Se nħalli ma’ l-Isqof inkarigat mill-ħajja kkonsagrata l-messaġġ li ktibt għalikom, biex jiġi ppubblikat.

 

Skużawni għax ħa naqa’ fuq ilsien art twelidi, għax ma nafx nitkellem tajjeb bl-Ingliż.

 

Tliet affarijiet nixtieq ngħidilkom il-lejla.  L-ewwel: fil-Ktieb tad-Dewteronomju, Mosè jfakkar lill-poplu tiegħu: “Tinsewx”.  U jirrepetiha fil-ktieb ħafna drabi: “Tinsewx”.  Tinsewx dak kollu li Alla għamel mal-poplu.  L-ewwel ħaġa li nixtieq ngħid hi li għandu jkollkom u titolbu l-grazzja tal-memorja.  Kif għidt liż-żgħażagħ, ma’ demm il-Kattoliċi Ugandiżi hemm imħallat demm il-martri.  Titilfux il-memorja ta’ din iż-żerriegħa!  Sakemm għadkom f’din id-dinja komplu ikbru.  L-akbar għadu tal-memorja hu li wieħed jinsa, imma m’hux l-iżjed wieħed perikuluż.  L-għadu l-iżjed perikuluż tal-memorja hu li nidraw nirtu l-ġid ta’ missirijietna.  Il-Knisja fl-Uganda m’għandha qatt tidra t-tifkira mbiegħda tal-martri tagħha.  Martri jfisser xhud.  Il-Knisja fl-Uganda, biex tkun fidila lejn din il-memorja, għandha tkompli tkun xhud.  M’għandhiex tgħix minn fuq dahar il-wirt li rċiviet.  Il-glorji l-imgħoddija tagħha kienu l-bidu, imma intom tridu tibnu l-glorji tal-futur.  U din hi l-ħidma li l-Knisja qed tafdalkom: kunu xhieda, kif kienu xhieda l-martri li taw ħajjithom għall-Vanġelu.

 

Biex tkunu xhieda – it-tieni kelma li rrid ngħidilkom – għandkom bżonn tal-fedeltà.  Fedeltà lejn il-memorja, fedeltà lejn il-vokazzjoni tagħkom, fedeltà lejn iż-żelu appostoliku.  Fedeltà tfisser timxu fit-triq tal-qdusija.  Fedeltà tfisser tagħmlu dak li għamlu x-xhieda ta’ qabilkom: tkunu missjunarji.  Forsi hawn l-Uganda hawn djoċesijiet li għandhom ħafna saċerdoti, u djoċesijiet li għandhom ftit.  Fedeltà tfisser toffru ruħkom lill-Isqof biex tmorru fi djoċesi oħra li għandha bżonn tal-missjunarji.  U din m’hix ħaġa ħafifa.  Fedeltà tfisser perseveranza fil-vokazzjoni.  U hawn nixtieq nirringrazzja b’mod speċjali lis-Sorijiet tad-Dar tal-Karità għall-eżempju ta’ fedeltà li tawni: fedeltà lejn il-foqra, il-morda, l-iżjed fil-bżonn, għax Kristu jinsab hemm.  L-Uganda ssaqqiet mid-demm tal-martri, tax-xhieda.  Il-lum hemm bżonn inkomplu nsaqquha, u għalhekk: sfidi ġodda, xhieda ġodda, missjonijiet ġodda.  Inkella ħa titilfu l-għana kbir li għandkom, u l-“perla ta’ l-Afrika” tispiċċa kkonservata f’mużew.  Għax id-Demonju hekk jattakkana, ftit ftit.  M’iniex ngħid biss għas-saċerdoti, imma anki għar-reliġjużi.  Imma lis-saċerdoti ridt inkellimhom b’mod speċjali dwar il-problema tal-missjonarjetà: biex id-djoċesijiet bi kleru kbir fl-għadd joffru d-disponibbiltà lil dawk li għandhom inqas kleru.  Hekk l-Uganda tkompli tkun missjunarja.

 

Memorja, li tfisser fedeltà.  U Fedeltà, li hi possibbli biss bit-talb.  Jekk reliġjuż, reliġjuża, saċerdot jieqaf jitlob jew jitlob ftit li xejn, għax jgħid li għandu ħafna x’jagħmel, diġà beda jitlef il-memorja, u diġà beda jitlef il-fedeltà.  Talb, li jfisser anki umiljazzjoni, l-umiljazzjoni li mmorru ta’ spiss għand il-konfessur, biex nistqarrulu dnubietna.  Ma nistgħux inzappu biż-żewġ saqajn.  Aħna r-reliġjużi, is-saċerdoti ma nistgħux ngħixu ħajja doppja.  Jekk int midneb, jekk int midinba, itlob maħfra.  Imma żżommx moħbi dak li Alla ma jridx; iżżommx moħbi n-nuqqas ta’ fedeltà.  Tagħlaqx il-memorja fil-gwardarobba.

 

Memorja, sfidi ġodda – fedeltà għall-memorja – u talb.  U t-talb jibda dejjem billi nagħrfu li aħna midinbin.  B’dawn it-tliet kolonni l-“perla ta’ l-Afrika” tissokta tkunu perla u mhux biss kelma f’dizzjunarju.  Jalla l-martri, li taw lil din il-Knisja l-qawwa li għandha, jgħinukom tibqgħu mexjin ’il quddiem fil-memorja, fil-fedeltà u fit-talb.

 

U jekk jogħġobkom, nitlobkom ma tinsewx titolbu għalija.  Grazzi.

 

Issa nistedinkom titolbu lkoll flimkien Sliema lill-Verġni: “Sliema għalik, Marija…”.

 


 

Diskors imħejji mill-Qdusija Tiegħu

 

Għeżież ħuti saċerdoti,

Għeżież reliġjużi u għeżież seminaristi,

 

Qed nieħu gost niltaqa’ magħkom, u nirringrazzjakom tal-merħba sabiħa li tajtuni.  B’mod partikulari nirringrazzja lil dawk li tkellmu u taw ix-xhieda tat-tamiet u t-tħassib tagħkom, u fuq kollox tal-ferħ li jnebbaħkom fis-servizz tagħkom lill-poplu ta’ Alla fl-Uganda.

 

Barra minn hekk, nifraħ li l-laqgħa tagħna qed isseħħ lejlet l-ewwel Ħadd ta’ l-Avvent, żmien li jistedinna nħarsu lejn bidu ġdid.  Matul dan l-Avvent qed nitħejjew ukoll biex nirfsu l-għatba tas-Sena Ġubilari straordinarja tal-Ħniena, li sejjaħt għall-Knisja kollha.

 

Aħna u noqorbu lejn il-Ġublew tal-Ħniena, nixtieq nagħmlilkom żewġ mistoqsijiet.  L-ewwel: Min intom, bħala presbiteri jew presbiteri futuri, u bħala persuni kkonsagrati?  F’ċertu sens, it-tweġiba hi ħafifa: bla dubju intom irġiel u nisa li ħajjitkom ġiet imsawra minn “laqgħa personali ma’ Ġesù Kristu” (Evangelii gaudium, 3).  Ġesù mess lil qlubkom, sejħilkom b’isimkom, u talabkom timxu warajh b’qalb sħiħa u għall-qadi tal-Poplu qaddis tiegħu.

 

Il-Knisja fl-Uganda kienet imbierka, fl-istorja qasira imma meqjuma tagħha, b’għadd kbir ta’ xhieda – fidili lajċi, saċerdoti u reliġjużi – li għall-imħabba ta’ Ġesù telqu kollox: dar, familja u, fil-każ tal-martri, l-istess ħajjithom.  Fil-ħajja tagħkom, kemm fil-ministeru saċerdotali u kemm fil-konsagrazzjoni reliġjuża, intom imsejħin tkomplu tieħdu ħsieb dan il-wirt kbir, fuq kollox permezz ta’ atti sempliċi ta’ qadi umli.  Ġesù jixtieq jinqeda bikom biex imiss il-qlub ta’ dejjem iktar persuni ġodda: Hu jixtieq jinqeda b’fommkom biex ixandar il-kelma tiegħu ta’ salvazzjoni, b’dirgħajkom biex jgħannaq il-foqra li Hu jħobb, b’idejkom biex jibni komunità ta’ dixxipli missjunarji awtentiċi.  Mhux li kien ma ninsew qatt li l-“iva” tagħna lil Ġesù hi “iva” lill-poplu tiegħu.  Il-bibien tagħna, il-bibien tal-knejjes tagħna, imma b’mod speċjali l-bibien ta’ qlubna, għandhom jibqgħu dejjem miftuħa għall-Poplu ta’ Alla, għall-poplu tagħna.  Għax dan hu dak li aħna.

 

It-tieni mistoqsija li nixtieq nagħmlilkom il-lejla hi: X’intom imsejħin tagħmlu iżjed meta tgħixu l-vokazzjoni speċifika tagħkom?  Għax dejjem hemm xi ħaġa iżjed li nistgħu nagħmlu, mil ieħor xi nterrqu fil-mixja tagħna.

 

Il-Poplu ta’ Alla, anzi l-popli kollha, huma mxennqa għal ħajja ġdida, għall-maħfra u għall-paċi.  B’xorti ħażina fid-dinja hawn wisq sitwazzjonijiet li qed iħassbu lill-bniedem u li jeħtieġu t-talb tagħna, ibda mir-realtajiet l-iżjed qrib tagħna.  Nitlob qabel xejn għall-poplu maħbub tal-Burundi, biex il-Mulej iqanqal fl-Aworitajiet u fis-soċjetà kollha sentimenti u xewqat ta’ djalogu u ta’ kollaborazzjoni, ta’ rikonċiljazzjoni u ta’ paċi.  Jekk hu dmir tagħna nsieħbu lil min qed ibati, allura, bħad-dawl li jgħaddi mit-twieqi ta’ dan il-Katidral, irridu nħallu tgħaddi minna l-qawwa li tfejjaq ta’ Alla.  L-ewwel nett irridu nħallu l-mewġ tal-ħniena tiegħu jgħattina, isaffina u jġeddidna, biex hekk aħna nkunu nistgħu nwasslu din il-ħniena lill-oħrajn, speċjalment lil dawk li jinsabu f’tant periferiji.

 

Ilkoll nafu sewwa kemm jista’ jkun diffiċli dan.  Hemm ħafna xogħol xi jsir!  Fl-istess waqt, il-ħajja moderna toffri wkoll tant distrazzjonijiet li jistgħu jdallmu l-kuxjenzi tagħna, inaqqru miż-żelu tagħna, u saħansitra jiġbduna lejn dik il-“mondanità spiritwali” li tnaqqar ftit ftit minn ġewwa l-bażi tal-ħajja Nisranija.  L-impenn tal-konverżjoni – dik il-konverżjoni li hi l-qalba tal-Vanġelu ta’ Ġesù (ara Mk 1:15) – għandu jsir kuljum, fit-tħabrik tagħna biex nagħrfu u negħlbu dawn id-drawwiet u dawn il-modi ta’ kif naħsbu, li jistgħu jġibu t-telqa spiritwali.  Għandna bżonn niflu l-kuxjenzi tagħna, kemm bħala individwi u kemm bħala komunità.

 

Kif semmejt, deħlin fi żmien l-Avvent, li hu żmien ta’ bidu ġdid.  Fil-Knisja nieħdu gost naffermaw li l-Afrika hi l-kontinent tat-tama, u bir-raġun.  Il-Knisja f’dawn l-artijiet hi mbierka minn ħsad kotran ta’ vokazzjonijiet reliġjużi.  Il-lejla nixtieq noffri kelma speċjali ta’ inkuraġġiment liż-żgħażagħ seminaristi u reliġjużi hawn preżenti.  Is-sejħa tal-Mulej hi għajn ta’ ferħ u sejħa għall-qadi.  Ġesù jgħidilna li “mill-abbundanza tal-qalb jitkellem il-fomm” (Lq 6:45).  Ħallu n-nar ta’ l-Ispirtu s-Santu jsaffi lil qlubkom, biex hekk tkunu xhieda hienja u konvinti tat-tama li jagħti l-Vanġelu.  Għandkom kelma sabiħa ħafna xi xxandru!  Jalla xxandruha dejjem, fuq kollox bl-integrità u l-konvinzjoni li jfewħu minn ħajjitkom.

 

Għeżież ħuti, iż-żjara tiegħi fl-Uganda hi qasira, u l-lum kienet ġurnata twila!  Madankollu nqis din il-laqgħa tagħna l-lejla bħala l-kuruna ta’ dan il-jum hekk sabiħ, li fih stajt nirfes pellegrin fis-Santwarju tal-Martri ta’ l-Uganda f’Namugongo, u stajt niltaqa’ ma’ ħafna żgħażagħ li huma l-futur tan-Nazzjon u tal-Knisja tagħna.  Fil-verità se nħalli l-Afrika b’tama kbira fil-ħsad tal-grazzja li Alla qed iħejji f’nofskom!  Nitlob lil kull wieħed u waħda minnkom biex titolbu li ż-żelu appostoliku jixtered b’mod kotran, għall-perseveranza hienja fis-sejħa li rċivejtu, u fuq kollox għad-don ta’ qalb safja dejjem miftuħa għall-ħtiġijiet ta’ ħutna kollha.  B’dan il-mod il-Knisja fl-Uganda turi li hi tassew denja tal-wirt glorjuż tagħha u tkun tista’ tħabbat wiċċha ma’ l-isfidi tal-futur b’tama żgura fil-wegħdiet ta’ Kristu.  Niftakar fikom ilkoll fit-talb tiegħi, u nitlobkom titolbu għalija!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard