ĠUBLEW STRAORDINARJU TAL-ĦNIENA

IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠUBILARI 

Is-Sibt 10 ta’ Settembru 2016

Ħniena u Fidwa

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Is-silta li għadna kif smajna tkellimna fuq il-ħniena ta’ Alla li titwettaq fil-Fidwa, jiġifieri fis-salvazzjoni li ngħatatilna bid-demm ta’ Ibnu Ġesù (ara 1 Pt 1:18-21). Il-kelma “fidwa” ftit li xejn tintuża, imma hi fundamentali għax turi l-akbar ħelsien li Alla seta’ jikseb għalina, għall-bnedmin kollha u għall-ħolqien sħiħ. Donnu l-bniedem tal-lum m’għadux jifraħ jaħseb li ġie meħlus u mifdi b’għemil ta’ idejn Alla; fil-fatt il-bniedem tal-lum moħħu mimli bil-libertà tiegħu li biha għandu s-saħħa jaħtaf kollox taħt idejh. Jiftaħar ukoll b’dan. Imma fir-realtà mhuwiex hekk. Kemm illużjonijiet jinbiegħu f’isem il-libertà u kemm għamliet ġodda ta’ jasar jinħolqu fi żmienna f’isem libertà falza! Tant u tant ilsiera: “Jien qed nagħmel dan għax irrid nagħmlu, nieħu d-droga għax togħġobni, jiena ħieles, jien nagħmel din il-ħaġa jew l-oħra”. Huma lsiera! F’isem il-libertà jsiru lsiera. Ilkoll kemm aħna rajna nies ta’ din il-qatgħa li fl-aħħar jispiċċaw jistabtu mal-art. Għandna bżonn lil Alla biex jeħlisna minn kull xorta ta’ indifferenza, ta’ egoiżmu u ta’ awtosuffiċjenza.

 

Kliem l-Appostlu Pietru jesprimi tajjeb ħafna s-sens tal-istat ta’ ħajja ġdida li għalih aħna msejħa. Meta sar wieħed minna, il-Mulej Ġesù mhux biss ħa fuqu l-qagħda tagħna ta’ bnedmin, imma refagħna għall-possibbiltà li nsiru wlied Alla. Bil-mewt u l-qawmien tiegħu, Ġesù Kristu, Ħaruf bla tebgħa, rebaħ fuq il-mewt u d-dnub biex jeħlisna mill-ħakma tagħhom. Hu l-Ħaruf li ġie ssagrifikat għalina, biex aħna jista’ jkollna ħajja ġdida magħmula mill-maħfra, l-imħabba u l-ferħ. Kemm huma sbieħ dawn it-tliet kelmiet: maħfra, imħabba u ferħ! Dak kollu li hu ħa fuqu ġie wkoll mifdi, meħlus u salvat. Huwa minnu li l-ħajja ġġarrabna u xi drabi nbatu minħabba f’hekk. Madankollu, f’dawn il-waqtiet aħna mistiedna nsammru ħarsitna fuq Ġesù mislub li jbati għalina u magħna, bħala prova ċerta li Alla qatt mhu sa jitlaqna waħidna. Ma rridu qatt ninsew li fl-hemm u fil-persekuzzjonijiet, kif ukoll fit-tbatijiet ta’ kuljum aħna dejjem meħlusa mid-driegħ ħanin ta’ Alla li jerfagħna lejh u jwassalna għal ħajja ġdida.

 

L-imħabba ta’ Alla hi bla tarf: nistgħu niskopru sinjali dejjem ġodda li juruna l-attenzjoni tiegħu lejna u fuq kollox kemm jixtieq jilħaqna u jimxi qabilna. Ħajjitna kollha, anki jekk mimsusa mid-dgħufija tad-dnub, qiegħda taħt il-ħarsa ta’ Alla li jħobbna. Kemm paġni tal-Iskrittura Mqaddsa jkellmuna fuq il-preżenza, il-qrubija u l-ħlewwa ta’ Alla għal kull bniedem, speċjalment għaċ-ċkejknin, għall-iżjed dgħajfa, għall-mormija tas-soċjetà! Iktar ma nkunu fil-bżonn, iżjed il-ħarsa tiegħu fuqna timtela bil-ħniena. Hu juri ħniena kollha mogħdrija lejna għax jaf x’inhuma d-dgħufijiet tagħna. Jafhom id-dnubiet tagħna u jaħfrilna; jaħfer dejjem! Hu wisq twajjeb magħna, hu wisq twajjeb dan Missierna.

 

Għalhekk, ħuti, ejjew niftħu qalbna għalih, nilqgħu l-grazzja tiegħu! Għax, kif jgħid is-Salm, “għand il-Mulej hemm it-tjieba, u l-fidwa għandu bil-kotra” (130:7).

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard