Għeżież ħuti,
L-Għid it-tajjeb!

Illum fid-dinja kollha, il-Knisja ġġedded it-tħabbira mimlija meravilja tal-ewwel dixxipli: “Ġesù qam!” – “Qam tassew kif kien qal!”

Il-festa antika tal-Għid, memorjal tal-ħelsien tal-poplu Lhudi mill-iskjavitù, hawnhekk tilħaq il-milja tagħha: bil-qawmien tiegħu, Ġesù Kristu ħelisna mill-jasar tad-dnub u tal-mewt u fetħilna t-triq tal-ħajja ta’ dejjem.

Kull meta nħallu d-dnub jirkibna, ilkoll kemm aħna nitilfu t-triq it-tajba u nibdew inħufu ‘l hawn u ‘l hinn bħal nagħaġ mitlufa.  Imma Alla nnifsu, ir-Ragħaj tagħna, ġie jfittixna u biex isalvana ċċekken sal-umlijazzjoni tas-salib. U llum nistgħu nistqarru: «Qam mill-mewt ir-Ragħaj it-tajjeb li minħabba l-merħla tiegħu ħa mal-mewt. Alleluja!» (Missal Ruman, IV, Ħadd il-Għid, antifona tal-Komunjoni).

Matul iż-żminjiet, ir-Ragħaj irxuxtat qatt ma jehda jfittixna, lilna ħutu mitlufin fid-deżert tad-dinja.  U bis-sinjali tal-Passjoni – il-ġrieħi ta’ mħabbtu mimlija ħniena – jiġbidna lejn it-triq tiegħu, it-triq tal-ħajja.  Ilum ukoll Hu jieħu fuq spallejh tant ħutna mgħakksin bil-ħażen fl-għamliet diversi tiegħu.

Il-Ragħaj irxuxtat imur ifittex lil min hu mitluf fil-labirinti tas-solitudni u l-emarġinazzjoni; imur jiltaqa’ magħhom permezz tal-aħwa li jafu jersqu lejhom bir-rispett u t-tenerezza u lil dawn il-persuni jsemmgħalhom leħnu, leħen qatt minsi, li jerġa’ jsejħilhom lura lejn il-ħbiberija ma’ Alla.

Hu jġorr il-piż ta’ min hu vittma tal-jasar l-antik u l-ġdid: xogħol diżuman, traffikar illeċitu, sfruttament u diskriminazzjoni, dipendenzi gravi.  Iġorr il-piż tat-tfal u l-adoloxxenti li tinsterqilhom is-serenità tagħhom għax jisfaw sfruttati; u ta’ min għandu qalbu miġrugħa minħabba l-vjolenza li jġarrab bejn il-ħitan ta’ daru.

Ir-Ragħaj irxuxtat jakkumpanja għal-għonq it-triq li dawk li jkollhom jitilqu minn artijiethom minħabba l-kunflitti bl-armi, attakki terroristiċi, karestiji, reġimi oppressivi.  Lil dawn il-migranti, maħrubin ta’ bilfors, Hu jlaqqagħhom ma’ aħwa taħt kull sema, biex jaqsmu l-ħobż u t-tama fil-mixja komuni.

Fost l-avvenimenti kumplessi u kultant drammatiċi tal-popli, jalla l-Mulej irxuxtat imexxi l-passi ta’ min ifittex il-ġustizzja u l-paċi; u jalla jagħti lil min hu responsabbli min-Nazzjonijiet, il-kuraġġ biex jevita t-tifrix tal-kunflitti u jwaqqaf it-traffikar tal-armi.

F’dawn iż-żminijiet, jalla b’mod partikolari, isostni l-isforzi ta’ kull min hu mpenjat attivament biex iwassal is-serħan u l-faraġ lill-popolazzjoni ċivili tas-Sirja, il-maħbuba u turmentata Sirja, vittma ta’ gwerra li għad ma hedietx tiżra’ orrur u mewt.  L-aħħar attakk ta’ stmellija fuq turufnati maħruba li ħalla għadd kbir ta’ mejtin u feruti, sar ilbieraħ stess.  Jalla jġib il-paċi lill-Lvant Nofsani kollu, ibda mill-Art Imqaddsa, kif ukoll lill-Iran u lill-Yemen.

Jalla ma tonqosx il-qrubija tar-Ragħaj it-tajjeb lejn il-popolazzjonijiet tas-Sudan tan-Nofsinhar, tas-Sudan, tas-Somalja, u tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, li qed isofru minħabba kunflitti li m’hemmx li jieqfu u li qed jiħraxu minħabba l-karestija li qed tolqot lil ċertu reġjuni tal-Afrika.

Jalla Ġesù Rxoxt isostni l-isforzi ta’ min, speċjalment fl-Amerika Latina, hu mpenjat għall-ġid komuni tas-soċjetajiet, bosta drabi mmarkati minn tensjonijiet politiċi u soċjali li f’xi każi jispiċċaw fi vjloenza.  Jalla jkunu jistgħu jinbnu pontijiet ta’ djalogu, billi jippersistu fit-taqbida kontra l-pjaga tal-korruzzjoni u t-tiftix ta’ soluzzjonijiet paċifiċi validi għall-kontroversji, ħalli l-istituzzjonijiet demokratiċi jimxu ‘l quddiem u jissaħħu b’rispett sħiħ lejn l-istat tad-dritt.

Jalla r-Ragħaj it-Tajjeb jgħin lill-Ukrajna, li għadha tbati minħabba kunflitt imdemmi, biex issib mill-ġdid l-armonija, u jakkumpanja l-inizjattivi li għandhom l-għan li jtaffu d-dramm ta’ min qed isofri l-konsegwenzi.

Jalla l-Mulej irxuxtat, li qatt ma jehda jfawwar il-kontinent Ewropew bil-barka tiegħu, jagħti t-tama li kull min għaddej minn waqtiet ta’ kriżi u diffikultajiet, speċjalment minħabba n-nuqqs kbir ta’ xogħol l-aktar għaż-żgħażagħ.

Għeżież ħuti, bħala Nsara ta’ kull konfessjoni, dis-sena qed niċċelebraw l-Għid flimkien.  F’kull rokna tal-art tidwi għalhekk b’leħen wieħed l-isbaħ tħabbira: «Il-Mulej qam tassew kif kien qal!».  Jalla Hu, li għeleb id-dlamijiet tad-dnub u tal-mewt jagħti l-paċi lil jiemna.

L-Għid it-tajjeb!

 

Għeżież ħuti,

Nagħti l-awguri tiegħi tal-Għid it-tajjeb lilkom lkoll li nġbartu hawn mill-Italja u minn diversi pajjiżi, kif ukoll lil kull min hu magħqud permezz tal-mezzi tal-komunikazzjoni.  Jalla l-aħbar tal-Għid ta’ Kristu Rxoxt terġa’ tkebbes it-tamiet tal-familji tagħkom u tal-komunitajiet tagħkom, partikolarment lill-ġenerazzjonijiet il-ġodda li huma l-futur tal-Knisja u tal-umanità.

Ringrazzjament speċjali jmur lejn dawk kollha li taw u li rranaġaw id-dekorazzjonijiet tal-fjuri, li dis-sena wkoll ġew mill-Olanda.

Jalla kull jum intom tħossu l-preżenza tal-Mulej irxuxtat u taqsmu t-tama li jirregalalna Hu mal-oħrajn.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-festa t-tajba u arrivederci!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber