Kelmtejn tal-Qdusija Tiegħu lill-morda u persuni b’diżabbiltà fl-Awla Pawlu VI fil-bidu ta’ l-Udjenza Ġenerali

 

L-għodwa t-tajba!

 

Insellmilkom ilkoll.  L-udjenza tal-lum sa tinżamm f’żewġ postijiet: hawn u fil-pjazza.  Billi t-temp deher xi ftit ikrah, iddeċidejna li intom toqogħdu hawn ġew, bil-kwiet, iżjed komdi, u taraw kollox fuq l-iskrin il-kbir.  Grazzi ħafna ta’ din iż-żjara u nitlobkom titolbu għalija.  Il-mard hu ħaġa kerha, u veru li hemm it-tobba – huma bravi! –, l-infermiera, il-mediċini, kollox, imma dejjem jibqa’ ħaġa kerha.  Imma hemm il-fidi, il-fidi li tagħmlilna l-qalb, u dak il-ħsieb li jiġi f’moħħna lkoll: Alla marad minħabba fina, jiġifieri bagħat lil Ibnu, li ħa fuqu l-mard kollu tagħna, sas-salib.  U meta nħarsu lejn Ġesù bis-sabar tiegħu, il-fidi tagħna iktar tissaħħaħ.

 

U nimxu dejjem, imqar bil-mard tagħna, b’Ġesù magħna, b’Ġesù li jaqbdilna f’idejna.  Hu jaf x’inhi t-tbatija, Hu jifhimna u Hu jfarraġna u jagħtina l-qawwa.

 

U issa nagħtikom ilkoll il-barka tiegħi, nitlob lill-Mulej iberikkom u jkun magħkom.  Imma l-ewwel ejjew nitolbu lill-Madonna.

 

Sliema

 

Barka.

 



KATEKEŻI TAL-QDUSIJA TIEGĦU

 

Vjaġġ Appostoliku f’Kuba, l-Istati Uniti u l-Ġnus Magħquda

It-VIII Laqgħa Dinjija tal-Familji

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

L-udjenza tal-lum sa ssir f’żewġ postijiet: hawn fil-pjazza u anki fl-Awla Pawlu VI, fejn hemm miġburin ħafna morda li qed isegwuha minn fuq l-iskrin il-kbir.  Billi t-temp deher xi ftit ikrah, għażilna li huma jibqgħu taħt is-saqaf u hemm ikunu iżjed moħħhom mistrieħ.  Ningħaqdu magħhom u nsellmu lil xulxin.

 

Fl-aħħar jiem wettaqt il-vjaġġ appostoliku tiegħi f’Kuba u fl-Istati Uniti ta’ l-Amerika.  L-idea telqet mix-xewqa tiegħi li nieħu sehem fil-Laqgħa Dinjija tal-Familji, li ilha żmien ipprogrammata li ssir f’Philadelphia.  Dan in-“nukleu tal-bidu” twessa’ għal żjara fl-Istati Uniti ta’ l-Amerika u lis-sede ċentrali tal-Ġnus Magħquda, u mbagħad anki f’Kuba, li saret l-ewwel waqfa tal-vjaġġ.  Nesprimi mill-ġdid ir-rikonoxxenza tiegħi lill-President Castro, lill-President Obama u lis-Segretarju Ġenerali Ban Ki-moon għal-laqgħa li tawni.  Irrodd ħajr minn qalbi lil ħuti l-Isqfijiet u lill-kollaboraturi kollha għall-ħidma kbira tagħhom u għal imħabbithom lejn il-Knisja li mexxiethom.

 

Misionero de la Misericordia: hekk ippreżentajt ruħi f’Kuba, art mogħnija bi ġmiel naturali, kulturali u ta’ fidi.  Il-ħniena ta’ Alla hi ikbar minn kull ġerħa, kull kunflitt, kull ideoloġija; u b’din il-ħarsa ta’ ħniena stajt inħaddan miegħi lill-poplu kollu Kuban, fil-pajjiż u barra, lil hemm minn kull qasma.  Simbolu ta’ din l-għaqda qawwija tar-ruħ Kubana hi l-Verġni tal-Karità del Cobre, li sewwa sew mitt sena ilu ġiet ipproklamata Patruna ta’ Kuba.  Mort pellegrin fis-Santwarju ta’ din l-Omm tat-tama, Omm li tmexxina fit-triq tal-ġustizzja, tal-paċi, tal-libertà u tar-rikonċiljazzjoni.

 

Stajt naqsam mal-poplu Kuban it-tama li titwettaq il-profezija ta’ San Ġwanni Pawlu II: li Kuba tinfetaħ għad-dinja u d-dinja għal Kuba.  Xejn iktar għeluq, xejn iżjed abbuż tal-faqar, imma libertà fid-dinjità.  Din hi t-triq li tħeġġeġ il-qalb ta’ tant żgħażagħ Kubani: mhux it-triq ta’ l-evażjoni, tal-profitti rħisa, imma ta’ responsabbiltà, ta’ qadi lill-proxxmu, ta’ l-għożża għal min hu dgħajjef.  Mixja li tikseb qawwietha mill-għeruq Insara ta’ dan il-poplu, li bata ħafna.  Mixja li fiha inkuraġġejt fil-mixja tagħhom b’mod partikulari lis-saċerdoti u l-ikkonsagrati kollha, l-istudenti u l-familji.  L-Ispirtu s-Santu, bl-interċessjoni ta’ Marija Santissma, iwarrad iż-żerriegħa li xħitna.

 

Minn Kuba għall-Istati Uniti ta’ l-Amerika: kien passaġġ emblematiku, pont li għall-grazzja ta’ Alla qed jerġa’ jinbena.  Alla dejjem irid jibni l-pontijiet; aħna li nibnu l-ħitan!  U l-ħitan jiġġarrfu, dejjem!

 

U fl-Istati Uniti waqaft fi tliet tappi: Washington, New York u Philadelphia.

 

F’Washington iltqajt ma’ l-Awtoritajiet politiċi, in-nies komuni, l-Isqfijiet, is-saċerdoti u l-erwieħ ikkonsagrati, l-iżjed foqra u emarġinati.  Fakkart li l-akbar għana ta’ dak il-pajjiż u ta’ niesu jinsab fil-wirt spiritwali u etiku li għandu.  U hekk ridt nagħmlilhom il-qalb biex jissoktaw jibnu s-soċjetà fil-fedeltà lejn il-prinċipju fundamentali tagħha, jiġifieri li l-bnedmin kollha huma maħluqa minn Alla ndaqs u mżejna bi drittijiet inaljenabbli, li huma l-ħajja, il-libertà u l-ferħ.  Dawn il-valuri, komuni għal kulħadd, isibu fil-Vanġelu l-milja sħiħa tagħhom, kif uriet tant tajjeb il-kanonizzazzjoni ta’ Padre Junípero Serra, Franġiskan, evanġelizzatur kbir tal-Kalifornja.  San Junípero jurina t-triq tal-ferħ: immorru u naqsmu l-imħabba ta’ Kristu ma’ l-oħrajn.  Din hi t-triq tan-Nisrani, imma anki ta’ kull bniedem li għaraf l-imħabba: ma jżommhiex għalih imma jaqsamha ma’ l-oħrajn.  Fuq din il-bażi reliġjuża u morali twieldu u kibru l-Istati Uniti ta’ l-Amerika, u fuq din il-bażi huma jistgħu jissoktaw ikunu art tal-libertà, art li tilqa’ u tikkopera ma’ dinja iżjed ġusta u fraterna.

 

Fi New York stajt inżur is-Sede ċentrali ta’ l-Organizzazzjoni tal-Ġnus Magħquda u nsellem lil dawk li jaħdmu fiha.  Kelli laqgħat mas-Segretarju Ġenerali u l-Presidenti ta’ l-aħħar Assemblej Ġenerali u tal-Kunsill tas-Sigurtà.  Meta kellimt lir-Rappreżentanti tal-Ġnus, fuq l-istess passi tal-Predeċessuri tiegħi, ġeddidt l-inkuraġġiment tal-Knisja Kattolika lil dik l-Istituzzjoni u lir-rwol tagħha fil-promozzjoni ta’ l-iżvilupp u tal-paċi, billi fakkart b’mod partikulari fil-ħtieġa ta’ impenn waħdieni u attiv għall-għożża tal-ħolqien.  Tennejt ukoll l-appell tiegħi biex inwaqqfu u ma nħallux iseħħu iktar vjolenzi kontra l-minoranzi etniċi u reliġjużi u kontra l-popolazzjonijiet ċivili.

 

Għall-paċi u l-imħabba bejn l-aħwa tlabna fil-Memorjal ta’ Ground Zero, flimkien mar-rappreżentanti tar-reliġjonijiet, il-qraba ta’ tant vittmi u l-poplu ta’ New York, hekk għani fil-varjetajiet kulturali.  U għall-paċi u l-ġustizzja ċċelebrajt l-Ewkaristija f’Madison Square Garden.

 

Kemm f’Washington u kemm fi New York stajt niltaqa’ ma’ xi realtajiet ta’ karità u edukazzjoni, simboli qawwija tas-servizz enormi li l-komunitajiet Kattoliċi – saċerdoti, reliġjużi, lajċi – qed joffru f’dawn l-oqsma.

 

Il-qofol tal-vjaġġ kienet il-Laqgħa tal-Familji f’Philadelphia, fejn ix-xefaq twessa’ għad-dinja kollha, permezz tal-“priżma”, biex ngħidu hekk, tal-familja.  Il-familja, jiġifieri l-patt għammiel bejn raġel u mara, hi t-tweġiba quddiem l-isfida kbira tad-dinja tagħna, li hi sfida doppja: il-frammentazzjoni u l-omoġenizzazzjoni, żewġ estremi li jgħixu ma’ xulxin u jwieżnu wieħed lill-ieħor, u flimkien isawru l-mudell ekonomiku konsumistiku.  Il-familja hi t-tweġiba għax hi ċ-ċellula ta’ soċjetà li toħloq bilanċ bejn id-dimensjoni personali u dik komunitarja, u fl-istess ħin tista’ tkun il-mudell għall-aħjar tħaddim tal-ġid u tar-riżorsi tal-ħolqien.  Il-familja hi s-suġġett protagonista ta’ ekoloġija integrali, għax hi s-suġġett soċjali ewlieni, li fl-istess ġewwieni tagħha tħaddan iż-żewġ prinċipji bażilari taċ-ċiviltà umana fuq l-art: il-prinċipju tal-komunjoni u l-prinċipju tal-fekondità.  L-umaniżmu Bibliku jippreżentalna din l-ikona: il-koppja umana, magħquda u għammiela, imqiegħda minn Alla fil-ġnien ta’ din id-dinja, biex taħdmu u tħarsu.

 

Nixtieq minn qalbi nibgħat ir-radd il-ħajr tiegħi lil ħija Mons. Chaput, Arċisqof ta’ Philadelphia, għall-impenn tiegħu, il-qalb tajba tiegħu, l-entużjażmu tiegħu u l-imħabba kbira tiegħu lejn il-familja fl-organizzazzjoni ta’ dan l-avveniment.  Jekk taħseb fuqha, ma kienx b’kumbinazzjoni, imma providenzjali li l-messaġġ, anzi, ix-xhieda tal-Laqgħa Dinjija tal-Familji seħħet f’dan il-mument fil-ħajja ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika, jiġifieri tal-pajjiż li fl-aħħar seklu laħaq l-ogħla żvilupp ekonomiku u teknoloġiku mingħajr ma ċaħad l-għeruq reliġjużi tiegħu.  Issa dawn l-istess għeruq qed jitolbu minna li nibdew mill-ġdid mill-familja biex nerġgħu naħsbu u nibdlu l-mudell ta’ l-iżvilupp, għall-ġid tal-familja sħiħa tal-bnedmin.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard