IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 30 ta’ Novembru 2016

 

38. Nitolbu lil Alla għall-ħajjin u għall-mejtin

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Bil-katekeżi tal-lum qed nagħlqu ċ-ċiklu ddedikat lill-ħniena. Imma għalkemm il-katekeżi jispiċċaw, il-ħniena trid tibqa’! Nirringrazzjaw lill-Mulej ta’ dan kollu u ngħożżuh fil-qalb tagħna biex ikun ta’ konsolazzjoni u faraġ għalina.

 

L-aħħar opra spiritwali tal-ħniena titlob minna li nitolbu għall-ħajjin u għall-mejtin. Magħha nistgħu nżidu wkoll l-aħħar opra korporali tal-ħniena li tistedinna nidfnu l-mejtin. Din tal-aħħar taf tidher talba stramba; imma, f’xi nħawi tad-dinja li jinsabu taħt il-madmad tal-gwerra, bil-bumbardamenti li lejl u nhar jiżirgħu l-biża’ u vittmi innoċenti, ikollna ngħidu li din l-opra hi attwali ħafna. Il-Bibbja għandha eżempju l-ġmiel tiegħu ta’ dan: dak tax-xwejjaħ Tobit, li, b’riskju għal ħajtu stess, kien jidfen il-mejtin minkejja l-ordni tas-sultan biex ma jsirx dan (ara Tob 1:17-19; 2:2-4). Anki llum hemm min qed jirriskja ħajtu biex jidfen lill-imsejkna vittmi tal-gwerra. Mela, din l-opra tal-ħniena li tmiss il-ġisem mhix imbiegħda mill-ħajja tagħna ta’ kuljum. U ġġagħalna naħsbu f’dak li seħħ nhar il-Ġimgħa l-Kbira, meta l-Verġni Marija, ma’ Ġwanni u xi nisa kienu taħt is-salib ta’ Ġesù. Wara l-mewt tiegħu, ġie Ġużeppi minn Arimatija, raġel għani, membru tas-Sinedriju li kien sar dixxiplu ta’ Ġesù, u offra għalih il-qabar ġdid li kellu, imħaffer fil-blat. Mar personalment għand Pilatu u talbu l-ġisem ta’ Ġesù: vera opra tal-ħniena magħmula b’kuraġġ kbir (ara Mt 27:57-60)! Għall-Insara, id-dfin hu att ta’ pjetà, imma wkoll għemil ta’ fidi kbira. Inqiegħdu fil-qabar il-ġisem tal-għeżież tagħna, bit-tama fil-qawmien tagħhom (ara 1 Kor 15:1-34). Dan hu rit li baqa’ qawwi ħafna u jinħass mill-poplu tagħna, u li jsib riżonanza speċjali f’dan ix-xahar ta’ Novembru ddedikat b’mod partikulari lit-tifkira u lit-talb għall-mejtin tagħna.

 

Li nitolbu għall-mejtin hu, qabelxejn, sinjal ta’ għarfien għax-xhieda li ħallewlna u l-ġid li għamlulna. Hu ringrazzjament lill-Mulej li tahomlna u għall-imħabba u l-ħbiberija tagħhom. Il-Knisja titlob għall-mejtin b’mod partikulari waqt il-Quddiesa. Is-saċerdot jgħid: “Ftakar ukoll, Mulej, fil-qaddejja tiegħek, li telqu qabilna bis-sinjal tal-fidi li ħadu fil-Magħmudija, u qegħdin jistrieħu fir-raqda tas-sliem. Ħenn għalihom, Mulej, u agħti lilhom, u lil dawk kollha li jistrieħu fi Kristu, il-hena, id-dawl u s-sliem” (Kanoni Ruman). Tifkira sempliċi, effikaċi, mimlija sinifikat, għax terħi lill-għeżież tagħna f’idejn il-ħniena ta’ Alla. Nitolbu b’tama Nisranija li jkunu miegħu fil-Ġenna, bit-tama li għad nerġgħu niltaqgħu lkoll flimkien f’dak il-misteru ta’ mħabba li ma nifhmuhx, imma li nafu li hu veru għax hu wegħda li Ġesù għamlilna. Ilkoll għad inqumu mill-ġdid u lkoll se nibqgħu għal dejjem ma’ Ġesù, miegħu.

 

It-tifkira tal-fidili mejtin m’għandha qatt tnessina wkoll li għandna nitolbu għall-ħajjin, li flimkien magħna ta’ kuljum jaffrontaw il-provi tal-ħajja. Il-ħtieġa ta’ din it-talba hi iżjed u iżjed ċara jekk inqegħduha fid-dawl tal-istqarrija tal-fidi li tgħid: “Nemmen fix-xirka tal-qaddisin”. Hu l-misteru li jesprimi l-ġmiel tal-ħniena li wriena Ġesù. Fil-fatt ix-xirka tal-qaddisin turina li aħna lkoll mgħaddsa fil-ħajja ta’ Alla u ngħixu fi mħabbtu. Ilkoll, ħajjin u mejtin, aħna f’din ix-xirka, jiġifieri bħal f’għaqda; imxierka fil-komunità ta’ dawk kollha li rċivew il-Magħmudija, u ta’ dawk li jitrejqu bil-Ġisem ta’ Kristu u jagħmlu parti mill-familja kbira ta’ Alla. Aħna lkoll familja waħda, magħquda. U għalhekk li nitolbu għal xulxin.

 

Hemm diversi modi kif nistgħu nitolbu għall-proxxmu tagħna! Kollha tajbin u mogħġuba minn Alla jekk isiru bil-qalb. Jiġuni f’moħħi b’mod partikulari l-ommijiet u l-missirijiet li jbierku lil uliedhom kull filgħodu u filgħaxija. Għad hemm din id-drawwa f’xi familji: li tbierek lil uliedek hi talba; jiġini f’moħħi t-talb għall-morda, meta mmorru narawhom u nitolbu għalihom; l-interċessjoni siekta, xi drabi bid-dmugħ, f’tant sitwazzjonijiet iebsin li għalihom nitolbu. Ilbieraħ ġie għall-Quddiesa f’Santa Marta raġel twajjeb, negozjant. Dak ir-raġel żagħżugħ ħa jkollu jagħlaq il-fabbrika tiegħu għax ma jistax ikompli u qalli jibki: “Jien ma nafx kif ħa nagħmel biex inħalli iżjed minn ħamsin familja bla xogħol. Nista’ niddikjara l-falliment tan-negozju tiegħi: nitlaq bi flusi, imma qalbi tibqa’ tibki ħajti kollha għal dawn il-ħamsin familja”. Araw kif ikun Nisrani tajjeb li jitlob bl-opri: ġie l-Quddiesa biex jitlob ħalli l-Mulej jiftaħlu triq biex joħroġ minn dan l-isqaq, mhux biss għalih, imma għal dawk il-ħamsin familja. Dan hu bniedem li jaf jitlob, bil-qalb u bil-fatti, jaf jitlob għall-proxxmu tiegħu. Hi sitwazzjoni diffiċli. U mhux qed ifittex l-aktar soluzzjoni faċli: “Imbagħad jaraw huma”. Dan hu Nisrani. Kemm għamilli ġid nisimgħu jitkellem! U jalla hawn ħafna hekk, illum, f’dan iż-żmien meta tant persuni qed ibatu minħabba n-nuqqas ta’ xogħol; jiġini f’moħħi wkoll ir-radd il-ħajr għal xi aħbar tajba dwar ħabib, qarib, kollega…: “Grazzi, Mulej, ta’ din il-ħaġa sabiħa!”, anki hekk tkun titlob għall-oħrajn! Tirringrazzja lill-Mulej li l-affarijiet sejrin sew. Xi drabi, kif jgħid San Pawl, “aħna anqas biss nafu nitolbu kif imiss, imma l-Ispirtu stess jidħol għalina bit-talb tiegħu bi tnehid li ma jistax jitfisser bil-kliem” (Rum 8:26). Hu l-Ispirtu li jitlob fina. Mela ejjew niftħu qalbna, hekk li l-Ispirtu s-Santu, li jgħarbel ix-xewqat li huma fil-qiegħ nett tal-qalb tagħna, jista’ jsaffihom u jwettaqhom. Imma għalina u għall-oħrajn ejjew nitolbu dejjem li ssir ir-rieda ta’ Alla, bħal fil-Missierna, għax ir-rieda tiegħu żgur li hi l-ikbar ġid, il-ġid ta’ Missier li qatt ma jitlaqna waħidna: nitolbu u nħallu lill-Ispirtu s-Santu jitlob fina. U din hi ħaġa sabiħa fil-ħajja: titlob billi tirringrazzja, tfaħħar lil Alla, titolbu xi ħaġa, tibki meta tinqala’ xi diffikultà, bħal dak ir-raġel. Imma ħa tkun il-qalb dejjem miftuħa għall-Ispirtu biex jitlob fina, magħna u għalina.

 

Fl-għeluq ta’ dawn il-katekeżi fuq il-ħniena, ejjew inħabirku biex nitolbu għal xulxin biex l-opri tal-ħniena li jmissu l-ġisem u r-ruħ isiru dejjem iżjed l-istil ta’ ħajjitna. Il-katekeżi, kif għidt fil-bidu, jagħlqu hawn. Għamilna mixja mal-erbatax-il opra tal-ħniena, imma l-ħniena tibqa’ u jeħtieġ ngħixuha b’dawn l-erbatax-il mod. Grazzi.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard