Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba.

 

Il-lum nixtieq inkellimkom dwar il-Vjaġġ Appostoliku li għamilt il-Ħadd li għadda fl-Albanija.  Dan nagħmlu qabel xejn bħala att ta’ radd il-ħajr lil Alla, li tani li nagħmel din iż-Żjara biex nuri, anki fiżikament u b’mod tanġibbli, li kemm jiena u kemm il-Knisja kollha nħossuna qrib ta’ dan il-poplu.  Imbagħad nixtieq inġedded ir-rikonoxximent fratern tiegħi lejn l-isqfijiet Albaniżi, is-saċerdoti u r-reliġjużi li jaħdmu b’tant impenn.  Il-gratitudni tiegħi tmur ukoll għall-Awtoritajiet li laqgħuna b’tant rispett, kif ukoll lejn dawk kollha li kkoperaw biex setgħet isseħħ din iż-Żjara.

 

Din iż-Żjara nibtet mix-xewqa li nżur pajjiż li, wara li għal żmien twil safa mjassar minn reġim ateu u diżuman, issa qed jgħix esperjenza ta’ konvivenza paċifika bejn id-diversi realtajiet reliġjużi tiegħu.  Deherli li kien importanti ninkuraġġih f’din it-triq, biex jibqa’ miexi fiha b’determinazzjoni u jinżel fil-fond ta’ l-implikazzjonijiet kollha tagħha b’riżq il-ġid komuni.  Għalhekk fil-qalba tal-Vjaġġ kien hemm laqgħa interreliġjuża fejn stajt nikkonferma, b’sodisfazzjon kbir, li l-konvivenza paċifika u effettiva bejn persuni u komunitajiet ta’ reliġjonijiet differenti mhux biss hi mixtieqa, imma konkretament possibbli u prattikabbli.  Huma jipprattikawha!  Hawn għandna djalogu awtentiku u effettiv li jaħrab ir-relattiviżmu u jagħti każ ta’ l-identità ta’ kull persuna.  Fil-fatt, dak li jagħmel komuni bejniethom id-diversi espressjonijiet reliġjużi hu l-mixja tal-ħajja, ir-rieda tajba li wieħed jagħmel il-ġid lill-proxxmu, bla ma jiċħad jew inaqqas mill-identità tiegħu nnifsu.

 

Il-laqgħa mas-saċerdoti, l-erwieħ ikkonsagrati, is-seminaristi u l-movimenti lajkali kienet okkażjoni biex niftakru bi gratitudni, b’aċċenti ta’ kommozzjoni partikulari, fl-għadd kbir ta’ martri tal-fidi.  Fil-preżenza ta’ xi anzjani, li għexu f’ġisimhom stess il-persekuzzjonijiet kiefra, naraw eku tal-fidi ta’ tant xhieda erojċi tal-passat, li mxew wara Kristu sa l-aktar konsegwenzi ħorox.  Hu sewwa sew mill-għaqda intima ma’ Ġesù, mir-relazzjoni ta’ mħabba miegħU, li nixxiet għal dawn il-martri – l-istess bħal fil-każ ta’ kull martri ieħor – il-qawwa li jaffrontaw il-ġrajjiet ta’ tbatija li wassluhom għall-martirju.  Anki l-lum, bħall-bieraħ, il-qawwa tal-Knisja ma tiġix daqstant mill-ħiliet organizzattivi jew mill-istrutturi tagħha, anki jekk dawn huma meħtieġa: il-qawwa tagħha l-Knisja mhux hemm issibha.  Il-qawwa tagħna hi l-imħabba ta’ Kristu!  Qawwa li tweżinna fil-mumenti ta’ diffikultà u li tnebbaħ l-azzjoni appostolika fil-ħajja ta’ kuljum biex nistgħu noffru lil kulħadd tjieba u maħfra, u hekk nagħtu xhieda tal-ħniena ta’ Alla.

 

Jien u għaddej mill-vjal prinċipali ta’ Tirana li mill-ajruport iwasslek għall-pjazza kbira ċentrali, stajt nilmaħ ir-ritratti ta’ l-erbgħin saċerdot maqtula matul id-dittatura Komunista u li nfetħet il-kawża tal-beatifikazzjoni tagħhom.  Ma’ dawn inżidu l-mijiet ta’ reliġjużi Nsara u Musulmani maqtula, ittorturati, mitfugħa l-ħabs u eżiljati sempliċement għax kienu jemmnu f’Alla.  Kienu snin mudlama, li tulhom inġiebet fix-xejn il-libertà reliġjuża u ma kontx tista’ temmen f’Alla, eluf ta’ knejjes u moskej ġew meqruda, mibdula fi swieq u swali taċ-ċinema li kienu jippropagaw l-idea Marxista, il-kotba reliġjużi nħarqu u l-ġenituri ma kinux jitħallew jagħtu lil uliedhom l-ismijiet reliġjużi ta’ l-antenati tagħhom.  It-tifkira ta’ dawn il-ġrajjiet drammatiċi hi essenzjali għall-futur ta’ poplu.  Il-memorja tal-martri li baqgħu sħaħ fil-fidi hi garanzija għad-destin ta’ l-Albanija; għax demmhom ma xteridx għalxejn, imma hu żerriegħa li ġġib frott ta’ sliem u kollaborazzjoni fraterna.  Fil-fatt, il-lum l-Albanija hi eżempju mhux biss ta’ Knisja li twieldet mill-ġdid, imma anki ta’ konvivenza paċifika bejn ir-reliġjonijiet.  Għalhekk, il-martri m’humiex nies li ġew mirbuħa, imma rebbieħa: fix-xhieda erojka tagħhom tilma l-qawwa ta’ Alla li jista’ kollox u li dejjem ifarraġ il-poplu tiegħu, u jiftaħ toroq ġodda u orizzonti ta’ tama.

 

Dan il-messaġġ ta’ tama, imwaqqaf fuq il-fidi fi Kristu u fuq il-memorja ta’ l-imgħoddi, fdajtu f’idejn il-poplu kollu ta’ l-Albanija li rajt imħeġġeġ u hieni fl-imkejjen tal-laqgħat u taċ-ċelebrazzjonijiet, kif ukoll fit-toroq ta’ Tirana.  Ħeġġiġt lil kulħadd biex jixrob minn Kristu Rxoxt enerġija dejjem ġdida, biex jistgħu jkunu ħmira evanġelika fis-soċjetà u jħabirku, kif diġà qed isir, fil-ħidmiet karitattivi u edukattivi.

 

Għal darb’oħra nirringrazzja lill-Mulej għax, b’dan il-Vjaġġ, laqqagħni ma’ poplu kuraġġjuż u b’saħħtu, li ma ħalliex it-tbatija tifnih.  Lil ħuti ta’ l-Albanija nġedded l-istedina għall-kuraġġ li jagħmlu t-tajjeb, biex jibnu l-preżent u l-ġejjieni ta’ pajjiżhom u ta’ l-Ewropa.  Nafda l-frott taż-żjara tiegħi lill-Madonna tal-Parir it-Tajjeb, meqjuma fis-Santwarju ta’ Scutari ddedikat lilha, biex Hi tissokta ddawwal il-mixja ta’ dan il-poplu martri.  L-esperjenza iebsa ta’ l-imgħoddi tniżżillu għeruqu dejjem iżjed fil-ftuħ lejn l-aħwa, speċjalment dawk l-aktar dgħajfa, u tagħmlu protagonista ta’ dak id-dinamiżmu tal-karità hekk meħtieġ fil-kuntest soċjo-kulturali tal-lum.  Nixtieq li lkoll kemm aħna l-lum insellmu lil dan il-poplu qalbieni, bieżel, u li qed ifittex l-għaqda fis-sliem.

 

 

Miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard