IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

 Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 30 ta’ Ottubru 2019

 

Katekeżi fuq l-Atti tal-Appostli – 14.

Ejja l-Maċedonja u għinna!” (Atti 16:9). Il-fidi Nisranija tasal fl-Ewropa

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Meta naqraw l-Atti tal-Appostli nintebħu kif l-Ispirtu s-Santu huwa l-protagonista tal-missjoni tal-Knisja: huwa hu li jdawwal il-mixja tal-evanġelizzaturi u jurihom xi triq għandhom jieħdu.

 

Dan narawh ċar fil-mument li fih l-Appostlu Pawlu, meta wasal Troas, ikollu viżjoni. Raġel mill-Maċedonja jitkarrablu: “Ejja l-Maċedonja u għinna!” (Atti 16:9). Il-poplu tal-Maċedonja ta’ Fuq tgħidx kemm hu mkabbar b’dan, hu wisq imkabbar li hu sejjaħ lil Pawlu biex ikun Pawlu li jħabbar lil Ġesù Kristu. Għandi tant memorji sbieħ ta’ dak il-poplu li laqagħni b’tant imħabba: jalla jżommu ħajja din il-fidi li pprietkalhom Pawlu! L-Appostlu ma qagħadx itella’ u jniżżel, telaq lejn il-Maċedonja, ċert li kien proprju Alla li kien qed jibagħtu, u jasal Filippi, “kolonja Rumana” (Atti 16:12) fuq il-Via Egnatia, biex jipprietka l-Vanġelu. Pawlu jieqaf hemm għal iktar minn jum wieħed. Tlieta huma l-ġrajjiet li jikkaratterizzaw il-waqfa tiegħu f’Filippi, f’dawn it-tlett ijiem: tliet ġrajjiet importanti. 1) L-evanġelizzazzjoni u l-magħmudija ta’ Lidja u tal-familja tagħha; 2) l-arrest li jseħħ wara, flimkien ma’ Sila, wara li eżorċizza lsira sfruttata mis-sidien tagħha; 3) il-konverżjoni u l-magħmudija tal-għassies tal-ħabs tiegħu u tal-familja tiegħu. Naraw dawn it-tliet episodji fil-ħajja ta’ Pawlu.

 

Il-qawwa tal-Vanġelu tmiss, qabelxejn, lin-nisa ta’ Filippi, b’mod partikulari lil Lidja, negozjanta tal-porpra, mill-belt ta’ Tijatira, li kienet temmen f’Alla u li l-Mulej jiftħilha qalbhabiex tifhem dak li kien jgħid Pawlu” (Atti 16:14). Fil-fatt, Lidja tilqalil Kristu, tirċievi l-Magħmudija flimkien mal-familja tagħha u tilqalil dawk li huma ta’ Kristu, billi tospita lil Pawlu u Sila f’darha. Hawn għandna x-xhieda tal-wasla tal-Kristjaneżmu fl-Ewropa: il-bidu ta’ proċess ta’ inkulturizzazzjoni li għadu għaddej sal-lum. Mill-Maċedonja daħal.

 

Wara dak ir-rispett kollu li raw fid-dar ta’ Lidja, Pawlu u Sila mbagħad ikollhom iħabbtu wiċċhom mal-ħajja iebsa tal-ħabs: jgħaddu mill-faraġ ta’ din il-konverżjoni ta’ Lidja u tal-familja tagħha, għad-deżolazzjoni tal-ħabs, fejn jiġu mixħuta talli f’isem Ġesù ħelsutfajla lsira, li kellha l-ispirtu biex taqra x-xorti u kienet iġġib ħafna flus lis-sidien tagħhabix-xogħol tat-teħbir (Atti 16:16). Is-sidien tagħha kienu jiggwadanjaw ħafna minn fuq daharha u din l-imsejkna lsira kienet tagħmel dak li jagħmlu s-sħaħar li jaqraw ix-xorti: kienet teħbirlek il-futur, taqralek idejkkif tgħid il-kanzunetta, “aqbad din l-id, żingara”, u n-nies kienet tħallasha ta’ dan. Anki llum, ħuti, hemm nies li tħallas għal dan. Niftakar fid-djoċesi tiegħi, f’park kbir ħafna, kien hemm iżjed minn sittin mejdina fejn bilqiegħda kont issib min jaqralek ix-xorti, jaqralek idejk, u n-nies kienet temmen f’dawn l-affarijiet! U kienet tħallas.  U dan kien jiġri wkoll fi żmien San Pawl. Is-sidien tagħha, biex ipattuhielu, jirrappurtaw lil Pawlu u jieħdu lill-Appostli quddiem il-maġistrati bl-akkuża ta’ diżordni pubbliku.

 

Imma x’jiġri? Pawlu jkun il-ħabs, imma xħin ikun hemm, isseħħ ġrajja sorprendenti. Jispiċċa mwarrab għalih waħdu, imma flok igergru, Pawlu u Sila jintonaw innu ta’ tifħir lil Alla u dan it-tifħir jerħi qawwa li teħlishom: huma u jitolbu jseħħ terremot li jriegħed is-sisien tal-ħabs, jinfetħu l-bibien u jaqgħu l-ktajjen ta’ kulħadd (ara Atti 16:25-26). Bħat-talba ta’ Għid il-Ħamsin, anki dik magħmula fil-ħabs tipprovoka effetti tal-għaġeb.

 

L-għassies ħaseb li l-ħabsin kienu ħarbu, u kien se jneħħi ruħu b’idejh, għax l-għassiesa kienu jħallsu b’ħajjithom stess jekk jaħarbilhom ħabsi; imma Pawlu jgħidlu b’leħen għoli: “Aħna lkoll hawn!” (Atti 16:27-28). Allura dak jistaqsih: “Sinjuri, x’għandi nagħmel biex insalva?” (v. 30). It-tweġiba hi: “Emmen fil-Mulej Ġesù, u ssalva int u l-familja tiegħek” (v. 31). U hawn li sseħħ il-bidla: fil-qalba tal-lejl, l-għassies jisma’ l-kelma tal-Mulej, hu u l-familja tiegħu, jilqalill-Appostli, jaħslilhom il-ġrieħigħax kienu ġew imsawta bil-bsaten – u flimkien ma’ niesu rċieva l-Magħmudija; imbagħad, “feraħ man-nies kollha ta’ daru talli kien emmen f’Alla” (v. 34), ħejja l-mejda u stieden lil Pawlu u Sila jibqgħu magħhom: il-mument tal-faraġ! Fil-qalba tal-lejl ta’ dan l-għassies anonimu, id-dawl ta’ Kristu jibbrilla u jxejjen id-dlamijiet: jaqgħu l-ktajjen tal-qalb u fih u fil-familjari tiegħu jwarrad ferħ li qatt ma kien ħass qabel. Hekk l-Ispirtu s-Santu qed jagħmel il-missjoni: mill-bidu, minn Għid il-Ħamsinil quddiem hu l-protagonista tal-missjoni. U jmexxina ’l quddiem, jetħieġ inkunu fidili għall-vokazzjoni li l-Ispirtu s-Santu jqanqalna biex ngħixu. Biex inwasslu l-Vanġelu.

 

Nitolbu anki llum lill-Ispirtu s-Santu qalb miftuħa, sensibbli għal Alla u ospitabbli lejn l-aħwa, bħal dik ta’ Lidja, u fidi qalbiena, bħal dik ta’ Pawlu u ta’ Sila, u anki ftuħ tal-qalb, bħal dak tal-għassies li jħalli lill-Ispirtu s-Santu jmissu.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard