Għeżież ħuti. L-Għid it-tajjeb!

 

Ġesù qam mill-mewt.

Tidwi fil-Knisja u fid-dinja kollha din l-aħbar flimkien mal-kant tal-Alleluia: Ġesù hu l-Mulej, il-Missier qajjmu u Hu ħaj għal dejjem fostna.

Ġesù nnifsu kien ħabbar mewtu u l-qawmien tiegħu bix-xbieha tal-ħabba tal-qamħ.  Kien jgħid: “Jekk il-ħabba tal-qamħ, li taqa’ fl-art, ma tmutx, tibqa’ waħedha; iżda jekk tmut, tagħmel ħafna frott” (Ġw. 12,24).  hekkhu, dan hu propju dak li ġara: Ġesù, il-ħabba tal-qamħ miżrugħha fir-raddiet tal-art, mietet, maqtula mid-dnub tad-dinja, baqgħet jumejn fil-qabar; iżda f’dik il-mewt tiegħu kien hemm il-qawwa kollha tal-imħabba ta’ Alla, li ħarġet u wriet ruħha fit-tielet jum, dak li qed niċċelebraw illum: l-Għid ta’ Kristu l-Mulej.

Aħna l-insara nemmnu u nafu li l-qawmien ta’ Kristu huwa l-veru tama tad-dinja, dik li ma tiddiżappuntaniex.  Hija l-qawwa tal-ħabba tal-qamħ, dik l-imħabba li tiċċekken u tingħata sal-aħħar, u li verament iġġedded id-dinja.  Din il-qawwa tagħti l-frott illum ukoll fir-raddiet tal-istorja tagħna, mtebba’ minn tant inġustizzji u vjolenza.  Iġġib magħha l-frott tat-tama u dinjità, hemm, fejn tinsab il-miżerja u l-esklużjoni, fejn hemm il-ġuħ u n-nuqqas ta’ xogħol, fost l-itturufnati u r-rifuġjati – tant drabi rruftati mill-kultura tal-iskart, u fost il-vittmi tat-traffikar tad-drogi, tat-traffikar tal-persuni u tal-iskjavitù ta’ żminijietna.

U llum aħna nitolbu l-frott tal-paċi fuq id-dinja kollha, ibda mill-maħbuba u turmentata Sirja, li l-popolazzjoni tagħha hi mifnija minn gwerra li ma tafx bi tmiem.  Jalla f’dal-Għid, id-dawl ta’ Kristu Rxoxt idawwal il-kuxjenzi ta’ kull min hu politikament u militarment responsabbli sabiex minnufih tintemm il-qerda li għaddejja, ikun rispettat id-dritt umanitarju u jinħolqu l-kundizzjonijiet li jiffaċilitaw l-aċċess għall-għajnuna urġenti li tant għandhom bżonn dawn ħutna, billi fl-istess waqt jinħolqu kundizzjoniet ta’ sigurtà xierqa li jippermettu lil dawk li sfaw turufnati jerġgħu lura.

Ninvokaw il-frott tar-rikonċiljazzjoni fuq l-Art Imqaddsa, li wkoll hi miġrugħa mill-kunflitti bla waqfien li mhux qed jeħlisha lanqas lil min m’għandux difiża; għal Yemen u għal-Lvant Nofsani kollu, biex id-djalogu u r-rispett reċiproku jegħlbu l-firdiet u l-vjolenza.  Jalla ħutna fi Kristu, li mhux tant rari jsofru oppressjoni u persekuzzjonijiet, ikunu xhieda mdawwla tal-Irxoxt u tar-rebħa tas-sewwa fuq il-ħażen.

F’dal-jum nitolbu bil-ħerqa l-frott tat-tama għal kull min hu mxennaq għal ħajja aktar dinjituża, l-aktar f’dawk l-inħawi tal-kontinent Afrikan imġarrab bl-uġigħ kbir tal-ġuħ, tal-kunflitti endemiċi u t-terroriżmu.  Jalla l-paċi tal-Irxoxt tfejjaq il-ġrieħi fis-Sudan tan-Nofsinhar; tiftaħ il-qlub għad-djalogu u għall-fehim reċiproku.  Ma ninsewx lill-vittmi ta’ dak il-kunflitt, speċjalment lit-tfal!  M’għandhiex tonqos is-solidarjetà mal-bosta persuni mġegħelin jabbandunaw artijiethom u miċħuda mill-minimu meħtieġ biex jgħejxu.

Nimploraw il-frott tad-djalogu għall-peniżola Koreana, sabiex it-taħdidiet li għaddejjin jaffavorixxu l-armonija u l-paċifikazzjoni tar-reġjun.  Dawk li għandhom ir-responsabbiltà diretta għandhom jaħdmu bi-għaqal u d-dixxerniment biex iġibu ‘l quddiem il-ġid tal-poplu Korean u jibnu relazzjonijiet ta’ fiduċja fi ħdan il-komunità internazzjonali..

Nitolbu għall-frott tal-paċi fl-Ukrajna, sabiex jissaħħu l-passi favur l-armonija u biex l-inizjattivi umanitarji li teħtieġ il-popolazzjoni jitħaffu.

Nitolbu bil-ħerqa frott ta’ faraġ għall-poplu Venezwelan illi – kif kitbu r-Rgħajja tiegħu – qed jgħix fi speċi ta’ ‘art barranija’ f’pajjiżhom stess.  Jalla, bil-qawwa tal-qawmien tal-Mulej Ġesù jsib it-triq it-tajba biex mill-aktar fis joħroġ mill-kriżi politika u umanitarja li qed tagħfas fuqu, u biex ma tonqosx l-akkoljenza u l-għajnuna lil dawk fost uliedu li jkollhom bilfors jabbandunaw il-patrija tagħhom.

Jalla Kristu Rxoxt iġib frott ta’ ħajja ġdida lit-tfal li minħabba l-gwerer u l-ġuħ qed jikbru mingħajr tama, mċaħħdin mill-edukazzjoni u l-għajnuna għas-saħħa; u wkoll lill-anzjani li huma skartati mill-kultura egoistika li ġġenneb li min mhux ‘produttiv’.

Ninvokaw frott ta’ għaqal fuq dawk kollha fid-dinja li għandhom responsabbiltajiet politiċi, sabiex jirrispettaw dejjem id-dinjità umana, jimpenjaw ruħhom bid-dedikazzjoni għas-servizz tal-ġid komuni u jiżguraw l-iżvilupp u l-ħarsien taċ-ċittadini tagħhom.

Għeżież ħuti,

bħalma saret lin-nisa li ġrew lejn il-qabar, dil-kelma hi indirizzata lilna wkoll: “Għaliex qed tfittxu fost il-mejtin lil dak li hu ħaj!” (Luqa 24, 5-6).  Il-mewt, is-solitudni, il-biża’ m’għandhomx aktar l-aħħar kelma.  Hemm kelma li tmur ‘l hinn u li jista’ jghidha Alla biss: hija l-kelma tar-Riżurrezzjoni (cfr Ġwanni Pawlu II, Diskors waqt il-Via Crucis, 18 ta’ April, 2003).  Bil-qawwa tal-imħabba t’Alla din “tegħleb il-ħażen, taħsel il-ħtijiet, trodd lura l-innoċenza lill-midinbin, il-ferħ lill-imnikkta, teqred il-mibgħeda, tfarrak l-ebusija tas-setgħana, tħeġġeġ il-konkordja u l-paċi”.  (Prekonju Paskwali).

L-Għid it-tajjeb lil kulħadd!

 

Għeżież ħuti,

inġedded l-awguri tal-Għid it-tajjeb lilkom ilkoll li ġejjin mill-Italja u minn diversi pajjiżi, kif ukoll lil kull min hu kollegat magħna permezz tat-televiżjoni u l-meżżi l-oħra tal-komunikazzjoni.  Jalla l-ferħ u t-tama ta’ Ġesù Rxoxt jagħtu l-faraġ lill-familji, lill-anzjani li huma l-memorja prezzjuża tas-soċjetà, u liż-żgħażagħ li jirrappreżentaw il-futur tal-Knisja u tal-umanità.

Irroddilkom ħajr tal-preżenza tagħkom f’dan il-jum tal-Għid, l-aktar festa importanti tal-fidi tagħna, għax hi l-festa tas-salvazzjoni tagħna, il-festa tal-imħabba t’Alla lejna.  Radd il-ħajr speċjali għar-rigal tal-fjuri li dis-sena wkoll mibgħutin mill-Olanda.

F’dawn il-jiem tal-Għid, bil-kliem u bil-ħajja, ħabbru l-aħbar sabiħa li “Ġesù qam mill-mewt”.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu tal-Għid it-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber