“Meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, intom tirċievu l-qawwa, u tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha u s-Samarija u sa truf l-art (Atti 1:8).

 

Minn żmien l-Appostli sa żmienna qam għadd kbir ta’ xhieda li xandru lil Ġesù u wrew il-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu.  Il-lum qed niftakru bi gratitudni fis-sagrifiċċju tal-martri ta’ l-Uganda, li x-xhieda tagħhom ta’ mħabba għal Kristu u l-Knisja tiegħu, kif jixraq, laħqet “l-ibgħad trufijiet ta’ l-art”.  Niftakru wkoll fil-martri Anglikani, li l-mewt tagħhom għal Kristu tagħti xhieda ta’ l-ekumeniżmu tad-demm.  Dawn ix-xhieda kollha għożżu d-don ta’ l-Ispirtu s-Santu fil-ħajja tagħhom u liberament taw xhieda tal-fidi tagħhom f’Ġesù Kristu, anki bi prezz għal ħajjithom, u ħafna minnhom f’età hekk żagħżugħa.

 

Anki aħna rċivejna d-don ta’ l-Ispirtu, biex sirna wlied Alla, imma anki biex nagħtu xhieda ta’ Ġesù u nagħmluh magħruf u maħbub kullimkien.  Irċivejna l-Ispirtu meta twelidna mill-ġdid fil-Magħmudija, u meta ġejna msaħħa bid-doni tiegħu fil-Konfirmazzjoni.  Kuljum aħna msejħin ninżlu iżjed fil-fond tal-preżenza ta’ l-Ispirtu s-Santu fil-ħajja tagħna, u “inqajmu fina” id-don ta’ l-imħabba divina biex imbagħad aħna wkoll insiru għajn ta’ għerf u ta’ qawwa għall-oħrajn.

 

Id-don ta’ l-Ispirtu s-Santu hu don li hu mogħti biex jinqasam.  Ixerikna flimkien bħala nies li nemmnu u membri ħajjin tal-Ġisem mistiku ta’ Kristu.  Ma nirċevux id-don ta’ l-Ispirtu għalina nfusna biss, imma biex nibnu lil xulxin fil-fidi, fit-tama u fl-imħabba.  Jiġuni f’moħħi San Ġużepp Mkasa u San Karlu Lwanga, li, wara li ġew mgħallma fil-fidi mill-oħrajn, riedu jgħaddu d-don li kienu rċivew.  Dan għamluh fi żminijiet perikulużi.  Mhux biss ħajjithom kienet mhedda, imma anki l-ħajja ta’ l-iżgħar żgħażagħ fdati f’idejhom.  Imma għax kienu ħadu ħsieb tal-fidi tagħhom u kibru fl-imħabba lejn Alla, ma beżgħux iwasslu lil Kristu għand l-oħrajn, saħansitra bi prezz għal ħajjithom.  Il-fidi tagħhom saret xhieda; il-lum, meqjuma bħala martri, l-eżempju tagħhom jissokta jnebbaħ tant persuni fid-dinja.  Huma jkomplu jxandru lil Ġesù Kristu u l-qawwa tas-Salib.

 

Jekk, bħall-martri, aħna ta’ kuljum inżommu ħaj id-don ta’ l-Ispirtu li jgħammar fi qlubna, allura żgur insiru dawk id-dixxipli missjunarji li Kristu jsejħilna nkunu.  Għall-familji tagħna u ħbiebna, ċertament, imma anki għal dawk li ma nafuhomx, speċjalment għal dawk li ma tantx ikunu twajba magħna u saħansitra ostili fil-konfront tagħna.  Dan il-ftuħ lejn l-oħrajn jibda fil-familja, fid-djar tagħna, fejn nitgħallmu l-karità u l-maħfra, u fejn fl-imħabba tal-ġenituri tagħna nitgħallmu nagħrfu l-ħniena u l-imħabba ta’ Alla.  Dan il-ftuħ jesprimi ruħu anki fl-għożża ta’ l-anzjani u l-foqra, ir-romol u l-iltiema.

 

Ix-xhieda tal-martri turi lil dawk kollha li semgħu l-istorja tagħhom, dak iż-żmien u l-lum, li l-pjaċiri tad-dinja u l-qawwa ta’ din l-art ma jagħtux il-ferħ u l-paċi li jtulu.  Pjuttost, huma l-fedeltà lejn Alla, l-onestà u l-integrità tal-ħajja u t-tħassib ġenwin għall-ġid ta’ l-oħrajn li jwasslu għal dik il-paċi li d-dinja ma tistax toffri.  Dan m’għandux inaqqas mill-għożża tagħna għal din id-dinja, bħallikieku ħsiebna biss fil-ħajja li ġejja.  Għall-kuntrarju, joffri skop għall-ħajja f’din id-dinja u jgħinna nilħqu lil dawk l-iżjed fil-bżonn, nikkoperaw ma’ l-oħrajn għall-ġid komuni u nibnu soċjetà iżjed ġusta, li tippromovi d-dinjità umana, bla ma teskludi lil ħadd, li tiddefendi l-ħajja, don ta’ Alla, u tipproteġi l-għeġubijiet tan-natura, il-ħolqien, id-dar komuni tagħna.

 

Għeżież ħuti, dan hu l-wirt li intom irċivejtu mill-Martri ta’ l-Uganda: ħajjiet immarkati mill-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu, ħajjiet li jagħtu xhieda anki l-lum tal-qawwa tal-Vanġelu ta’ Ġesù Kristu li kapaċi tibdel kollox.  Dan il-wirt ma nagħmluhx tagħna b’xi tifkira taċ-ċirkustanza jew billi nżommuh f’mużew qisu kien xi ġojjell prezzjuż.  Nagħmlulu tassew ġieħ, u nweġġħu lill-Qaddisin kollha, meta nwasslu x-xhieda tagħhom għal Kristu fid-djar tagħna u fost il-ġirien tagħna, fuq il-post tax-xogħol u fis-soċjetà ċivili, sew jekk nibqgħu fi djarna, u sew jekk noħorġu sa l-iżjed rokna mbiegħda tad-dinja.

 

Jalla l-Martri ta’ l-Uganda, flimkien ma’ Marija, Omm il-Knisja, jidħlu għalina, u jalla l-Ispirtu s-Santu jqabbad fina n-nar ta’ l-imħabba divina!

 

Omukama Abawe Omukisa! (Il-Mulej iberikkom!)

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard