IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

 

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 30 ta’ Mejju 2018

 

Katekeżi fuq il-Konfirmazzjoni. 2Is-siġill tal-Ispirtu

 

Għeżież ħuti,

 

Inkompli nitkellem fuq il-Konfirmazzjoni jew Griżma, u llum nixtieq nixħet dawl fuq “l-għaqda sħiħa ta’ dan is-Sagrament mal-bidu tal-ħajja Nisranija” (Sacrosanctum Concilium, 71).

 

Qabel ma jirċievu d-dilka spiritwali li tikkonferma u tqawwi l-grazzja tal-Magħmudija, il-kreżimandi huma msejħa jġeddu l-wegħdiet li darba għamlu l-ġenituri u l-parrinijiet tagħhom. Issa huma stess li se jistqarru l-fidi tal-Knisja, lesti li jwieġbu “nemmen” għall-mistoqsijiet li jagħmlilhom l-Isqof; lesti, b’mod partikulari, li jemmnu “fl-Ispirtu s-Santu, Mulej li jagħti l-ħajja, li b’mod speċjali [llum] ser jingħata [lilkom] bis-Sagrament tal-Griżma, kif ingħata lill-Appostli ngħar Għid il-Ħamsin” (Rit tal-Konfirmazzjoni, n. 26).

 

Billi l-miġja tal-Ispirtu s-Santu titlob qlub miġbura fit-talb (ara Atti 1:14), wara t-talba tal-komunità fis-skiet, l-Isqof, waqt li jifrex idejh fuq il-kreżimandi, jitlob lil Alla jwassab fihom l-Ispirtu s-Santu Paraklitu tiegħu. Wieħed hu l-Ispirtu (ara 1 Kor 12:4), imma hu jiġi għandna bl-għana tad-doni tiegħu: għerf, fehma, kunsill, qawwa, xjenza, pjetà u biża’ ta’ Alla (ara Rit tal-Konfirmazzjoni, nn. 28-29). Smajnieha s-silta mill-Bibbja li ssemmi dawn id-doni li jġibilna l-Ispirtu s-Santu. Skont il-Profeta Isaija (11:2), dawn huma s-seba’ virtujiet tal-Ispirtu msawba fuq il-Messija għat-twettiq tal-missjoni tiegħu. Anki San Pawl ifisser il-frott kotran tal-Ispirtu li huma “l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan” (Gal 5:22). L-Ispirtu, li hu wieħed, iqassam il-kotra tad-doni tiegħu li bihom tistagħna l-Knisja waħda: hu l-Awtur tad-diversità, imma fl-istess waqt il-Ħallieq tal-għaqda. Hekk l-Ispirtu jagħti dan l-għana kollu li hu differenti, imma fl-istess waqt joħloq l-armonija, jiġifieri l-għaqda ta’ dan l-għana spiritwali kollu li għandna aħna l-Insara.

 

Bi tradizzjoni li ilha ġejja minn żmien l-Appostli, l-Ispirtu li jwettaq il-grazzja tal-Magħmudija jingħata bit-tqegħid tal-idejn (ara Atti 8:15-17; 19:5-6; Lhud 6:2). Ma’ dan il-ġest bibliku, biex tesprimi aħjar it-tiswib tal-Ispirtu li jimla u jfawwar lil dawk kollha li jirċevuh, ma damitx ma żdiedet id-dilka biż-żejt ifuħ, imsejjaħ griżma,[1] li baqa’ jintuża sal-lum il-ġurnata, kemm fil-Lvant u kemm fil-Punent (ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 1289).

 

Iż-żejt – il-griżma – hu sustanza terapewtika u kożmetika, li tidħol fit-tessuti tal-ġisem u ddewwi l-ġrieħi u tfewwaħ il-membri tiegħu; għal dawk il-kwalitajiet tiegħu, is-simboloġija biblika u liturġika għażlitu biex bih tesprimi l-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu li jikkonsagra u jidħol fl-imgħammed, u hekk jagħnih bil-ġmiel tal-kariżmi. Is-Sagrament jingħata permezz tad-dilka tal-griżma fuq il-ġbin, imwettqa mill-Isqof bit-tqegħid tal-id u permezz tal-kelmiet: “Ħu s-siġill tad-Don tal-Ispirtu s-Santu”.[2] L-Ispirtu s-Santu hu d-don inviżibbli li hu mogħti lilna u l-griżma hi s-siġill viżibbli tiegħu.

 

Meta jirċievi fuq ġbinu s-sinjal tas-salib biż-żejt ifuħ, hekk l-ikkonfermat ikun jirċievi marka spiritwali li ma titħassarx, il-“karattru”, li jwaħħdu b’mod iżjed perfett ma’ Kristu u jagħtih il-grazzja li jxerred fost il-bnedmin il-“fwieħa t-tajba” (ara 2 Kor 2:15).

 

Ejja nerġgħu nisimgħu l-istedina ta’ San Ambroġ lill-ikkonfermati l-ġodda. Jgħidilhom hekk: “Ftakar mela li int irċevejt is-sinjal spiritwali […] ħares dak li rċevejt. Alla l-Missier immarkak bis-siġill tiegħu, Kristu l-Mulej wettqek u qiegħed f’qalbek ir-rahan tal-Ispirtu” (De mysteriis 7,42: CSEL 73,106; ara KKK, 1303). Hu don li jagħtina l-Ispirtu bla ma jistħoqqilna, li rridu nilqgħuh bi gratitudni, billi nagħmlu wisa’ għall-kreattività bla qies tiegħu. Hu don li rridu nħarsuh b’reqqa, noqogħdu għalih bil-ħlewwa, inħalluh jagħġinna, bħal xama’, bl-imħabba mkebbsa tiegħu, biex insiru “mera ta’ Ġesù Kristu fid-dinja tal-lum” (Eżortazzjoni appostolika Gaudete et exsultate, 23).

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 



[1] Din hi silta mit-Talba tal-barka taż-żejt: “Nitolbuk, għalhekk, Mulej, biex bil-barka tiegħek tqaddes dan iż-żejt, ħolqien tiegħek: ixħet fih il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, bis-setgħa wkoll ta’ Kristu tiegħek, li għall-isem qaddis tiegħu ssemmiet il-griżma, li biha għoġbok tikkonsagra għalik qassisin u slaten, profeti u martri. […] Agħmel li wara li jindilku b’din il-griżma li tqaddes, huma jeħilsu mit-taħsir tal-ewwel twelid, isiru tempju tal-kobor tiegħek, u jibdew ixerrdu madwarhom il-fwieħa ta’ ħajja tajba, li togħġbok” (Tberik taż-żjut, n. 22).

[2] Il-formula “ħu l-Ispirtu s-Santu” – “id-don tal-Ispirtu s-Santu” insibuha fi Ġw 20:22, Atti 2:38 u 10:45-47.