Għeżież ħbieb,

Nirringrazzjakom għal din l-merħba ħerqana. Xtaqt ħafna niġi nżur din id-Dar tal-Karita’, li l- Kardinal Nsubuga waqqaf  hawnhekk f’Nalukolongo. Dan il-post  dejjem kien marbut  mal-impenn tal-Knisja fil-ħidma  tagħha għall-foqra, għan-nies bi bżonnijiet speċjali u għall-morda.   Hawnekk, fl-ewwel snin, inħelsu tfal li kienu miżmuma bħala skjavi u xi nisa rċevew edukazzjoni reliġjuża. Insellem lis-Sorijiet tas-Samaritan it-Tajjeb  li jieħdu ħsieb din l-opra eċċellenti u nirringrazzjahom għas-snin ta’servizz silenzjuż  mogħti  bil-ferħ f’dan l-appostolat. Hawnhekk  hawn Ġesu’, għax Hu qal li hu jkun preżenti dejjem fost il-foqra, il-morda, il-ħabsin,  l-imwarrbin, dawk li jbatu. Hawnhekk hawn Ġesu’.

Insellem ukoll  lir-rappreżentanti ta’ ħafna gruppi oħra ta’ appostolat, li jieħdu ħsieb il-bżonijiet ta’ ħutna rġiel u nisa fl-Uganda. Qed tiġi f’moħħi b’mod partikulari l-ħidma kbira li ssir mal-morda bl-AIDS. Insellem fuq kollox lil dawk li jgħixu f’din id-Dar u oħrajn bħalha, u lil dawk kollha li jibbenefikaw mill-opri tal-karita’ nisranija. Għax din hi tassew dar! Hawnhekk intom tistgħu ssibu għożża u kura; hawnhekk tistgħu tħossu l-preżenza ta’ Ġesu’ ħuna, li jħobb lil kull wieħed minna bl-imħabba t’Alla stess.

Illum, minn din id-Dar, nixtieq nappella lill-parroċċi u lill-komunitajiet kollha li hawn fl-Uganda – u fil-bqija tal-Afrika – biex ma jinsewx il-foqra, biex  lill-foqra ma jinsewhomx! L-Evanġelju jesiġi minna li noħorġu u mmorru lejn il-periferiji tas-soċjeta’  u nsibu lil Kristu  f’min qed ibati u f’min hu fil-bżonn. Il-Mulej jgħidilna bi kliem ċar li fuq dan għad jiġġudikana!   Hi xi ħaġa ta’ swied il-qalb  meta s- soċjetajiet  tagħna jħallu lill-anzjani jkunu mwarrba jew minsija! Hi xi ħaġa ta’ stmerrija  tara ż-żgħażagħ sfruttati mill-jasar attwali tat-traffikar uman! Jekk  inħarsu sew lejn id-dinja ta’ madwarna, naraw  l-egoiżmu u l-indifferenza jinfirxu f’diversi postijiet.  Kemm minn ħutna huma vittmi tal-kultura “uża u armi”, li trawwem disprezz l-aktar fejn jidħlu t-trabi li għadhom ma twildux, iż-żgħażagħ u l-anzjani!

Bħala nsara, ma nistgħux sempliċiment noqogħdu nħarsu, naraw x’qed jiġri u ma nagħmlu xejn. Xi ħaġa hemm bżonn li tinbidel! Il-familji tagħna jeħtieġ li jsiru dejjem aktar sinjal li jidher tal-imħabba t’Alla li hi mimlija paċenzja u ħniena, u dan mhux biss għal uliedna u għall-anzjani tagħna, imma għal dawk kollha li huma fil-bżonn. Il-parroċċi tagħna m’għandhomx jagħlqu l-bibien tagħhom u widnejhom għall-karba tal-foqra. Din hi t-triq per eċċellenza tad-dixxipulat nisrani. Hu b’dan il-mod  li nkunu xhieda tal-Mulej li ġie biex jaqdi u mhux biex ikun moqdi. B’hekk nuru li l-bnedmin jiswew aktar mill-affarijiet, u li dak li aħna hu aktar importanti minn dak li għandna. Fil-fatt,  Kristu juri lilu nnifsu kuljum u jħejji l-merħba li nittamaw li għad nirċievu fis-Saltna eterna tiegħu propju f’dawk il-persuni li aħna nagħtuhom servizz.

Għeżież ħbieb, b’dawn il-ġesti sempliċi, b’dawn l-azzjonijiet sempliċi  li nagħmlu b’dedikazzjoni  u li bihom inqimu lil Kristu fl-iċken fost ħutna,  aħna  nkunu qed inħallu l-qawwa tal-imħabba tiegħu tidħol fid-dinja u tibdilha tassew. Għal darb’oħra nirringrazzjakom tal-ġenerożita’ tagħkom u għall-imħabba tagħkom. Jien niftakar fikom dejjem fit-talb tiegħi u nitlobkom, jekk jogħġobkom, titolbu għalija.  Nitlob lil Marija Ommna żżommkom taħt il-protezzjoni tenera tagħha u nagħtikom il-barka tiegħi.

Omukama Abakuume! ( Alla jħariskom!)

Miġjub għall-Malti minn Vivienne Attard