(Bl-Ingliż)

 

Il-lejla t-tajba!  Il-lejla t-tajba!  Grazzi tal-preżenza tagħkom.

 

Se nitkellem bi lsien art twelidi.

 

(bl-Ispanjol)

 

Smajt b’ħafna wġigħ ta’ qalb ix-xhieda ta’ Winnie u ta’ Emmanuel.  Jien u nisma’, staqsejt hekk lili nnifsi: Esperjenza negattiva tista’ sservi għal xi ħaġa fil-ħajja?  Iva!  Kemm Emmanuel u kemm Winnie għexu esperjenzi negattivi.  Winnie ħasbet li ma kienx hemm futur għaliha; li l-ħajja għaliha kienet ħajt quddiemha.  Imma Ġesù wrieha li fil-ħajja tista’ tagħmel miraklu kbir: tibdel ħajt f’xefaq, xefaq li jiftaħli l-futur quddiemi.  Quddiem esperjenza negattiva – u ħafna, ħafna minna li ninsabu hawn kellna esperjenzi negattivi – dejjem hemm il-possibbiltà li niftħu xefaq, li niftħuh bil-qawwa ta’ Ġesù.  Il-lum Winnie bidlet id-dipressjoni tagħha, l-imrar tagħha f’tama.  U din m’hix maġija: din hi opra ta’ Ġesù!  Għax Ġesù hu l-Mulej.  Ġesù jiflaħ għal kollox.  U Ġesù bata l-esperjenza l-iżjed negattiva ta’ l-istorja: ġie mgħajjar, ġie miċħud u ġie maqtul.  U Ġesù, bil-qawwa ta’ Alla, qam.  Hu jista’ jagħmel l-istess ħaġa f’kull wieħed u waħda minna, b’kull esperjenza negattiva.  Għax Ġesù hu l-Mulej.

 

Jien nimmaġina, u lkoll flimkien nistgħu nimmaġinaw it-tbatija ta’ Emmanuel, meta ra lil sħabu jiġu ttorturati, meta ra li sħabu kienu qed jiġu maqtula.  Imma Emmanuel kien kuraġġjuż.  Agħmel il-kuraġġ, għax kien jaf li dak in-nhar li ħarab, kieku qabduh, kienu joqtluh.  Hu rriskja, kellu fiduċja f’Ġesù u ħarab.  U l-lum jinsab hawn magħna, wara erbatax-il sena, b’diploma fix-xjenzi amministrattivi.  Dejjem tista’!  Ħajjitna hi bħal żerriegħa: biex ngħixu rridu mmutu; u mmutu xi drabi fiżikament, kif seħħ lil sħab Emmanuel.  Immutu kif mietu Karlu Lwanga u l-martri ta’ l-Uganda.  Imma minn din il-mewt toħroġ il-ħajja, ħajja għal kulħadd.  Jekk jien nibdel in-negattiv f’pożittiv, jien nittrijonfa.  Imma dan jista’ jsir biss bil-grazzja ta’ Ġesù.  Intom ċerti minn dan?…  M’jien nisma’ xejn…  Intom żguri minn dan?  [żgħażagħ: Iva!]  Lesti li fil-ħajja tagħkom tibdlu l-ħwejjeġ negattivi kollha fi ħwejjeġ pożittivi?  [żgħażagħ: Iva!]  Lesti tibdlu l-mibegħda fi mħabba?  [żgħażagħ: Iva!]  Lesti tibdlu l-gwerra f’paċi?  [żgħażagħ: Iva!]  Tafu li intom poplu tal-martri.  Fil-vini tagħkom hemm ibaqbaq demm il-martri!  U għalhekk għandkom il-fidi u l-ħajja li għandkom issa.  [żgħażagħ: Iva!]  U din il-fidi u din il-ħajja hi hekk sabiħa, li jisimha l-“perla ta’ l-Afrika”.

 

Jidher li l-mikrofonu ma kienx qed jaħdem sew.  Xi drabi, anki aħna, ma nkunux naħdmu sew…  Iva jew le?  U meta ma nkunux naħdmu sew, għand min irridu mmorru nitolbu l-għajnuna?  M’iniex nismagħkom…  Għajtu iżjed…  [żgħażagħ: Ġesù!]  Għand Ġesù!  Ġesù jista’ jibdillek ħajtek.  Ġesù jista’ jġarraf il-ħitan li għandek quddiemek.  Ġesù jista’ jagħmel minn ħajtek servizz għall-oħrajn.

 

Xi ħadd minnkom jista’ jistaqsini: “U għal dan hemm xi bakketta maġika?”.  Jekk intom temmnu li Ġesù jista’ jibdlilkom ħajjitkom, itolbuh l-għajnuna.  U dan jissejjaħ talb.  Fhimtu sew?  Titolbu!  Ħa nistaqsikom: Intom titolbu?  [żgħażagħ: Iva!]  Veru?  [Iva!]  Itolbu lil Ġesù, għax Hu l-Feddej.  Tieqfu qatt titolbu!  It-talb hu l-arma l-iżjed b’saħħitha li għandu żagħżugħ.  Ġesù jħobbna.  Nistaqsikom: Ġesù jħobb lil xi wħud u lil oħrajn le?  [Le!]  Ġesù jħobb lil kulħadd?  [Iva!]  Ġesù jrid jgħin lil kulħadd?  [Iva!]  Mela iftħulu l-bieb ta’ qalbkom u ħalluh jidħol.  Inħalli lil Ġesù jidħol fil-ħajja tiegħi.  U meta Ġesù jidħol fil-ħajja tiegħek, jgħinek tissielet, titqabad kontra l-problemi kollha li dwarhom tkellmet Winnie, teħodha kontra d-dipressjoni, tiġġieled kontra l-Aids u titlob l-għajnuna biex tegħleb dawn is-sitwazzjonijiet, imma tissielet dejjem.  Nissielet kontra x-xewqa tiegħi u nitqabad bit-talb tiegħi.  Lesti tissieltu?  Lesti tixtiequ l-aħjar għalikom?  [Iva!]  Intom lesti li titolbu, li titolbu lil Ġesù jgħinkom fit-taqbida?  [Iva!]

 

U t-tielet ħaġa li rrid ngħidilkom.  Ilkoll kemm aħna ninsabu fil-Knisja, nagħmlu parti mill-Knisja.  Veru?  [Iva!]  U l-Knisja għandha Omm.  X’jisimha?  [Marija!]  Ma fhimtx…  [Marija!]  Nitolbu lill-Omm tagħna!  Meta tifel jaqa’, iweġġa’, jibda jibki u jmur ifittex lil ommu.  Meta tinqalgħalna problema, l-aħjar ħaġa li nistgħu nagħmlu hi li mmorru fejn hemm Ommna.  U nitolbu lil Marija, l-Omm tagħna.  Taqblu miegħi?  [Iva!]  U intom, titolbuha lill-Madonna, l-Omm tagħna?  [Iva!]  U intom [idur fuq grupp ta’ żgħażagħ], intom titolbuhom lil Ġesù u lill-Madonna?  [Iva!]

 

Tliet affarijiet.  L-ewwel: għelbu d-diffikultajiet.  It-tieni: ibdlu n-negattiv f’pożittiv.  It-tielet: it-talb.  Itolbu lil Ġesù li jista’ kollox.  Ġesù, li jidħol fil-qalb tagħna u jibdlilna ħajjitna.  Ġesù li ġie biex isalvani u li ta ħajtu għalija.  Itolbu lil Ġesù, għax Hu l-uniku Sid tagħna.  U billi fil-Knisja m’aħniex iltiema u għandna Omm, nitolbu lill-Omm tagħna.  U x’jisimha l-Omm tagħna?  [Marija!]  Iżjed bis-saħħa!  [Marija!]

 

Grazzi ħafna li smajtuni.  Nirringrazzjakom għax intom tridu tibdlu n-negattiv f’pożittiv.  Għax tridu teħduha kontra l-ħażin, b’Ġesù magħkom.  Fuq kollox grazzi li tixtiequ ma tieqfu qatt titolbu.  U issa nistedinkom titolbu flimkien miegħi lill-Omm tagħna, biex tħarisna hi.  Taqblu?  [Iva!]  Ilkoll flimkien?  [Iva!]

 

(bl-Ingliż)

 

Sliema

 

[Barka]

 

U jekk jogħġobkom, ħaġa ta’ l-aħħar nitlobkom: itolbu għalija.  Itolbu għalija!  Għandi bżonn.  Tinsewx.  Insellmilkom!

 


 

Diskors imħejji mill-Qdusija Tiegħu

 

Il-Papa: Omukama Mulungi! [Alla hu tajjeb!]

 

Iż-żgħażagħObudde Bwoona! [Issa u dejjem]

 

Għeżież żgħażagħ ħbieb tiegħi,

 

Kuntent li ninsab hawn magħkom biex naqsmu flimkien dawn il-mumenti.  Nixtieq insellem lil ħuti l-Isqfijiet u lill-Awtoritajiet ċivili preżenti.  Grazzi lill-Isqof Paul Semogerere tal-kelmtejn tiegħu ta’ merħba.  Ix-xhieda ta’ Winnie u Emmanuel tikkonferma l-impressjoni tiegħi li l-Knisja fl-Uganda hi għanja b’żgħażagħ li jixtiequ futur aħjar.  Il-lum, jekk tippermettuli, nixtieq inwettaqkom fil-fidi, inħeġġiġkom fl-imħabba u b’mod speċjali nqawwikom fit-tama.

 

It-tama Nisranija m’hix sempliċi ottimiżmu; hi ħafna iżjed minn hekk.  Tniżżel l-għeruq tagħha fil-ħajja ġdida, li rċivejna minn għand Ġesù Kristu.  San Pawl jgħidilna li t-tama ma tqarraqx bina, għax fil-Magħmudija l-imħabba ta’ Alla ġiet imsawba fi qlubna permezz ta’ l-Ispirtu s-Santu (ara Rum 5:5).  It-tama tagħmilna kapaċi nafdaw fil-wegħdiet ta’ Kristu, fil-qawwa tal-maħfra tiegħu, fil-ħbiberija tiegħu, fi mħabbtu, li tiftaħ il-bibien għal ħajja ġdida.  Propju meta taħbtu ġo problema, ġo xi falliment, meta tiltaqgħu ma’ xi intopp, ankraw qalbkom f’din l-imħabba, għax hi għandha l-qawwa li tibdel il-mewt f’ħajja u li tkeċċi kull ħażen.

 

Hekk il-lejla nixtieq nistedinkom, qabel xejn, titolbu biex dan id-don jikber fikom u tistgħu tirċievu l-grazzja li ssiru messaġġiera ta’ tama.  Hemm ħafna persuni madwarna li huma mtaqqlin u ħa jiddispraw.  Ġesù jiċċara dan is-sħab, jekk inħalluh. 

 

Nixtieq anki naqsam magħkom xi ħsieb dwar ċerti ostakli li tistgħu tiltaqgħu magħhom fit-triq tat-tama.  Ilkoll kemm intom tixtiequ futur aħjar, post tax-xogħol, saħħa u prosperità, u din hi ħaġa tajba.  Għall-ġid tal-poplu u tal-Knisja tixtiequ taqsmu ma’ oħrajn id-doni tagħkom, it-tamiet u l-entużjażmu, u din hi ħaġa tajba ħafna.  Imma xi drabi, meta taraw il-faqar, meta tħabbtu wiċċkom man-nuqqas ta’ opportunitajiet, meta ġġarrbu l-fallimenti tal-ħajja, jista’ jfiġġ u jikber sens ta’ disperazzjoni.  Tistgħu tiġu ttentati li titilfu t-tama.

 

Qatt ġralkom li rajtu tifel fit-triq li kellu jieqaf quddiem għadira ilma li m’hux kapaċi jaqbeż jew jevita?  Jista’ jipprova jagħmel hekk, imma mbagħad jaqa’ u jsir ilma.  Allura, wara ħafna tentattivi, isejjaħ lil missieru biex jgħinu, u dan jaqbdu minn idu u jqabbżu malajr għan-naħa l-oħra.  Aħna dak it-tfajjel ċkejken.  Il-ħajja għandha ħafna għadajjar għalina.  Imma m’għandniex negħlbu l-problemi u l-ostakli kollha bil-qawwa tagħna waħidna.  Alla jinsab hemm biex jaqbdilna jdejna, jekk insejħulu.

 

Li rrid ngħid hu li lkoll kemm aħna, anki l-Papa, irridu nixbhu lil dak it-tfajjel!  Għax hu biss meta nkunu ċkejknin u umli li ma nibżgħux insejħu l-għajnuna ta’ Missierna.  Jekk xi darba ġarrabtu din l-għajnuna, tafu dwar xiex qed nitkellem.  Għandna bżonn nitgħallmu nqiegħdu mill-ġdid it-tama tagħna fiH, għax nafu li hu dejjem qiegħed hemm, għalina.  Jimliena bil-fiduċja u l-kuraġġ.  Imma – u dan hu importanti – niżbaljaw jekk ma naqsmux din l-esperjenza sabiħa ma’ l-oħrajn.  Inkunu niżbaljaw jekk ma nsirux messaġġiera ta’ tama għall-oħrajn.

 

“Għadira” partikulari tista’ tbeżża’ liż-żgħażagħ li jixtiequ jikbru fil-ħbiberija tagħhom ma’ Kristu.  Hu l-biża’ li jfallu fl-impenn li jkunu ħadu fl-imħabba, fuq kollox f’dak l-ideal għoli u sublimi li hu ż-żwieġ Nisrani.  Jista’ jkollok biża’ li ma jirnexxilekx tkun mara tajba u omm tajba, raġel tajjeb u missier tajjeb.  Jekk nibqgħu nħarsu lejn l-għadira, nistgħu saħansitra naraw id-dgħufijiet u l-biżgħat tagħna jħallu r-rifless tagħhom fuqna.  Nitlobkom, ara ċċedu quddiemhom!  Xi drabi dawn il-biżgħat ġejjin mix-Xitan, li ma jridkomx tkunu ferħanin.  Le!  Itolbu l-għajnuna ta’ Alla, iftħulU qalbkom u Hu jerfagħkom, jeħodkom f’dirgħajh, u jurikom kif tħobbu.  Nitlob b’mod partikulari lill-koppji żgħażagħ biex ikollhom il-fiduċja li Alla jrid ibierek imħabbitkom u ’l ħajjitkom bil-grazzja tiegħu, fis-sagrament taż-Żwieġ.  Fil-qalba taż-żwieġ Nisrani hemm id-don ta’ l-imħabba ta’ Alla, mhux l-organizzazzjoni ta’ festi lussużi li spiss idallmu t-tifsira spiritwali profonda ta’ ċelebrazzjoni hienja ma’ nies tal-familja u ħbieb.

 

Fl-aħħar nett, “għadira” li kollha rridu naffrontaw hi l-biża’ li nkunu differenti, li mmorru kontra l-kurrent f’soċjetà li l-ħin kollu timbuttana biex inħaddnu mudelli ta’ ġid u ta’ konsum barranin għall-valuri qawwija tal-kultura Afrikana.  Aħsbu ftit: X’kienu jgħidu l-Martri ta’ l-Uganda dwar l-użu ħażin tal-mezzi moderni ta’ komunikazzjoni, fejn iż-żgħażagħ huma esposti għal immaġni u viżjoni mgħawġa tas-sesswalità, li jbaxxu d-dinjità umana u jwasslu għad-diqa u għall-vojt interjuri?  X’kienet tkun ir-reazzjoni tal-Martri ta’ l-Uganda quddiem ir-regħba u l-korruzzjoni dejjem jikbru fis-soċjetà tagħna?  Żgur kienu jitolbukom biex tkunu mudelli ta’ ħajja Nisranija, fiduċjużi li huma biss l-imħabba lejn Kristu, il-fedeltà lejn il-Vanġelu u l-użu għaref tad-doni li Alla takom li jistgħu jagħnu, isaffu u jgħollu l-ħajja ta’ dan il-pajjiż.  Huma jissoktaw jurukom it-triq.  Tibżgħux tħallu d-dawl tal-fidi jilma fil-familji tagħkom, fl-iskejjel u fil-postijiet tax-xogħol.  Tibżgħux b’umiltà kbira tidħlu fi djalogu ma’ l-oħrajn, li jistgħu jaraw l-affarijiet differenti minnkom.

 

Għeżież żgħażagħ ħbieb tiegħi, meta nħares lejn uċuħkom nimtela bit-tama: tama għalikom, għal pajjiżkom u għall-Knisja.  Nitlobkom titolbu biex it-tama li rċivejtu mill-Ispirtu s-Santu tissokta tnebbaħ l-isforzi tagħkom biex tikbru fl-għerf, il-ġenerożità u t-tjieba.  Tinsewx tkunu messaġġiera ta’ din it-tama!  U tinsewx li Alla sa jgħinkom taqsmu kull “għadira” li tiltaqgħu magħha tul il-mixja!

 

Ittamaw fi Kristu u Hu jgħinkom issibu l-ferħ veru.  U jekk issibuha bi tqila biex titolbu u tittamaw, tibżgħux idduru lejn Marija, għax hi l-Omm tagħna, Omm il-ħniena.  Fl-aħħar nett, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-Mulej iberikkom!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard