ĠUBLEW STRAORDINARJU TAL-ĦNIENA

IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠUBILARI

Il-Ħamis 30 ta’ Ġunju 2016

L-Opri tal-Ħniena (ara Mt 25:31-46)

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Kemm drabi, matul dawn l-ewwel xhur tal-Ġublew, smajna min jitkellem dwar l-opri tal-ħniena! Il-lum il-Mulej qed jistedinna nagħmlu eżami serju tal-kuxjenza. Tajjeb, fil-fatt, li ma tinsew qatt li l-ħniena m’hix kelma astratta, imma stil ta’ ħajja: persuna li tista’ tkun ħanina jew tista’ ma tkunx ħanina; stil ta’ ħajja. Jien nagħżel li ngħix bil-ħniena jew nagħżel li ma nkunx ħanin. Mod titkellem fuq il-ħniena, mod ieħor tgħix il-ħniena. Biex ninqeda bi kliem San Ġakbu l-Appostlu (ara 2:14-17), nistgħu ngħidu: il-ħniena bla opri hi mejta fiha nfisha. Hekk hu tassew! Dak li jagħmel mill-ħniena ħaġa ħajja hu d-dinamiżmu kostanti tagħha biex toħroġ tiltaqa’ mal-ħtiġijiet u l-bżonnijiet ta’ dawk li għaddejjin minn tbatija spiritwali u materjali. Il-ħniena għandha għajnejn biex tara, widnejn biex tisma’, idejn biex terfa’ ’l fuq…

 

Il-ħajja ta’ kuljum tippermettilna mmissu b’idejna tant esiġenzi li jolqtu l-iktar persuni foqra u mġarrba. Minna hi mitluba din l-attenzjoni partikulari li twassalna biex nintebħu bl-istat ta’ tbatija u bżonn li fih jinsabu tant minn ħutna. Kull tant ngħaddu minn quddiem sitwazzjonijiet ta’ faqar traġiku u donnhom ma jmissulniex qalbna; kollox jibqa’ għaddej qisu qatt ma kien xejn, f’indifferenza li fl-aħħar iġġib lil dak li jkun ipokrita u, bla ma nintebħu, tiżviluppa f’għamla ta’ telqa spiritwali li lir-ruħ tagħmilha insensibbli u l-ħajja sterili. Il-persuni li jgħaddu, li jibqgħu mexjin fil-ħajja bla ma jintebħu bil-bżonn ta’ l-oħrajn, bla ma jaraw tant ħtiġijiet spiritwali u materjali, huma persuni li jgħaddu bla ma jgħixu, huma nies li ma jiswew xejn għall-oħrajn. Ftakruha tajjeb: min ma jgħixx biex jaqdi, ma jiswa xejn li jgħix.

 

Kemm hemm modi li bihom Alla juri ħniena magħna! Bl-istess mod, kemm uċuħ iduru lejna biex jiksbu ħniena. Min f’ħajtu daq il-ħniena tal-Missier ma jistax jibqa’ ma jħoss xejn quddiem il-ħtiġijiet ta’ ħutu. It-tagħlim ta’ Ġesù li smajna ma jħalliniex naħarbu: Kont bil-ġuħ u tmajtuni; kont bil-għatx u sqejtuni; kont għeri, barrani, marid, fil-ħabs u għentuni (ara Mt 25:35-36). Ma nistgħux noqogħdu nittratienu quddiem persuna li hi bil-ġuħ: hemm bżonn nagħtuha x’tiekol. Ġesù qed jgħidhulna dan! L-opri tal-ħniena m’humiex temi teoriċi, imma xhieda konkreta. Jobbligawna nxammru l-komma biex intaffu t-tbatija ta’ ħaddieħor.

 

Minħabba fil-bidliet tad-dinja globalizzata tagħna, ċertu faqar materjali u spiritwali tkattar fl-għadd: ejjew mela nagħmlu wisa’ għall-fantasija ta’ l-imħabba biex nindividwaw modi ġodda ta’ kif naħdmu. B’dan il-mod it-triq tal-ħniena ssir dejjem iżjed konkreta. Minna, mela, hu mitlub li nibqgħu ngħassu, biex ma jiġrilniex li, quddiem il-faqar li tipproduċi l-kultura tal-ġid, il-ħarsa ta’ l-Insara tiċċajpar u ma tibqax kapaċi timmira għall-essenzjal. Nimmiraw għall-essenzjal. Xi jfisser dan? Nimmiraw lejn Ġesù, inħarsu lejn Ġesù preżenti fl-imġewwaħ, fil-ħabsi, fil-marid, fl-għeri, f’dak li hu bla xogħol u jrid iżomm għaddejja l-familja. Nilmħu lil Ġesù f’dawn ħutna; naraw lil Ġesù f’min hu waħdu, imnikket, f’dak li jiżbalja u għandu bżonn ta’ xi parir, f’dak li għandu bżonn jimxi miegħU fis-skiet biex ma jħossux waħdu imma akkumpanjat. Dawn huma l-opri li Ġesù qed jitlob minna! Naraw lil Ġesù fihom, f’dawn in-nies. Għaliex? Għax hekk Ġesù jħares lejja, iħares lejna lkoll.

 

* * *

Issa ngħaddu għal ħaġa oħra.

 

Fl-aħħar ġranet il-Mulej tani li nżur l-Armenja, l-ewwel pajjiż li ħaddan il-Kristjaneżmu, fil-bidu tar-raba’ seklu. Poplu li, matul l-istorja twila tiegħu, ta xhieda tal-fidi Nisranija bil-martirju. Irrodd ħajr lil Alla għal dan il-vjaġġ, u nħossni grat ħafna lejn il-President tar-Repubblika Armena, lejn il-Catholicos Karekin II, lejn il-Patrijarka u l-Isqfijiet Kattoliċi, u lejn il-poplu kollu Armen li laqgħuni bħala pellegrin ta’ fraternità u ta’ paċi.

 

Fi żmien tliet xhur, jekk Alla jrid, sa nagħmel vjaġġ ieħor fil-Ġorġja u fl-Ażerbaan, żewġ pajjiżi oħra tar-reġjun Kawkasu. Ilqajt l-istedina li nżur dawn il-pajjiżi għal raġuni doppja: minn naħa ridt nivvalorizza l-għeruq qodma Nsara preżenti f’dawk l-artijiet – dejjem fi spirtu ta’ djalogu mar-reliġjonijiet u l-kulturi l-oħra – u min-naħa l-oħra nħeġġeġ għal tamiet u toroq ta’ sliem. L-istorja tgħallimna li l-mixja tal-paċi titlob determinazzjoni kbira u passi kontinwi, ibda minn dawk żgħar li jsiru ftit ftit fejn infittxu li nikbru, niltaqgħu ma’ xulxin. Propju għalhekk l-awgurju tiegħi hu li lkoll nagħtu l-kontribut tagħna għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni.

 

Bħala Nsara aħna msejħin insaħħu bejnietna l-komunjoni fraterna, biex nagħtu xhieda tal-Vanġelu ta’ Kristu u biex inkunu ħmira ta’ soċjetà iżjed ġusta u solidali. Għalhekk iż-żjara kollha għexnieha mal-Patrijarka Suprem tal-Knisja Appostolika Armena, li għal tlitt ijiem laqagħni f’daru bi mħabba ta’ l-aħwa.

 

Inġedded it-tgħanniqa tiegħi lill-Isqfijiet, is-saċerdoti, ir-reliġjużi u l-fidili kollha fl-Armenja. Il-Verġni Marija, Omm tagħna, tgħinhom jibqgħu sħaħ fil-fidi, miftuħa għal-laqgħa u ġenerużi fl-opri tal-ħniena. Grazzi.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard