“Glorja lil Alla fl-għoli tas-smewwiet u paċi fl-art lill-bnedmin li jogħġbu lilu” (Lq 2:14).

Għeżież ħuti Rumani u fid-dinja kollha, l-għodwa t-tajba u l-Milied it-tajjeb!

Nagħmel tiegħi l-għana ta’ l-anġli, li dehru lir-rgħajja ta’ Betlehem fil-lejl li fih twieled Ġesù.  Għana li jgħaqqad flimkien sema u art, billi jgħolli lejn is-sema t-tifħir u l-glorja, u lill-art tal-bnedmin jagħtiha l-awgurju tal-paċi.

Nistedinkom ilkoll tingħaqdu ma’ dan l-għana: dan l-għana hu għal kull raġel u mara li jishru matul il-lejl, li jittamaw f’dinja aħjar, li jieħdu ħsieb ta’ l-oħrajn billi bl-umiltà jfittxu li jwettqu dmirhom.

Glorja lil Alla!

Għal dan isejħilna qabel kollox il-Milied: biex nagħtu glorja lil Alla, għaliex hu tajjeb, hu fidil, hu ħanin.  F’dan il-jum nawguralkom ilkoll li tagħrfu l-veru wiċċ ta’ Alla, il-Missier li tana lil Ġesù.  Nawguralkom ilkoll li tħossu lil Alla qrib tagħkom, li toqogħdu fil-preżenza tiegħu, li tħobbuh, li tadurawh.

U kull wieħed u waħda minna jista’ jagħti glorja lil Alla fuq kollox b’ħajtu, b’ħajja mgħoddija fi mħabba lejh u lejn  l-aħwa.

Paċi lill-bnedmin.

Il-paċi vera – dan nafuh – m’hix bilanċ bejn qawwiet kuntrarji.  M’hix xi “faċċata” sabiħa, li warajha hemm biss kuntrasti u qasmiet.  Il-paċi titlob impenn ta’ kuljum, imma li nibnu l-paċi hi arti, għax niksbuha jekk nitilqu mid-don ta’ Alla, mill-grazzja tiegħu li tana f’Ġesù Kristu.

Aħna u nħarsu lejn il-Bambin fil-presepju, tarbija mimlija sliem, naħsbu fit-tfal li huma l-vittmi l-aktar dgħajfa tal-gwerer, imma naħsbu wkoll fl-anzjani, fin-nisa ttrattati ħażin, fil-morda…  Il-gwerer ifarrku u jfieru tant ħajjiet!

Fl-aħħar żmien farrak ħafna minn dawn il-kunflitt fis-Sirja, li ħeġġeġ il-mibegħda u l-vendetta.  Inkomplu nitolbu lill-Mulej biex jeħles lill-maħbub poplu Sirjan minn sofferenzi oħra u biex il-partijiet f’kunflitt iwaqqfu kull vjolenza u jiggarantixxu l-aċċess lill-għajnuniet umanitarji.  Rajna kemm hu b’saħħtu t-talb!  U nifraħ li l-lum ma’ din il-karba tagħna għall-paċi fis-Sirja qed jissieħbu anki membri ta’ bosta konfessjonijiet reliġjużi oħra.  Ma nitilfu qatt il-kuraġġ tat-talb!  Il-kuraġġ li llissnu: Mulej, agħti l-paċi lis-Sirja u lid-dinja kollha.  U nistieden anki lil dawk li ma jemmnux biex jixtiequ l-paċi, b’dik ix-xewqa tagħhom, dik ix-xewqa li twessa’ l-qalb: ilkoll magħquda, jew bit-talb jew bix-xewqa ta’ qalbna.  Imma lkoll kemm aħna, għall-paċi.

Agħti l-paċi, Bambin, lir-Repubblika ta’ l-Afrika Ċentrali, spiss minsija mill-bnedmin.  Imma int, Mulej, lil ħadd ma tinsa!  U trid iġġib il-paċi anki f’dik l-art, imbiċċra minn tant vjolenza u miżerja, fejn tant persuni huma bla dar, ilma u ikel, mingħajr il-minimu li jeħtieġu biex jgħixu.  Ġib il-ftehim fis-Sudan ta’ Isfel, fejn it-tensjonijiet ta’ bħalissa diġà pprovokaw wisq vittmi u qed jheddu l-konvivenza paċifika ta’ dan l-Istat żagħżugħ.

Int, Prinċep tal-paċi, dawwar lura l-qalb tal-vjolenti kull fejn jinsabu biex iċedu l-armi u jaqbdu t-triq tad-djalogu.  Ħares lin-Niġerija, imtertqa minn attakki kontinwi li m’huma jeħilsuha lanqas lill-innoċenti u lil dawk li m’għandhomx min jaqbeż għalihom.  Bierek dik l-Art li għażilt biex fiha tiġi fid-dinja u wassal għal għeluq hieni n-negozjati ta’ paċi bejn il-Lhud u l-Palestinjani.  Fejjaq il-ġrieħi tal-maħbub Iraq, milqut għal darb’oħra minn attentati frekwenti.

Int, Sid il-ħajja, ħares lil dawk kollha li qed jiġu ppersegwitati minħabba fl-isem tiegħek.  Agħti tama u faraġ lill-maħruba u lir-rifuġjati, speċjalment fis-Sieq ta’ l-Afrika u fil-lvant tar-Repubblika Demokratika tal-Congo.  Agħmel li l-immigranti li qed ifittxu ħajja dinjituża jsibu min jilqagħhom u jgħinhom.  Ħalli ma jseħħu qatt iżjed traġedji bħal dawk li assistejna għalihom din is-sena, b’dak l-għadd ta’ mejtin f’Lampedusa!

O Tarbija ta’ Betlehem, miss il-qlub ta’ dawk kollha involuti fit-traffikar tal-bnedmin, biex jintebħu bil-gravità ta’ dan id-delitt kontra l-umanità.  Ħares lejn tant tfal li qed jiġu maħtufa, feruti u maqtula fil-kunflitti armati, u lejn dawk kollha li jiġu mġiegħla jidħlu suldati, misruqa mill-istess tfulija tagħhom.

Sid tas-sema u ta’ l-art, ħares lejn din il-pjaneta tagħna, li spiss ir-regħba u l-kilba tal-bnedmin għall-flus qed tisfrutta bla ebda distinzjoni.  Għin u ħares lil dawk kollha li sfaw vittmi tad-diżastri naturali, fuq kollox l-għażiż poplu Filippin, milqut hekk gravament mill-aħħar tifun.

Għeżież ħuti, f’din id-dinja, f’din l-umanità l-lum twieled il-Feddej, li hu Kristu l-Mulej.  Nieqfu quddiem il-Bambin ta’ Betlehem.  Inħallu l-qalb tagħna titqanqal: ejjew ma nibżgħux minn dan.  Ma nibżgħux li l-qalb tagħna titqanqal!  Għandna bżonn li qalbna titqanqal.  Inħalluha tisħon bil-ħlewwa ta’ Alla; għandna bżonn tal-karezzi tiegħu.  Il-karezzi ta’ Alla ma joħolqux ġrieħi: il-karezzi ta’ Alla jagħtuna paċi u qawwa.  Għandna bżonn tal-karezzi tiegħu.  Alla hu kbir fi mħabbtu, Lilu l-ġieħ u l-glorja għal dejjem ta’ dejjem!  Alla hu paċi: nitolbuh jgħinna nibnuha kuljum, f’ħajjitna, fil-familji tagħna, fil-bliet u l-pajjiżi tagħna, fid-dinja kollha.  Inħallu t-tjieba ta’ Alla tqanqalna.


Awgurju tal-Milied wara l-Messaġġ Urbi et Orbi

Lilkom, għeżież ħuti, li ġejtu f’din il-Pjazza minn kull naħa tad-dinja, u lil dawk kollha minn Pajjiżi differenti li jinsabu magħqudin magħna permezz tal-mezzi tal-komunikazzjoni, nagħti l-awgurju tiegħi: il-Milied it-tajjeb!

F’dan il-jum imdawwal mit-tama tal-Vanġelu ħierġa mill-għar ċkejken ta’ Betlehem, nitlob fuq kulħadd id-don tal-ferħ u l-paċi tal-Milied: għat-tfal u għall-anzjani, għaż-żgħażagħ u għall-familji, għall-foqra u għall-imwarrbin.  Ġesù, imwieled għalina, ifarraġ lil dawk kollha li huma maħkuma mill-mard u mit-tbatija; jieqaf ma’ dawk kollha li qed jiddedikaw ħajjithom għas-servizz ta’ ħuthom l-iżjed fil-bżonn.  Il-Milied it-tajjeb lil kulħadd!

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard