IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 30 ta’ Awwissu 2017

 

It-Tama Nisranija – 32. Il-memorja tal-vokazzjoni ġġedded it-tama

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Illum nixtieq nerġa’ lura fuq tema importanti: ir-rabta bejn it-tama u l-memorja, b’riferiment partikulari għall-memorja tal-vokazzjoni. U bħala ikona se naqbad is-sejħa tal-ewwel dixxipli ta’ Ġesù. Fil-memorja tagħhom baqgħet hekk impressa din l-esperjenza, li xi ħadd niżżel saħansitra x’kienet is-siegħa: “Kien ħabta tal-għaxar siegħa” (Ġw 1:39). Ġwanni l-evanġelista jirrakkonta l-episodju bħala tifkira ċara ta’ żgħożitu, li baqgħet sħiħa fil-memorja tiegħu ta’ anzjan: għax Ġwanni kiteb dawn il-ħwejjeġ meta kien diġà mdaħħal fiż-żmien.

 

Il-laqgħa kienet seħħet qrib ix-xmara Ġordan, fejn kien jgħammed Ġwanni l-Battista; u dawn iż-żgħażagħ Galilej kienu għażlu lill-Battista bħala gwida spiritwali tagħhom. Jum wieħed ġie Ġesù, biex jitgħammed fix-xmara. L-għada għadda mill-ġdid, u allura l-Għammiedi – jiġifieri Ġwanni l-Battista – qal lil tnejn miż-żewġ dixxipli tiegħu: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla!” (v. 36).

 

U għal dawn it-tnejn din kienet ix-“xrara”. Ħallew lill-ewwel mgħallem tagħhom u telqu jimxu wara Ġesù. Huma u mexjin, hu dar fuqhom u għamlilhom il-mistoqsija deċiżiva: “Xi tridu?” (v. 38). Fil-Vanġeli Ġesù jidher bħala espert tal-qalb umana. F’dak il-ħin kien għadu kemm iltaqa’ ma’ żewġ żgħażagħ qed ifittxu, imħassbin imma b’mod tajjeb. Fil-fatt, liema żgħożija hi żgħożija sodisfatta, mingħajr mistoqsija li tagħmel sens? Iż-żgħażagħ li mhuma jfittxu xejn mhumiex żgħażagħ, diġà ħarġu bil-pensjoni, xjaħu qabel iż-żmien. Xi dwejjaq meta tara żgħażagħ diġà bil-pensjoni… U Ġesù, fil-Vanġelu kollu, fil-laqgħat kollha li jkollu fit-triq, jidher bħala dak li “jqabbad” il-qlub. Minn hawn toħroġ dik il-mistoqsija tiegħu li tipprova toħroġ ix-xewqa għall-ħajja u għall-ferħ li kull żagħżugħ iġorr f’qalbu: “X’qed tfittex?”. Anki jien illum nixtieq nistaqsi liż-żgħażagħ hawn fil-pjazza u lil dawk li qed isegwuna permezz tal-midja: “Int, li int żagħżugħ jew żagħżugħa, x’inti tfittex? X’qed tfittex fil-qalb tiegħek?”.

 

Is-sejħa ta’ Ġwanni u ta’ Indrì hekk titlaq: hi l-bidu ta’ ħbiberija ma’ Ġesù li hi hekk qawwija li twassalhom biex jgħixu ħajja u passjonijiet komuni ma’ tiegħu. Iż-żewġ dixxipli jibdew joqogħdu ma’ Ġesù u dritt jinbidlu f’missjunarji, għax meta tintemm dik il-laqgħa ma jerġgħux lura d-dar b’rashom mistrieħa: tant hu hekk li ħuthom – Xmun u Ġakbu – dlonk jidħlu huma wkoll f’din il-mixja. Marru għandhom u qalulhom: “Sibna l-Messija, sibna profeta kbir”: jagħtuhom l-aħbar. Huma missjunarji ta’ dik il-laqgħa. Kienet laqgħa li tant messitilhom qalbhom, tant jithennew dawn id-dixxipli li baqgħu jiftakru għal dejjem dak il-jum li dawwal u orjenta ż-żgħożija tagħhom.

 

Kif niskopruha l-vokazzjoni tagħna f’din id-dinja? Nistgħu niskopruha b’ħafna modi, imma din il-paġna tal-Vanġelu turina li l-ewwel indikazzjoni hi l-ferħ tal-laqgħa ma’ Ġesù. Żwieġ, ħajja kkonsagrata, saċerdozju: kull vokazzjoni vera tibda b’laqgħa ma’ Ġesù li jagħtina ferħ u tama ġdida; u jwassalna, anki billi jgħaddina minn provi u diffikultajiet, għal laqgħa dejjem iżjed sħiħa, tikber, dik il-laqgħa, iżjed kbira, il-laqgħa tagħna miegħu u dejjem lejn il-milja tal-ferħ.

 

Il-Mulej ma jridx irġiel u nisa li jimxu warajh kontra qalbhom, mingħajr ma jġorru f’qalbhom arja ta’ ferħ. Lilkom, li qegħdin hawn fil-pjazza, nistaqsikom – kull wieħed u waħda ħa jwieġeb lilu nnifsu – intom għandkom f’qalbkom arja ta’ ferħ? Ħa jistaqsi kulħadd: “Jien għandi fija, fil-qalb tiegħi, arja ta’ ferħ?”. Ġesù jixtieq persuni li daqu kif, li toqgħod miegħu jġib ferħ bla qies, li nistgħu nġeddu kull jum ta’ ħajjitna. Dixxiplu tas-Saltna ta’ Alla li ma jafx jifraħ, ma jistax jevanġelizza lil din id-dinja, hu bniedem imdejjaq. Insiru predikaturi ta’ Ġesù mhux billi nsinnu l-armi tar-retorika: int tista’ toqgħod tparla, u tparla, u tparla, imma jekk ma jkunx hemm ħaġa oħra… Kif insiru predikaturi ta’ Ġesù? Billi għajnejna jkunu jibbru bil-ferħ veru. Naraw tant Insara, anki fostna, li b’għajnejhom jgħaddulek il-ferħ tal-fidi: b’għajnejhom!

 

Għalhekk in-Nisrani – bħall-Verġni Marija – iħares il-fjamma tan-namur tiegħu: innamrati ma’ Ġesù. Veru, jiġu l-provi fil-ħajja, hemm mumenti li fihom irridu nibqgħu mexjin minkejja l-kesħa u l-irjieħ kontrina, minkejja tant imrar. Imma l-Insara jafuha t-triq li twassal għal dak in-nar qaddis li qabbadhom darba għal dejjem.

 

Imma, nitlobkom: ejjew ma noqogħdux nisimgħu mill-persuni delużi u mdejqa; ma nisimgħux min min jirrikkmandalna ċinikament biex ma nittamawx fil-ħajja; ma nafdawx f’min irid jitfilna kull ħeġġa għax jgħidilna li l-ebda biċċa xogħol ma timmerita s-sagrifiċċju ta’ ħajja sħiħa; ma nisimgħux minn dawk li qalbhom “xjaħet” u jridu jifgaw il-ħeġġa taż-żgħożija. Ejja mmorru għand ix-xjuħ li għandhom għajnejhom jiddu bit-tama! Ejja nikkultivaw utopji tajbin: Alla jridna noħolmu bħalu u miegħu, aħna u mexjin, attenti għar-realtà. Noħolmu dinja differenti. U jekk ħolma tintfielna, ħa nfittxu li nerġgħu noħolmuha mill-ġdid, nixorbu kollna tama mill-memorja tal-għeruq tagħna, ta’ dak il-ġamar li, forsi wara ħajja mhux daqshekk tajba, jinsab moħbi taħt l-irmied tal-ewwel laqgħa tagħna ma’ Ġesù.

 

Mela din hi d-dinamika fundamentali tal-ħajja Nisranija: niftakru f’Ġesù. Pawlu qallu hekk lid-dixxiplu tiegħu: “Ftakar fi Kristu Ġesù” (2 Tim 2:8); dan hu l-parir tal-kbir San Pawl: “Ftakar fi Kristu Ġesù”. Niftakru f’Ġesù, fin-nar tal-imħabba li bih jum wieħed ħarisna lejn ħajjitna bħala proġett ta’ tjieba, u ma’ din il-fjamma nġeddu t-tama tagħna.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard