MESSAĠĠ LILL-BELT U LID-DINJA

TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

MILIED 2019

Loġġa Ċentrali tal-Bażilika Vatikana

L-Erbgħa, 25 ta' Diċembru, 2019

 

«Il-poplu li kien miexi fid-dlam ra dawl kbir» (Iż 9,1).

 

Għeżież ħuti, il-Milied it-tajjeb!

Mill-ġuf tal-Knisja omm, dal-lejl twieled mill-ġdid Iben Alla magħmul bniedem.  Ismu hu Ġesù, li jfisser Alla jsalva.  Il-Missier, Imħabba eterna u bla tmiem, bagħtu fid-dinja mhux biex jagħmel ħaqq minnha imma biex issalva peremzz tiegħu (cfr Ġw. 3, 17).  Alla tahulna bi ħniena bla qies.  Tah lil kulħadd.  Tahulna għal dejjem.  U Hu twieled, qiesu fjamma ċkejkna tixgħel fid-dlam u fil-kesħa tal-lejl.

Dak it-tfajjel, imwieled mill-Verġni Marija, huwa l-Kelma t'Alla magħmula laħam.  Il-Kelma li wriet it-triq lill-qalb ta' Abraham lejn l-art imwiegħda, u għadha tiġbed lejha lil kull min jafda fil-wegħdiet ta' Alla.  Il-Kelma li mexxiet lill-Lhud fil-mixja mill-jasar lejn il-ħelsien u għadha ssejjaħ lill-ilsiera ta' kull żmien, tal-lum ukoll, biex joħorġu mill-ħabsijiet tagħhom.  Hi Kelma li tiddi aktar mix-xemx, inkarnata f'iben ta' bniedem ċkejken, Ġesù, dawl tad-dinja.

Għalhekk il-Profeta jistqarr: «Il-poplu li kien miexi fid-dlam ra dawl kbir» (Iż 9,1).  Iva, hemm id-dlam fi qlub il-bnedmin, imma d-dawl ta' Kristu huwa akbar.  Hemm id-dlam fir-relazzjonijiet personali, familjari, soċjali, iżda d-dawl ta' Kristu jisboqhom.  Hemm id-dlam fil-kunflitti ekonomiċi, ġeopolitiċi u ekoloġiċi, imma d-dawl ta' Kristu hu ferm akbar.

Jalla Kristu jkun dawl għal tant tfal batuti minħabba l-gwerra u l-kunflitti fil-Lvant Nofsani u f'pajjiżi differenti tad-dinja.  Jalla jkun faraġ għal maħbub poplu Sirjan li għadu ma jistax jara t-tmiem tal-ostilità li tul dawn l-għaxar snin ilha jifni l-pajjiż.  Jalla jċaqlaq il-kuxjenza tal-bnedmin ta' rieda tajba.  Jalla lill-governanti u lill-komunità internazzjonali jidawwalhom biex isibu soluzzjonijiet li jiggarantixxu s-sigurtà u l-konvivenza paċifika bejn il-popli tar-Reġjun u jġib fi tmiemhom it-tbatijiet li ma jitwemmnux li għaddejjin minnhom.  Jalla jkun sostenn għall-poplu Libaniż sabiex ikun jista joħroġ mill-kriżi ta' bħalissa u jiskopri mill-ġdid il-vokazzjoni tiegħu li jkun messaġġ ta' libertà u koeżistenza armonjuża bejn kulħadd.

Jalla l-Mulej Ġesù jkun dawl għall-Art Imqaddsa fejn Huwa twieled, Salvatur tad-dinja, u fejn ħafna għadhom jistennew, minkejja l-għeja imma bla ma jitilfu l-fiduċja, jiem ta' paċi, ta' sigurtà u ta' riżq.  Jalla jkun faraġ għall-Iraq, mifrud minħabba tensjonijiet soċjali, u għal Yemen, mikdud minn kriżi umanitarja ta' bla qies. 

Jalla ċ-ċkejken Bambin ta' Betlem ikun tama għall-kontinent Amerikan kollu, fejn diversi nazzjonijiet għaddejjin minn staġun ta' taqlib soċjali u politiku kbir.  Jalla jaħji lill-għażiż poplu Venezwelan, li ilu mifni żmien twil min tensjonijiet politiċi u soċjali u jalla ma jħallihomx neqsin mill-meħtieġ.  Jalla jbierek l-isforzi ta' kull min hu impenjat biex iġib il-ġustizzja u r-rikonċiljazzjoni sabiex jingħelbu l-kriżijiet varji u l-ħafna għamliet ta' faqar li joffendu d-dinjità ta' kull persuna.

Jalla r-Redentur tad-dinja jkun dawl għall-għażiża Ukrajna, imxennqa għal soluzzjonijiet konkreti ta' paċi dejjiema.

Il-Mulej li twieled, jalla jkun dawl għall-popli tal-Afrika, fejn ma jaqtgħu xejn sitwazzjonijiet soċjali u politiċi li spiss iġagħalu lin-nies jemigraw u b'hekk jiċċaħdu mid-dar u mill-familja.  Jalla jkun paċi għall-popolazzjoni li tgħammar fir-reġjunijiet orjentali tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, mifluġa minn kunflitti bla heda.  Jalla jkun faraġ għal kull min isofri minħabba l-vjolenza, it-traġedji naturali jew l-emerġenzi tas-saħħa.  Jalla jkun faraġ għal kull min hu persegwitat minħabba l-fidi reliġjuża li jħaddan, speċjalment il-missjunarji u l-fidili maħtufa, u għal kull min jisfa vittma ta' attakki minn gruppi estremisti, l-aktar fil-Burkina Faso, il-Mali, in-NIġer u n-Niġerja.

Iben Alla li ġie fid-dinja mis-Sema, jalla jkun difiża u bastun għal min, minħabba dawn l-inġustizzji u oħrajn, ikollu jemigra bit-tama ta' ħajja aktar żgura.  Hija l-inġustizzja li ġġagħalhom  jaqsmu deżerti u ibħra, li nbidlu f'ċimiterji.  Hija l-inġustizzja li tagħmilhom vittmi ta' abbużi ma jitwemmnux, jasar ta' kull xorta u torturi fil-kampijiet ta' detenzjoni diżumani.  Hija l-inġustizzja li tirroftahom minn postijiet fejn jistgħu jkollhom tama ta' ħajja dinjituża u minflok, isibu ma' wiċċhom ħitan ta' indifferenza.

Jalla l-Emanuel ikun dawl għall-umanità kollha miġrugħa.  Iħollilna qalbna, spiss iebsa bl-egoiżmu, u jagħmilhielna strument tal-imħabba tiegħu.  Bis-saħħa tal-wiċċ imsejken tagħna, jalla jagħti t-tbissima tiegħu lit-tfal kollha tad-dinja: lil dawk abbandunati u lil dawk li ġarrbu l-vjolenza.  Permezz tad-dirgħajn dgħajfa tagħna, jalla jlibbes lill-foqra li m'għandhomx għata, jagħti l-ħobż lill-imġewħin, idewwi lill-morda.  Bis-saħħa tal-kumpanijja fraġli tagħna jalla jkun qrib il-persuni anzjani u min hu waħdu, tal-migranti u l-imwarrbin.  F'dal-jum ta' festa, jalla jagħti lil kulħadd it-tenerezza tiegħu u jġib id-dawl fid-dalmijiet ta' din id-dinja.

 

Għeżież ħuti,

inġedded l-awguri tiegħi tal-Milied it-Tajjeb lilkom ilkoll, li ġejtu minn kull rokna tad-dinja f'dil-pjazza, u lil kull min f'pajjiżi differenti, hu magħqud magħna permezz tar-radju, it-televixin u l-mezzi l-oħra tal-komunikazzjoni.  Irroddilkom ħajr tal-preżenza tagħkom f'dan il-jum ta' ferħ.

Ilkoll imsejħin biex nagħtu t-tama lid-dinja billi nħabbru bil-kelma u, fuq kollox, bix-xhieda ta' ħajitna, li twieled Ġesù, il-paċi tagħna.

Tinsewx, jekk jogħġobkom, titolbu għalija.  L-ikla tal-Milied it-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber