Għeżież ħuti, l-Għid it-tajjeb!

 

Ġesù Kristu qam mill-mewt!

 

L-imħabba rebħet fuq il-mibegħda, il-ħajja għelbet il-mewt, id-dawl keċċa lid-dlam!

 

Ġesù Kristu, għall-imħabba tagħna, tneżża’ mill-glorja divina tiegħu; xejjen lilu nnifsu, ħa n-natura ta’ lsir u ċċekken sal-mewt, anzi, sal-mewt tas-salib.  Għalhekk Alla għollieh u għamlu Sid ta’ l-univers.  Ġesù hu l-Mulej!

 

Bil-mewt u l-qawmien tiegħu, Ġesù juri lil kulħadd it-triq tal-ħajja u ta’ l-hena: din it-triq hi l-umiltà, li titlob magħha l-umiljazzjoni.  Din hi t-triq li twassal għall-glorja.  Min jumilja ruħu biss jista’ jsib il-“ħwejjeġ tas-Sema”, lil Alla (ara Kol 3:1-4).  Il-kburi jħares “minn fuq għal isfel”, l-umli jħares “minn isfel għal fuq”.

 

Fl-għodwa ta’ l-Għid, wara li ġew mgħarrfa min-nisa, Pietru u Ġwanni ġrew lejn il-qabar u sabuh miftuħ u vojt.  Għalhekk resqu aktar fil-qrib u “tbaxxew” biex setgħu jidħlu fil-qabar.  Biex nidħlu fil-misteru jeħtieġ “nitbaxxew”, niċċekknu.  Min jiċċekken biss jista’ jifhem il-glorifikazzjoni ta’ Ġesù u jimxi warajh fit-triq tiegħu.

 

Id-dinja tipproponilna li nimponu ruħna, hu x’inhu l-prezz, nikkompetu, nuru x’niswew…  Imma l-Insara, għall-grazzja ta’ Kristu mejjet u rxuxtat, huma r-rimja ta’ umanità oħra, li fiha nfittxu li ngħixu għall-qadi ta’ xulxin, li ma nkunux arroganti imma disponibbli u rispettużi.

 

Din m’hix dgħufija, imma l-qawwa vera!  Min iġorr fih il-qawwa ta’ Alla, l-imħabba tiegħu u l-ġustizzja tiegħu, m’għandux bżonn juża vjolenza, imma jitkellem u jaġixxi bil-qawwa tal-verità, tal-ġmiel u ta’ l-imħabba.

 

Minn Kristu Rxoxt nitolbu l-lum il-grazzja li ma nċedu qatt għal dik il-kburija li tagħti n-nar lill-vjolenza u l-gwerra, imma li jkollna l-kuraġġ umli tal-maħfra u tal-paċi.  Lil Ġesù rebbieħ nitolbuh itaffi t-tbatijiet ta’ tant ħutna ppersegwitati minħabba f’ismU, kif ukoll ta’ dawk kollha li qed ibatu inġustament il-konsegwenzi tal-kunflitti u tal-vjolenzi li għaddejjin.  Hemm ħafna!

 

Nitolbu l-paċi qabel xejn għall-maħbuba Sirja u għall-Iraq, biex jieqaf l-istorbju ta’ l-armamenti u terġa’ titwaqqaf il-konvivenza xierqa bejn id-diversi gruppi li jsawru dawn il-pajjiżi maħbuba.  Jalla l-komunità internazzjonali ma tibqax wieqfa quddiem it-traġedja umanitarja kbira f’dawn il-pajjiżi u d-dramma ta’ għadd hekk kbir ta’ rifuġjati.

 

Il-paċi nitolbu għal dawk kollha li jgħixu fl-Art Imqaddsa.  Ħa toktor bejn il-Lhud u l-Palestinjani l-kultura tal-laqgħa u jerġa’ jibda l-proċess ta’ paċi biex hekk jintemmu snin twal ta’ tbatijiet u firdiet.

 

Il-paċi nitolbu għal-Libja, biex jieqaf dan it-tixrid assurd ta’ demm u kull vjolenza barbarika, u dawk li għandhom għal qalbhom il-futur tal-pajjiż iħabirku biex jiffavorixxu r-rikonċiljazzjoni u biex jibnu soċjetà fraterna li tirrispetta d-dinjità tal-persuna.  Anki fil-Yemen nawguraw li jkun hemm rieda komuni ta’ paċifikazzjoni għall-ġid tal-popolazzjoni kollha.

 

Fl-istess waqt, b’tama kbira nafdaw f’idejn il-Mulej, li hu ta’ ħniena hekk kbira, il-ftehim li ntlaħaq f’dawn il-jiem f’Losanna, biex dan ikun pass defenittiv lejn dinja iżjed żgura u fraterna.

 

Minn għand Kristu Rxoxt nitolbu d-don tal-paċi għan-Niġerja, għas-Sudan ta’ Isfel u għal bosta reġjuni tas-Sudan u tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo.  Talba bla waqfien titla’ ’l fuq mill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba għal dawk li tilfu ħajjithom – maqtula l-Ħamis li għadda fl-Università ta’ Garissa, il-Kenja –, għal dawk li ġew maħtufa, għal min kellu jħalli daru u ġidu.

 

Ħalli l-Qawmien tal-Mulej iġib id-dawl lill-maħbuba Ukrajna, fuq kollox lil dawk li ġarrbu l-vjolenzi tal-kunflitt ta’ l-aħħar xhur.  Jalla dan il-pajjiż isib mill-ġdid il-paċi u t-tama grazzi għall-impenn tal-partijiet kollha interessati.

 

Paċi u libertà nitolbu għal tant irġiel u nisa suġġetti għal forom ġodda u qodma ta’ jasar min-naħa ta’ persuni u organizzazzjonijiet kriminali.  Paċi u libertà għall-vittmi tat-traffikanti tad-droga, ħafna drabi alleati ma’ qawwiet li suppost jiddifendu l-paċi u l-armonja fil-familja umana.  U paċi nitolbu għal din id-dinja mifnija mit-traffikanti ta’ l-armamenti, li jiggwadanjaw minn fuq dahar tant irġiel u nisa.

 

Lill-emarġinati, lill-ħabsin, lill-foqra u lill-immigranti li spiss huma rrifjutati, ittrattati ħażin u mormija; lill-morda u dawk li qed ibatu; lit-tfal, speċjalment dawk li qed iġarrbu vjolenza; lil dawk kollha li l-lum qegħdin f’luttu; lill-irġiel u nisa kollha ta’ rieda tajba, ħa jaslilhom il-leħen li jfarraġ u jfejjaq tal-Mulej Ġesù: “Il-Paċi magħkom!” (Lq 24:36), “La tibżgħux, jiena qomt mill-mewt u sa nkun dejjem magħkom!” (ara Missal Ruman, Antifona tad-dħul ta’ nhar l-Għid).

 

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard