ĠUBLEW STRAORDINARJU TAL-ĦNIENA

IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠUBILARI

Is-Sibt 30 ta’ April 2016

Ħniena u Rikonċiljazzjoni

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Il-lum nixtieq nirrifletti flimkien magħkom fuq aspett importanti tal-ħniena: ir-rikonċiljazzjoni. Alla qatt ma naqas li joffri lill-bnedmin il-maħfra tiegħu: il-ħniena tiegħu juriha minn nisel għal nisel. Spiss naħsbu li d-dnubiet tagħna jbiegħdu lill-Mulej minna: fil-verità, meta nidinbu, aħna li nitbiegħu Minnu, imma Hu, meta jara li aħna fil-periklu, iktar jiġi jfittixna. Alla qatt ma jirrassenja ruħu għall-possibbiltà li xi persuna tibqa’ barra minn imħabbtu, imma dan bil-kundizzjoni li jsib fiha xi sinjal ta’ ndiema għall-ħażen li tkun għamlet.

 

Bil-qawwa tagħna waħidna ma jirnexxilniex nirrikonċiljaw ruħna ma’ Alla. Id-dnub hu tabilħaqq espressjoni ta’ ċaħda ta’ mħabbtu, bil-konsegwenza li ningħalqu fina nfusna, u nitqarrqu naħsbu li nistgħu nsibu libertà u awtonomija ikbar band’oħra. Imma ’l bogħod minn Alla ma jifdlilniex iżjed destinazzjoni lejn xiex nimxu, u minn pellegrini f’din id-dinja nispiċċaw niġġerrew ’l hawn u ’l hemm bla nafu fejn sejrin. Fi kliem iżjed sempliċi u komuni spiss ngħidu li meta nidinbu nkunu “nagħtu daharna lil Alla”. U hekk hu; id-dnub jara biss lilu nnifsu u hekk jippretendi li jista’ jagħmel kollox waħdu; għalhekk, id-dnub iwessa’ dejjem iżjed id-distanza bejna u bejn Alla, u dan jista’ jsir fondoq. Madankollu, Ġesù jiġi jfittixna bħal ragħaj twajjeb li ma jikkuntentax ruħu qabel ma jerġa’ jsib in-nagħġa l-mitlufa, kif naqraw fil-Vanġelu (ara Lq 15:4-6). Hu jerġa’ jibni l-pont li jgħaqqadna mal-Missier u bih nistgħu nerġgħu nsibu d-dinjità tagħna ta’ wlied. Bis-sagrifiċċju ta’ ħajtu reġa’ ħabbibna mal-Missier u raddilna l-ħajja ta’ dejjem (ara Ġw 10:15).

 

“Ħallu lil Alla jħabbibkom miegħu!” (2 Kor 5:20): il-karba ta’ l-Appostlu Pawlu lill-ewwel Insara ta’ Korintu, il-lum bl-istess qawwa u konvinzjoni tgħodd għalina lkoll. Ħa nħallu lil Alla jħabbibna miegħu! Dan il-Ġublew tal-Ħniena għal kulħadd hu żmien ta’ rikonċiljazzjoni. Tant persuni jixtiequ jirrikonċiljaw ruħhom ma’ Alla imma ma jafux x’jaqbdu jagħmlu, jew ma jħossuhomx denji, u ma jridux jammettu lanqas magħhom infushom. Il-komunità Nisranija tista’ u għandha tgħin biex dawn li jħossu n-nostalġija ta’ Alla jistgħu jirritornaw lejh b’mod sinċier. Fuq kollox, dawk li jwettqu “il-ministeru ta’ din il-ħbiberija” huma msejħa jkunu għodda doċli f’idejn l-Ispirtu s-Santu biex hemm fejn kotor id-dnub tista’ toktor fuq li toktor il-ħniena ta’ Alla (ara Rum 5:20). Ħadd m’għandu jibqa’ mbiegħed minn Alla minħabba fix-xkiel li jagħmlulu l-bnedmin! U dan jgħodd ukoll – u nisħaq fuq dan – għall-konfessuri – jgħodd għalihom –: nitlobkom, la tfixklux lil dawk il-persuni li jridu jerġgħu jitħabbu ma’ Alla! Il-konfessur għandu jkun missier! Qiegħed hemm f’isem Alla l-Missier! Il-konfessur għandu jilqa’ lill-persuni li jiġu għandu biex jirrikonċiljaw ruħhom ma’ Alla u jgħinhom fil-mixja ta’ din ir-rikonċiljazzjoni li qed jagħmlu. Hu ministeru hekk sabiħ: m’huwiex xi kamra tat-tortura, lanqas interrogatorju, le, hu l-Missier li jilqa’ għandu lil din il-persuna u jaħfrilha. Ejjew inħallu lil Alla jħabbibna miegħu! Ilkoll kemm aħna! Ħa tkun din is-Sena Mqaddsa ż-żmien it-tajjeb biex niskopru mill-ġdid il-bżonn tal-ħlewwa u tal-qrubija tal-Missier ħalli nerġgħu lura għandu b’qalbna kollha.

 

Meta nagħmlu esperjenza tar-rikonċiljazzjoni ta’ Alla nkunu nistgħu niskopru l-ħtieġa ta’ xejriet oħra ta’ rikonċiljazzjoni: fil-familji, fir-relazzjonijiet bejn il-persuni, fil-komunitajiet ekkleżjali, kif ukoll fir-relazzjonijiet soċjali u internazzjonali. Xi ħadd fl-aħħar jiem qalli li fid-dinja hawn iżjed għedewwa milli ħbieb, u naħseb li kellu raġun. Imma le, ejjew nibnu pontijiet ta’ rikonċiljazzjoni anki bejnietna, ibda mill-istess familja. Kemm aħwa tlewmu u tbiegħdu minn xulxin sempliċement minħabba xi wirt. Dan m’hux sew! Din is-sena hi s-sena tar-rikonċiljazzjoni, ma’ Alla u bejnietna! Ir-rikonċiljazzjoni fil-fatt hi wkoll servizz lill-paċi, lill-għarfien tad-drittijiet fundamentali tal-persuni, lis-solidarjetà u biex nilqgħu lil kulħadd.

 

Mela ejjew nilqgħu l-istedina u nħallu lil Alla jħabbibna miegħu, biex insiru ħolqien ġdid u nkunu nistgħu niddu bil-ħniena tiegħu fost ħutna, qalb in-nies.

 

Insellem lil dawk li qed jieħdu sehem fil-Ġublew tal-Forzi Armati u tal-Pulizija. Nilqa’ bil-ferħ lir-rappreżentanti tal-forzi armati u tal-pulizija, miġbura hawn minn tant partijiet tad-dinja, li ġew f’pellegrinaġġ Ruma fl-okkażjoni tal-Ġublew straordinarju tal-Ħniena. Il-forzi ta’ l-ordni – militari u pulizija – għandhom bħala missjoni tagħhom li jiggarantixxu ambjent fiż-żgur, biex kull ċittadin jista’ jgħix fis-sliem u s-serenità. Fil-familji tagħkom, fid-diversi ambjenti fejn taħdmu, kunu strumenti ta’ rikonċiljazzjoni, bennejja ta’ pontijiet li tiżirgħu l-paċi. Fil-fatt intom imsejħa mhux biss biex tipprevenu, tissorveljaw, jew iġġibu fi tmiemhom il-kunflitti, imma anki biex tagħtu sehemkom għall-bini ta’ ordni msejjes fuq il-verità, fuq il-ġustizzja, fuq l-imħabba u fuq il-libertà, skond id-defenizzjoni ta’ paċi li jagħti San Ġwanni XXIII fl-Enċiklika Pacem in terris (nn. 18 ss).

 

Li nżommu l-paċi m’hix xi biċċa xogħol ħafifa, fuq kollox minħabba l-gwerra, li tnixxef lil qlubna u tkattar il-vjolenza u l-mibegħda. Inħeġġiġkom biex ma taqtgħux qalbkom. Ibqgħu mexjin fil-fidi u iftħu qlubkom għal Alla l-Missier kollu ħniena li ma jegħja qatt jaħfrilna. Quddiem l-isfidi ta’ kuljum, ħallu tilma t-tama Nisranija tagħkom, li hi ċertezza tar-rebħa ta’ l-imħabba fuq il-mibegħda u tal-paċi fuq il-gwerra.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard