Għeżież ħuti, il-Milied it-tajjeb!

 

F’Betlehem, mill-Verġni Marija, twieled Ġesù. Ma twilidx b’xi rieda tal-bnedmin, imma b’don tal-imħabba ta’ Alla l-Missier, li “hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3:16).

 

Din il-ġrajja qed tiġġedded illum fil-Knisja, pellegrina fiż-żmien: il-fidi tal-poplu Nisrani terġa’ tgħix fil-liturġija tal-Milied il-misteru ta’ Alla li jiġi, li jieħu l-ġisem tagħna li jmut, li jiċċekken u jiftakar biex jifdina. U dan jimliena bit-tqanqil, għax hi kbira wisq il-ħlewwa tal-Missier tagħna.

 

L-ewwel li raw il-glorja umli tal-Feddej, wara Marija u Ġużeppi, kienu r-ragħajja ta’ Betlehem. Għarfu s-sinjal imħabbar lilhom mill-anġli u niżlu jqimu lit-Tarbija. Dawk l-irġiel umli imma mqajma kienu eżempju għal dawk li f’kull żmien jemmnu, għax, quddiem il-misteru ta’ Ġesù, ma ħadux skandlu bil-faqar tiegħu, imma, bħal Marija, jafdaw fil-kelma ta’ Alla u b’għajnejn sempliċi jikkontemplaw il-glorja tiegħu. Quddiem il-misteru tal-Verb magħmul bniedem, l-Insara ta’ kullimkien jistqarru, bi kliem l-Evanġelista Ġwanni: “Aħna rajna l-glorja tiegħu, il-glorja li għandu mill-Missier bħala Ibnu l-waħdieni, mimli bil-grazzja u l-verità” (1:14).

 

Illum, waqt li qed jonfħu madwarna rjieħ ta’ gwerra, u mudell ta’ żvilupp illum issuperat għadu jipproduċi t-tkissir uman, soċjali u ambjentali, il-Milied ifakkarna fis-sinjal tat-Tarbija, u biex nagħrfuh fl-uċuħ tat-tfal, speċjalment ta’ dawk li għalihom, kif kien għal Ġesù, “ma hemmx post fil-lukanda” (Lq 2:7).

 

Nilmħu lil Ġesù fit-tfal tal-Lvant Nofsani, li għadhom qed ibatu minħabba fl-intensifikazzjoni tat-tensjonijiet bejn il-Lhud u l-Palestinjani. F’dan il-jum ta’ festa ejjew nitolbu lill-Mulej il-paċi għal Ġerusalemm u għall-Art Imqaddsa kollha; nitolbu biex bejn iż-żewġ naħat tinħoloq ir-rieda li jerġa’ jkun hemm djalogu u fl-aħħar tista’ tintlaħaq soluzzjoni nnegozjata li tagħti lok għal koeżistenza paċifika bejn iż-żewġ Stati fi ħdan konfini miftiehma bejniethom u rikonoxxuti internazzjonalment. Il-Mulej iwieżen ukoll l-isforz ta’ dawk kollha fil-Komunità internazzjonali li b’rieda tajba jgħinu lil din l-art mifnija biex, minkejja x-xkiel kbir, issib il-ftehim, il-ġustizzja u s-sigurtà li ilha tixxennaq għalihom żmien twil.

 

Nilmħu lil Ġesù fl-uċuħ tat-tfal Sirjani, li għadhom immarkati mill-gwerra li ċappset bid-demm lil dan il-pajjiż tul dawn is-snin kollha. Jalla l-maħbuba Sirja saflaħħar issib mill-ġdid ir-rispett tad-dinjità ta’ kull persuna, permezz ta’ impenn komuni biex tibni mill-ġdid it-tessut soċjali indipendentement mill-appartenenza etnika u reliġjuża. Nilmħu lil Ġesù fit-tfal tal-Iraq, li għadu miġruħ u maqsum mill-ostilitajiet li laqtuh fl-aħħar ħmistax-il sena, u fit-tfal tal-Yemen, fejn għaddej ġlied fil-parti l-kbira minsi, b’implikazzjonijiet umanitarji qawwija fuq il-popolazzjoni li qed tbati l-ġuħ u t-tixrid tal-mard.

 

Nilmħu lil Ġesù fit-tfal tal-Afrika, fuq kollox f’dawk li qed ibatu fis-Sudan ta’ Isfel, fis-Somalja, fil-Burundi, fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, fir-Repubblika tal-Afrika Ċentrali u fin-Niġerja.

 

Nilmħu lil Ġesù fit-tfal tad-dinja kollha fejn il-paċi u s-sigurtà huma mhedda mill-periklu tat-tensjonijiet u kunflitti ġodda. Nitolbu li fil-peniżula Koreana jistgħu jiġu megħluba l-kuntrasti u toktor il-fiduċja reċiproka li hi fl-interess tad-dinja kollha. Lil Ġesù Tarbija nafdawlu l-Veneżwela biex tista’ terġa’ lura għal konfront seren bejn id-diversi komponenti soċjali għall-ġid tal-poplu maħbub kollu tal-Veneżwela. Nilmħu lil Ġesù fit-tfal li, flimkien mal-familji tagħhom, qed iġarrbu l-vjolenzi tal-kunflitt fl-Ukrajna u r-riperkussjonijiet gravi umanitarji tiegħu, u nitolbu biex il-Mulej ma jdumx ma jrodd il-paċi lil dak il-pajjiż għażiż.

 

Nilmħu lil Ġesù fit-tfal li l-ġenituri tagħhom huma bla xogħol u qed ibatu biex jistgħu joffru lil uliedhom futur fiż-żgur u seren. U f’dawk li ġew misruqa mit-tfulija tagħhom, obbligati jaħdmu sa minn ċkunithom jew reklutati bħala suldati minn merċenarji bla skrupli.

 

Nilmħu lil Ġesù fil-ħafna tfal li jkollhom iħallu pajjiżhom, biex jivvjaġġaw waħidhom f’kundizzjonijiet xejn umani, priża faċli għat-traffikanti tal-essri umani. F’għajnejhom nilmħu t-traġedja ta’ tant immigranti sfurzati li jirriskjaw saħansitra ħajjithom biex jaffrontaw vjaġġi tal-biża’ li xi drabi jispiċċaw fi traġedja. Nerġa’ nilmaħ lil Ġesù fit-tfal li ltqajt magħhom fl-aħħar vjaġġ tiegħi fil-Myanmar u l-Bangladesh, u nawgura li l-Komunità internazzjonali ma tiqafx taħdem biex id-dinjità tal-minoranzi preżenti fir-Reġjun tkun imħarsa kif jixraq. Ġesù jaf tajjeb xi tfisser it-tbatija li ma tiġix milqugħ u l-għeja għax ma għandekx post fejn tista’ sserraħ rasek. Jalla qalbna ma tingħalaqx kif kienu magħluqa d-djar ta’ Betlehem.

 

Għeżież ħuti,

 

Anki aħna qed naraw is-sinjal tal-Milied: “tarbija mfisqija…” (Lq 2:12). Bħall-Verġni Marija u San Ġużepp, bħar-ragħajja ta’ Betlehem, ejjew f’Ġesù Tarbija nilqgħu l-imħabba ta’ Alla magħmul bniedem għalina, u nħabirku biex, bil-grazzja tiegħu, nagħmlu d-dinja tagħna iżjed umana, iżjed denja tat-tfal tal-lum u ta’ għada.

 


 

Lilkom, għeżież ħuti, li minn kull parti tad-dinja ġejtu f’din il-Pjazza, u lilkom kollha li mid-diversi pajjiżi tinsabu magħqudin magħna permezz tar-radju, it-televiżjoni, u l-mezzi l-oħra ta’ komunikazzjoni, mill-qalb nagħtikom l-awguri tiegħi.

 

It-twelid ta’ Kristu l-Feddej iġedded lil qlubkom, iqanqal ix-xewqa li nibnu futur iżjed fratern u solidali, iwassal għand kulħadd ferħ u tama. Il-Milied it-tajjeb!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard