-Sid tal-Ħajja jakkumpanja l-isforzi li qed isiru bl-għan li tinstab soluzzjoni definittiva għall-gwerra fl-Ukrajna, jispira u jsostni l-inizjattivi ta’ għajnuna umanitarja, fost kollox il-ħelsien tal-priġunieri.

Jalla l-Mulej Ġesù, il-paċi tagħna (Ef 2,14), li bil-qawmien tiegħu għeleb id-dnub, f’dil-festa tal-Għid iqanqal fina qrubija lejn il-vittmi tat-terroriżmu, forma għamja u brutali ta’ vjolenza li mhix theda xxerred demm innoċenti f’ħafna nħawi tad-dinja, kif ġara m’ilux fl-attentati fil-Belġju, fit-Turkija, fin-Niġerja, fiċ-Chad, fil-Kamerun, fil-Kosta tal-Avorju u fl-Iraq: jalla jkollhom tmiem pożittiv il-fermenti ta’ tama u l-prospettivi ta’ paċi fl-Afrika: qed naħseb partikolarment fil-Burundi, il-Mozambique, ir-Repubblika Denokratika tal-Kongo, u s-Sudan tan-Nofsinhar, maħkumin minn tensjonijiet politiċi u soċjali.

Bl-armi tal-imħabba, Alla għeleb l-egoiżmu u l-mewt: Ibnu Ġesù huwa l-bieb tal-ħniena miftuħa beraħ għal kulħadd.  Jalla l-messaġġ tal-Għid tiegħu jilħaq dejjem aktar lill-poplu Venezwelan fil-kundizzjonijiet diffiċli li jinsab jgħix fihom u jkun fuq kull min għandu f’idejh id-destin tal-pajjiż, biex tkun tista’ ssir ħidma li tiffavorixxi l-kultura tal-laqgħa, il-ġustizzja u r-rispett reċiproku, għax huma biss jistgħu jiggarantixxu l-ġid spiritwali u materjali taċ-ċittadini.

Kristu Rxoxt, ħabbâr tal-ħajja għall-umanità kollha, jidwi matul is-sekli u jistedinna biex ma ninsewx lill-irġiel u n-nisa li jinsabu f’mixja biex isibu futur aħjar, folla li qed tikber dejjem, ta’ migranti u rifuġjati – fosthom bosta tfal – li jaħarbu mill-gwerrer, mill-ġuħ, mill-faqar u mill-inġustizzja soċjali.  Fi triqthom, dawn ħutna spiss wisq jiltaqgħu mal-mewt jew mar-rifjut ta’ min jista’ joffrilhom kenn u għajnuna.  L-appuntament tal-Laqgħa Għolja Umanitarja Dinjija m’għandux jinsa’ jqiegħed fiċ-ċentru lill-persuna umana bid-dinijità tagħha u jiżviluppa politika bil-ħila li tassisti u tħares lill-vittmi tal-kunflitti u ta’ emerġenzi oħra, fuq kollox lil min hu l-aktar dgħajjef u lil min hu persegwitat għal raġunijiet etniċi u reliġjużi.

F’dan il-jum glorjuż, “tifraħ l-art miżgħuda b’tant dija li tgħammex” (Prekonju tal-Għid), imma tant ittrattata ħażin u offiża minħabba l-isfruttament miklub għall-qligħ li jibdel l-ekwilibriji tan-natura.  Qed naħseb speċjalment fiż-żoni milqutin mill-effetti tat-tibdil tal-klima li spiss iġibu n-nixfa jew għarar vjolenti, bil-konsegwenza ta’ kriżijiet tal-ikel f’inħawi differenti tal-pjaneta.

Flimkien ma’ ħutna persegwitati minħabba l-fidi u minħabba l-fedeltà tagħhom lejn l-isem ta’ Kristu, u quddiem il-ħażen li donnu jidher minn fuq fil-ħajja ta’ tant persuni, nisimgħu mill-ġdid il-kelma ta’ faraġ tal-Mulej: “Tibżgħux!  Jien irbaħt id-dinja!” (Ġwanni 16,33).  Illum hu l-jum li jiddi b’din ir-rebħa għax Kristu saħaq il-mewt u bil-qawmien dawwal mill-ġdid il-ħajja u l-immortalità (cfr 2Tim 1,10). “Hu għaddiena mill-jasar għall-ħelsien, mid-dwejjaq għall-ferħ, mil-luttu għall-festa, mid-dlam għad-dawl, mill-iskjavitù għar-redenzjoni.  Għalhekk quddiemu nistqarru: Alleluja! (Melitone minn Sardi, Omelija tal-Għid).

Lil kull min fis-soċjetà tagħna tilef it-tama kollha u l-ferħ tal-ħajja, lill-anzjani li mgħakusin mis-solitudni jħossu l-forzi tagħhom jonqsu, liż-żgħażagħ li donnhom m’għandhomx futur, lil kulħadd intenni kliem l-Irxoxt: Jien inġedded kollox... lil minn hu bil-għatx nagħtih jixrob b’xejn l-ilma mill-għajn tal-ħajja” (Ap 21, 5-6).

Jalla dal-messaġġ ta’ Ġesù, li jqawwi l-qalb, jgħin lil kull wieħed u waħda minna jibda’ mill-ġdid bil-kuraġġ u t-tama biex nibnu toroq ta’ rikonċiljazzjoni ma’ Alla u mal-aħwa.  Għandna tant ħtieġa ta’ dan!

 

Wara l-benedizzjoni Urbi et Orbi

Għeżież ħuti,

Nixtieq inġedded l-awguri tiegħi tal-Għid it-Tajjeb lilkom ilkoll li ġejtu minn Ruma u minn diversi pajjiżi, kif ukoll li kull min hu magħqud magħna permezz tat-televiżjoni, tar-radju u ta’ meżżi ta’ komunikazzjoni oħra.  Jalla fi qlubkom, fil-familji tagħkom u fil-komunitajiet tidwi l-aħbar tal-Qawmien, akkumpanajata mid-dawl sħun tal-preżenza ta’ Ġesù Ħaj: preżenza li tiċċara, ssabbar, taħfer, tehni.....  Kristu rebaħ il-mewt mill-għeruq: huwa l-Bieb tas-Salvazzjoni miftuħ beraħ sabiex kulħadd isib il-ħniena.

Nirringrazzjakom tal-preżenza tagħkom u tal-ferħ tagħkom f’dan il-jum ta’ festa.  Ringrazzjament partikolari jmur għar-rigal tal-fjuri li dis-sena wkoll intbagħtu mill-Olanda.

Wasslu lil kulħadd il-ferħ u t-tama ta’ Kristu Rxoxt.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla tal-Għid it-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan mknn Joe Huber