ĠUBLEW STRAORDINARJU TAL-ĦNIENA

IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠUBILARI

Is-Sibt 30 ta’ Jannar 2016

Ħniena u Missjoni

 

Għeżież ħuti,

 

Jum wara l-ieħor deħlin fil-qalba tas-Sena Mqaddsa tal-Ħniena.  Bil-grazzja tiegħu, il-Mulej imexxi l-passi tagħna aħna u ngħaddu mill-Bieb Imqaddes u jiġi jiltaqa’ magħna biex jibqa’ dejjem magħna, minkejja n-nuqqasijiet u l-inkoerenza tagħna.  Ejjew ma negħjew qatt inħossu l-bżonn tal-maħfra tiegħu, għax meta aħna dgħajfin hu jqawwina bil-preżenza tiegħu qrib tagħna u jagħmilna b’saħħitna u jippermettilna ngħixu l-fidi tagħna b’ferħ ikbar.

 

Il-lum nixtieq infakkarkom fir-rabta kbira li hemm bejn il-ħniena u l-missjoni.  Kif kien ifakkar San Ġwanni Pawlu II: “Il-Knisja tkun tgħix ħajja vera meta tistqarr u xxandar il-ħniena u meta tressaq lill-bnedmin lejn l-għejun tal-ħniena tas-Salvatur” (Enċiklika Dives in misericordia, 13).  Bħala Nsara għandna r-responsabbiltà li nkunu missjunarji tal-Vanġelu.  Meta nirċievu aħbar tajba, jew meta ngħixu esperjenza sabiħa, hu naturali għalina li nħossu l-bżonn li naqsmuha ma’ l-oħrajn ukoll.  Inħossu ġo fina li l-ferħ li ngħatalna ma nistgħux inżommuh għalina: hemm bżonn inxerrduh.  Il-ferħ li nkunu ħassejna hu hekk kbir li nħossu li rridu naqsmuh ma’ l-oħrajn.

 

L-istess għandu jiġrilna meta niltaqgħu mal-Mulej: il-ferħ ta’ din il-laqgħa, tal-ħniena tiegħu, inxerrdu l-ħniena tal-Mulej.  Anzi, is-sinjal konkret li tassew iltqajna ma’ Ġesù hu l-ferħ li nħossu meta naqsmuh ma’ l-oħrajn.  U dan ma jfissirx li nkunu “nagħmlu l-proselitiżmu”, dan ifisser li nagħtu don: jien nagħtik dak li lili jferraħni.  Meta naqraw il-Vanġelu naraw li din kienet l-esperjenza ta’ l-ewwel dixxipli: wara l-ewwel laqgħa tiegħu ma’ Ġesù, Indrì mar minnufih jgħid b’dan lil ħuh Pietru (ara Ġw 1:40-42), u l-istess ħaġa għamel Filippu ma’ Natanjel (ara Ġw 1:45-46).  Li tiltaqa’ ma’ Ġesù qisek qed tiltaqa’ ma’ l-imħabba tiegħu.  Din l-imħabba tibdilna u tagħmilna kapaċi ngħaddu lill-oħrajn il-qawwa li tagħtina.  B’xi mod nistgħu ngħidu li minn dak in-nhar tal-Magħmudija ġie mogħti lil kull wieħed u waħda minna isem ġdid miżjud ma’ dak li diġà jkunu tawna ommna u missierna, u dan l-isem hu “Kristofru”: ilkoll aħna “Kristofri”.  Xi jfisser dan?  “Wassàla ta’ Kristu”.  Dan hu l-isem ta’ l-imġiba tagħna, imġiba ta’ min iwassal u jxerred il-ferħ ta’ Kristu, il-ħniena ta’ Kristu.  Kull Nisrani hu “Kristofru”, jiġifieri jġorr lil Kristu!

 

Il-ħniena li nirċievu mill-Missier ma tingħatalniex bħala faraġ privat, imma tagħmilna għodda biex anki oħrajn jistgħu jirċievu dan l-istess don.  Hemm ċirkularità stupenda bejn il-ħniena u l-missjoni.  Jekk ngħixu bil-ħniena, dan jagħmilna missjunarji tal-ħniena, u jekk aħna missjunarji, nistgħu nikbru dejjem iżjed fil-ħniena ta’ Alla.  Mela, ejjew nieħdu bis-serjetà l-fatt li aħna Nsara, u nħabirku biex ngħixu bil-fidi, għax hekk biss il-Vanġelu jista’ jmiss il-qalb tal-persuni u jiftaħha biex tilqa’ l-grazzja ta’ l-imħabba, biex tilqa’ din il-ħniena kbira ta’ Alla li tilqa’ lil kulħadd.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard