IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 30 ta’ Diċembru 2015

 

3. Il-Milied tal-Ġublew tal-Ħniena

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

F’dawn il-jiem tal-Milied għandna quddiemna lil Ġesù Bambin.  Jien ċert li fid-djar tagħna ħafna familji għadhom jagħmlu l-presepju, biex ikomplu din it-tradizzjoni sabiħa li tmur lura għal San Franġisk ta’ Assisi u li żżomm ħaj fi qlubna l-misteru ta’ Alla li sar bniedem.

 

Id-devozzjoni lejn Ġesù Bambin hi mxerrda sew.  Bosta qaddisin għożżewha fit-talb tagħhom ta’ kuljum, u xtaqu jsawru ħajjithom fuq dik ta’ Ġesù Bambin.  Qed tiġini f’moħħi b’mod partikulari Santa Teresa ta’ Lisieux, li bħala soru Karmelitana kellha l-isem ta’ Teresa ta’ Ġesù Bambin u tal-Wiċċ Imqaddes.  Hi – li hi wkoll Duttur tal-Knisja – għarfet tgħix u tagħti xhieda ta’ dik it-“tfulija spiritwali” li naslu għaliha propju billi nimmeditaw, fl-iskola tal-Verġni Marija, l-umiltà ta’ Alla li għalina ċċekken.  U dan hu misteru kbir, Alla hu umli!  Aħna li aħna mkabbrin, mimlijin vanità u naħsbu li aħna xi ħaġa, m’aħna xejn!  Hu, li hu kbir, jibqa’ umli u jsir tarbija ċkejkna.  Dan hu tassew misteru!  Alla hu umli.  Xi ġmiel!

 

Kien hemm żmien meta, fil-Persuna divina-umana ta’ Kristu, Alla kien tarbija, u dan għandu jkollu tifsira partikulari għall-fidi tagħna.  Hu minnu li l-mewt tiegħu fuq is-salib u l-qawmien tiegħu huma l-ogħla espressjoni ta’ l-imħabba li biha fdiena, imma ma ninsewx li l-ħajja tiegħu kollha fuq din l-art hi rivelazzjoni u tagħlim.  Fi żmien il-Milied niftakru fih bħala tarbija.  Biex nikbru fil-fidi għandna bżonn nikkontemplaw iżjed ta’ spiss lil Ġesù Bambin.  Ċertament, ma nafu xejn fuq dan il-perjodu.  Il-ftit indikazzjonijiet li għandna jirriferu għall-għoti ta’ l-isem wara tmint ijiem minn twelidu u għall-preżentazzjoni fit-Tempju (ara Lq 2:21-28); u barra minn hekk, għaż-żjara tal-Maġi bil-ħarba, wara, għall-Eġittu (ara Mt 2:1-23).  Imbagħad, hemm qabża kbira sat-tnax-il sena, meta ma’ Marija u Ġużeppi jitla’ pellegrinaġġ Ġerusalemm għall-Għid, u minflok jerġa’ lura mal-ġenituri tiegħu, jibqa’ fit-Tempju jitkellem ma’ l-imgħallmin tal-liġi.

 

Kif nistgħu naraw, ftit nafu dwar Ġesù Bambin, imma nistgħu nitgħallmu ħafna minnU jekk inħarsu lejn il-ħajja tat-tfal.  Hi drawwa sabiħa li għandhom il-ġenituri, in-nanniet, dik li jħarsu lejn it-trabi, jiflu xi jkunu jagħmlu.

 

Niskopru, qabel xejn, li t-trabi u t-tfal ifittxu l-attenzjoni tagħna.  Huma jridu joqogħdu fiċ-ċentru.  Għaliex?  Għax huma mkabbrin bihom infushom?  Le!  Għax għandhom bżonn iħossuhom protetti.  Anki aħna għandna bżonn inqiegħdu fiċ-ċentru tal-ħajja tagħna lil Ġesù u li nkunu nafu, anki jekk tidher ħaġa paradossali, li għandna r-responsabbiltà li nipproteġuh.  Irid joqgħod f’dirgħajna, jixtieq li nieħdu ħsiebu u jwaqqaf ħarstu f’tagħna.  Barra dan, inġagħlu lil Ġesù Bambin jitbissem biex nuruh imħabbitna u l-ferħ tagħna li Hu fostna.  It-tbissima tiegħu hi sinjal ta’ l-imħabba li tagħtina ċertezza li aħna maħbuba.  It-trabi, fl-aħħar nett, jieħdu gost jilagħbu.  Imma li noqogħdu nilagħbu mat-tfal ifisser li nwarrbu l-loġika tagħna biex nidħlu f’tagħhom.  Jekk irridu li jieħdu gost, hemm bżonn nifhmu x’jogħġob lilhom, u ma nkunux egoisti u nġagħluhom jagħmlu dak li jogħġob lilna.  Din hi tagħlima għalina.  Quddiem Ġesù aħna msejħin inħallu l-pretensjoni tagħna ta’ awtonomija – u dan hu l-ġist tal-problema: il-pretensjoni ta’ awtonomija li għandna –, biex minflok nilqgħu l-vera forma ta’ libertà, li tikkonsisti f’li nafu lil min għandna quddiemna u naqduh.  Din it-tarbija hi l-Iben ta’ Alla li ġie biex isalvana.  Ġie fostna biex jurina l-wiċċ tal-Missier għani fl-imħabba u fil-ħniena.  Ejjew mela rrossu ma’ dirgħajna lit-Tarbija Ġesù, ningħataw għas-servizz tagħha: Hi għajn ta’ mħabba u ta’ serenità.  U tkun ħaġa sabiħa jekk il-lum, meta mmorru lura d-dar, nersqu qrib tal-presepju u nbusu lil Ġesù Bambin u ngħidulu: “Ġesù, jien irrid inkun umli bħalek, umli bħal Alla”, u nitolbuh din il-grazzja.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard