IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 31 ta’ Jannar 2018

 

Il-Quddiesa – 8. Il-Liturġija tal-Kelma: I. Djalogu bejn Alla u l-poplu tiegħu

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Nissoktaw illum bil-katekeżi tagħna fuq il-Quddiesa. Wara li waqafna fuq ir-Riti tal-Bidu, ejjew issa nħarsu lejn il-Liturġija tal-Kelma, li hi parti kostituttiva għax fiha ninġabru proprju biex nisimgħu dak li Alla għamel u għadu jrid jagħmel għalina. Hi esperjenza li sseħħ “b’mod dirett” u mhux għax smajna biha minn ħaddieħor, għax “meta fil-Knisja tinqara l-Iskrittura Mqaddsa, Alla nnifsu jkun ikellem lill-poplu tiegħu, u Kristu, preżenti fil-Kelma, ixandar il-Vanġelu” (Ordni ġenerali tal-Missal Ruman, 29; ara Kostituzzjoni Sacrosanctum concilium, 7; 33). U kemm drabi, hi u tinqara l-Kelma ta’ Alla, tisma’ l-kummenti: “Ara dak…, ara dik…, ara x’kappell libset dik: kemm hu tad-daħk…”. U nibdew ngħaddu l-kummenti. Mhux veru? Hemm bżonn ngħaddu l-kummenti waqt li tkun tinqara l-Kelma ta’ Alla? [iwieġbu: “Le!”]. Le, għax jekk int toqgħod tpaċpaċ man-nies, m’initx ħa tisma’ l-Kelma ta’ Alla. Meta tinqara l-Kelma ta’ Alla fil-Bibbja – l-Ewwel Qari, it-Tieni, is-Salm Responsorjali u l-Vanġelu – irridu nagħtu widen, niftħu l-qalb tagħna, għax hu Alla nnifsu li jkellimna, u toqgħodx taħseb f’affarijiet oħra jew titkellem fuq ħwejjeġ oħra. Fhimtu?… Ħa nfissrilkom x’jiġri f’din il-Liturġija tal-Kelma.

 

Il-paġni tal-Bibbja ma jibqgħux sempliċi kitba imma jsiru kelma ħajja, imlissna minn Alla nnifsu. Hu Alla li, permezz tal-persuna li tkun taqra, ikellimna u jisfidana, lilna li nisimgħu bil-fidi. L-Ispirtu “li tkellem b’fomm il-profeti” (Kredu) u nebbaħ lill-awturi sagri, jagħmel li “l-kelma ta’ Alla taħdem tassew fil-qlub dak li permezz tagħha jidwi fil-widnejn” (Lezzjonarju, Introduzzjoni, 9). Imma biex nisimgħu l-Kelma ta’ Alla jrid ikollna wkoll il-qalb miftuħa biex nistgħu nilqgħu dawk il-kelmiet f’qalbna. Alla jitkellem u aħna nagħtuh widen, biex imbagħad inqiegħdu fil-prattika dak li nkunu smajna. Importanti ħafna li nisimgħu. Xi drabi forsi ma nifhmux tajjeb, għax hemm ċertu qari li jkun naqra diffiċli. Imma Alla jkellimna xorta waħda b’xi mod jew ieħor. [Hemm bżonn] nisktu u nisimgħu l-Kelma ta’ Alla. Tinsewhx dan. Fil-quddiesa, meta jibda l-qari, nisimgħu l-Kelma ta’ Alla.

 

Hemm bżonn li nagħtu widen! Hi fil-fatt kwistjoni ta’ għajxien, kif tfakkarna tant tajjeb l-espressjoni inċiżiva li “mhux bil-ħobż biss jgħix il-bniedem, imma b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla” (Mt 4:4). L-għajxien li tagħtina l-Kelma ta’ Alla. F’dan is-sens, nitkellmu fuq il-Liturġija tal-Kelma bħala l-“mejda” li l-Mulej iħejji għall-ikel biex jitma’ l-ħajja spiritwali tagħna. Hi mejda abbundanti dik tal-liturġija, li tiġbor ħafna mit-teżori tal-Bibbja (ara SC, 51), kemm mit-Testment il-Qadim u kemm mill-Ġdid, għax fihom hemm imħabbra mill-Knisja l-misteru waħdieni u identiku ta’ Kristu (ara Lezzjonarju, Introduzzjoni, 5). Ejjew naħsbu fl-għana kbir tas-siltiet tal-qari mill-Bibbja li joffrulna t-tliet ċikli tal-Ħdud li, fid-dawl tal-Vanġeli Sinottiċi, jakkumpanjawna matul is-sena liturġika: x’għana kbir! Nixtieq hawn infakkar ukoll fl-importanza tas-Salm Responsorjali, li l-funzjoni tiegħu hi li jgħin għall-meditazzjoni ta’ dak li nkunu għadna kemm smajna fil-qari ta’ qablu. Tajjeb li dan is-Salm nagħtuh il-valur tiegħu bil-kant, tal-inqas tar-ritornell (ara OGMR, 61; Lezzjonarju, Introduzzjoni, 19-22).

 

Ix-xandir liturġiku ta’ dan il-qari, bil-kant meħud mill-Iskrittura Mqaddsa, jesprimi u jgħin il-komunjoni ekkleżjali, billi jakkumpanja l-mixja ta’ kulħadd u ta’ kull wieħed u waħda. Hekk nifhmu għaliex ċerti għażliet suġġettivi, bħal min jagħżel li jħalli barra xi qari jew ipoġġi floku testi mhux mill-Bibbja, huma pprojbiti. Smajt li hemm min, jekk ikun hemm xi aħbar, jaqra mill-gazzetta, għax din tkun l-aħbar tal-ġurnata. Le! Il-Kelma ta’ Alla hi l-Kelma ta’ Alla! Il-ġurnal nistgħu naqrawh wara. Imma hemm naqraw il-Kelma ta’ Alla. Hu l-Mulej li qed ikellimna. Li flok il-Kelma ta’ Alla naqraw ħwejjeġ oħra jkun ifaqqar u jikkomprometti d-djalogu bejn Alla u l-poplu tiegħu fit-talb. Għall-kuntrarju, [hi meħtieġa] id-dinjità tal-ambone u l-użu tal-Lezzjonarju, id-disponibbiltà ta’ letturi u salmisti tajbin. U kemm hemm bżonn li nfittxu letturi tajbin! Dawk li jafu jaqraw, mhux dawk li jaqraw [jgħawġu l-kliem] u ma tifhem xejn. Hekk hu. Letturi tajbin. Iridu jkunu ppreparati u jippruvawh il-qari qabel il-quddiesa biex jistgħu jaqrawh tajjeb. U dan joħloq klima ta’ silenzju riċettiv.[1]

 

Nafu li l-Kelma ta’ Alla hi għajnuna indispensabbli għalina biex ma nintilfux, kif jagħraf tajjeb is-Salmista, li jdur fuq il-Mulej u jistqarrlu: “Fanal għal riġlejja l-kelma tiegħek, u dawl fil-mogħdija tiegħi” (Salm 119:105). Kif nistgħu naffrontaw il-pellegrinaġġ tagħna fuq din l-art, bit-taħbit u t-tiġrib tiegħu, mingħajr ma nkunu mrejqa u mdawla regolarment mill-Kelma ta’ Alla li tidwi fil-Liturġija?

 

Bla dubju, mhux biżżejjed nisimgħu b’widnejna, mingħajr ma nilqgħu fil-qalb iż-żerriegħa tal-Kelma divina, u nħalluha tagħti l-frott. Niftakru fil-parabbola ta’ dak li ħareġ jiżra’ u tad-diversi riżultati skont l-għamliet differenti ta’ art (ara Mk 4:14-20). L-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu, li tagħmel effikaċi t-tweġiba tagħna, għandha bżonn ta’ qlub li jħallu lil min jaħdimhom u jiżragħhom, hekk li dak li nisimgħu fil-quddiesa jgħaddi għall-ħajja ta’ kuljum, skont it-twissija tal-Appostlu Ġakbu: “Kunu intom dawk li jagħmlu l-kelma, u mhux tisimgħuha biss u hekk tqarrqu bikom infuskom” (Ġak 1:22). Il-Kelma ta’ Alla tagħmel mixja fil-ħajja tagħna. Nisimgħuha b’widnejna u tgħaddi għall-qalb tagħna; ma tibqax fil-widnejn, trid tinżel fil-qalb; u mill-qalb tgħaddi għad-dirgħajn, għall-opri tajba. Din hi l-mixja li tagħmel il-Kelma ta’ Alla: mill-widnejn għad-dirgħajn. Nitgħallmuhom dawn il-ħwejjeġ. Grazzi.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 

 



[1] “Il-Liturġija tal-Kelma għandha tkun iċċelebrata b’mod li jgħin il-meditazzjoni; għalhekk għandha tiġi assolutament evitata kull xorta ta’ għaġla li ma tgħinx għall-ġabra. Fiha jixirqu wkoll waqtiet qosra ta’ skiet, adattati għall-ġemgħa miġbura, li permezz tagħhom, bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu, il-kelma ta’ Alla tiġi milqugħa fil-qalb, u fit-talb titħejja t-tweġiba għaliha” (OGMR, 56).