Sur President,
Illustri membri
tal-Gvern,
Distinti membri tal-Korp Diplomatiku,
Għeżież Ħuti Isqfijiet,
Sinjuri,

Nirringrazzjakom għal-laqgħa mimlija kortesija li tajtuni u nħossi ferħan li ninsab fl-Uganda.  Iż-żjara tiegħi f’pajjiżkom, qabel kollox, għandha l-għan li tfakkar il-ħamsin anniversarju mill-kanoniżżazzjoni tal-Martri tal-Uganda, li kienet saret mill-predeċessur tiegħi, il-Papa Pawlu VI.  Madankollu nittama li l-preżenza tiegħi hawn tkun ukoll sinjal ta’ ħbiberija, stima u nkuraġġiment għall-abitanti kollha ta’ dan il-kbir nazzjon.

Il-martri, kemm Kattoliċi u wkoll Anglikani huma eroj nazzjonali awtentiċi. Huma xhieda tal-prinċipji-gwida li hemm fil-motto tal-Ugnada: Għal Alla u għal Pajjiżi.  Huma jfakkkruna kemm hi importanti x-xhieda li l-fidi u r-rettitudni morali kienu u għadhom jirrappreżentaw, fil-ħajja kulturali, ekonomika u politika ta’ dan il-pajjiż.  Huma jfakkruna wkoll, minkejja t-twemmin reliġjuż u l-konvinzjonijiet diversi, li lkoll kemm aħna msejħin biex infittxu l-verità, biex naħdmu għall-ġustizzja u r-rikonċiljazzjoni u biex nirrispettaw lil xulxin, nindukraw lil xulxin bħala membri tal-istess familja umana.  Dawn l-ideali għolja huma mitlubin partikolarment mill-irġiel u n-nisa bħalkom, li għandkom id-dmir li bi kriterji ta’ trasparenza tiżguraw tmexxija governattiva tajba, żvilupp uman integrali, parteċipazzjoni mifruxa fil-ħajja pubblika tan-nazzjon, minbarra t-tqassim għaqli u ekwu tar-riżorsi li l-Ħallieq żejjen bihom lil dawn l-artijiet bl-abbundanza.

Biż-żjara tiegħi irrid ukoll niġbed l-attenzjoni fuq l-Afrika kollha kemm hi, fuq il-wegħda li hi tirrappreżenta, fuq it-tamiet tagħħa, it-taqbid tagħha, u l-kisbiet tagħha.  Id-dinja tħares lejn l-Afrika bħala l-kontinent tat-tama.  L-Uganada kienet verament imbierka minn Alla b’riżorsi naturali abbundanti, li intom imsejħin tamministraw bħala ħarriesa responsabbli. Imma n-nazzjon kien imbierek fuq kollox fil-poplu tiegħu: il-familji solidi li għandu, iż-żgħażagħ tiegħu u l-anzjani li għandu.  Jien ħerqan biex għada niltaqa’ maż-żgħażagħ għax għalihom għandi kliem ta’ inkoraġġiment u tħeġġiġ.  Kemm hu importanti li lilhom noffrulhom it-tama, il-possibiltà li jirċievu edukazzjoni xierqa u xogħol imħallas, u, fuq kollox, l-opportunità li jieħdu sehem sħiħ fil-ħajja tas-soċjetà!  Imma rrid insemmi wkoll il-barka li intom tirċievu permezz tal-anzjani.  Huma l-memorja ħajja ta’ kull poplu.  L-għaqal u l-esperjenza tagħhom għandhom dejjem jingħataw valur u jkunu boxxla li tgħin lis-soċjetà ssib id-direzzjoni t-tajba biex taffronta l-isfidi taż-żmien t’issa bl-integrità, bil-għaqal u billi tħares fil-bogħod.

Hawn, fil-kontinent Afrikan, l-Uganda wriet impenn eċċezzjonali fil-laqgħa li tat lir-rifuġjati,  għax tagħthom il-wisa’ biex jerġgħu jibnu l-eżistenza tagħhom fiż-żgur u għenithom iħossu d-dinjità li tiġi mill-kisba ta’ xogħol onest li bih jaqilgħu l-għejxien tagħhom.  Id-dinja tagħna, miġrugħa mill-gwerrer, vjolenza u diversi għamliet ta’ inġustizzja, qed tassisti għal moviment migratorju ta’ popli, li qatt ma deher bħalu.  Il-mod li bih naffrontaw dan il-fenomenu hu prova tal-umanità tagħna, tar-rispett tagħna lejn id-dinijità umana u, qabel kollox, tas-solidarjetà tagħna ma’ ħutna li jinsabu fil-bżonn.

Għalkemm iż-żjara tiegħi hi qasira, nittama li nagħti l-kuraġġ lil tant sforzi li qed isiru fis-satra biex tingħata l-għajnuna lill-foqra, lill-morda u lil kull persuna li tinsab f’diffikultà.  Hu f’dawn is-sinjali żgħar li nistgħu naraw il-veru ruħ tal-poplu.  Id-dinja tagħna tista’ ssir solidali b’ħafna manjieri; madnakollu fl-istess waqt, bi preokkupazzjoni qed nassistu għall-globaliżżazzjoni tal-“kultura tal-iskart” li tgħalqilna għajnejna għall-valuri spiritwali, twebbsilna qlubna quddiem il-ħtiġijiet tal-foqra u tisraq it-tama liż-żgħażagħ tagħna.

Nixtieq niltaqa’ magħkom u nqatta’ daż-żmien magħkom u nittama li intom u l-maħbub poplu kollu tal-Uganda tkunu dejjem denji tal-valuri li sawwru r-ruħ tan-nazzjon tagħkom.  Nitlob fuqkom ilkoll il-barkiet tal-Mulej bl-abbundanza.

Mungu awabariki! (Il-Mulej iberikkom!)

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber