IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 30 ta’ Marzu 2016

 

12. Il-Ħniena tħassar id-dnub

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Il-lum nagħlqu l-katekeżi fuq il-ħniena fit-Testment il-Qadim, u dan nagħmluh billi nimmeditaw is-Salm 51, magħruf bħala l-Miserere.  F’din it-talba penitenzjali, qabel tintalab il-maħfra, tiġi l-istqarrija tal-ħtija, u min qed jitlob, huwa u jħalli l-imħabba ta’ Alla ssaffih, isir ħlejqa ġdida, li kapaċi jobdi, hu mimli bi spirtu qawwi u jrid ifaħħar lil Alla mill-qalb.

 

It-“titlu” li t-tradizzjoni antika Lhudija tat lil dan is-Salm jirriferi għas-sultan David u għad-dnub tiegħu ma’ Betsabea, mart Urija l-Ħitti.  Nafuha l-istorja.  Is-sultan David, imsejjaħ minn Alla biex jirgħa lill-poplu tiegħu u jmexxih fit-triq ta’ l-ubbidjenza għal-Liġi divina, jittradixxi l-missjoni tiegħu u, wara li jagħmel adulterju ma’ Betsabea, jibgħat lil żewġha għall-mewt.  Xi dnub ikrah!  Il-profeta Natan jikxiflu dnubu u jgħinu jagħraf il-ħtija tiegħu.  Hawn isseħħ ir-rikonċiljazzjoni ma’ Alla, fl-istqarrija ta’ dnubu.  U hawn David kien umli, kien kbir!

 

Min jitlob b’dan is-Salm hu mistieden jagħmel tiegħu l-istess sentimenti ta’ ndiema u ta’ fiduċja f’Alla li kellu David meta ntebaħ bid-dnub tiegħu u nidem u, anki jekk kien sultan, iċċekken bla ma beża’ jistqarr ħtijietu u jistqarr il-miżerja tiegħu quddiem il-Mulej, imma konvint miċ-ċertezza tal-ħniena tiegħu.  U ma kienx xi dnub żgħir, xi gidba ċkejkna, dak li kien għamel: kien għamel adulterju u qtil!

 

Is-Salm jiftaħ b’dan il-kliem ta’ supplika:

“Ikollok ħniena minni, o Alla, fi tjubitek;

fil-kobor tal-ħniena tiegħek

ħassar ħtijieti.

Aħsilni kollni mill-ħtija tiegħi;

naddafni mid-dnub tiegħi” (vv. 3-4).

 

L-invokazzjoni hi indirizzata lejn Alla tal-ħniena biex, imqanqal minn imħabba kbira bħal dik ta’ missier u ta’ omm, ikollu ħniena, jiġifieri jagħti l-grazzja, juri r-riżq tiegħu bi tjieba u komprensjoni.  Hi karba ħierġa mill-qalb lil Alla, li hu biss jista’ jeħles mid-dnub.  Jintużaw xbihat ‘plastiċi’ ħafna: ħassar, aħsilni, saffini.  F’din it-talba jidher il-bżonn veru tal-bniedem: l-unika ħaġa li tassew għandna bżonn f’ħajjitna hi dik li niġu maħfura, meħlusa mill-ħażen u mill-konsegwenzi tiegħu li jġibu l-mewt.  B’xorti ħażina, il-ħajja spiss iddewwaqna dawn is-sitwazzjonijiet; u qabel xejn huwa f’dawn il-mumenti li rridu nafdaw fil-ħniena.  Alla hu ikbar mid-dnub tagħna. Ma ninsewhx dan: Alla hu aqwa mid-dnub tagħna!  “Dun, ma nafx kif ħa naqbad ngħidlek, dnibt ħafna, dnibt bil-kbir!”.  Alla hu akbar mid-dnubiet kollha li nistgħu nagħmlu aħna.  Alla hu ikbar mid-dnub tagħna.  Ngħiduha flimkien?  Ilkoll flimkien: “Alla hu akbar mid-dnub tagħna!”.  Għal darb’oħra: “Alla hu akbar mid-dnub tagħna!”.  Darb’oħra: “Alla hu akbar mid-dnub tagħna!”.  U l-imħabba tiegħu hi oċean li fih nistgħu nintefgħu bla ebda biża’ li negħrqu: il-maħfra għal Alla tfisser li jagħtina ċ-ċertezza li Hu qatt m’hu ħa jitlaqna waħidna.  Tkun xi tkun il-ħtija tagħna li l-kuxjenza ċċanfarna biha, Hu xorta waħda hu dejjem akbar minn kollox (ara 1 Ġw 3:20), għax Alla hu akbar mid-dnub tagħna.

 

F’dan is-sens, min jitlob b’dan is-Salm ikun ifittex il-maħfra, jistqarr ħtijietu, imma meta jagħraf din il-ħtija, ikun jiċċelebra l-ġustizzja u l-qdusija ta’ Alla.  U mbagħad jitlob mill-ġdid il-grazzja u l-ħniena.  Is-Salmista jafda ruħu f’idejn it-tjieba ta’ Alla, jaf li l-maħfra divina għandha qawwa ikbar minn kull ħaġa oħra, għax toħloq dak li tgħid.  Ma taħbix id-dnub, imma teqirdu u tħassru; imma tħassru propju mill-għeruq tiegħu, mhux kif jagħmlu l-ħassiela meta neħdulhom xi libsa u jneħħu t-tebgħa.  Le!  Alla jħassar dnubna propju minn għeruqu, kollox!  Għalhekk il-penitent jerġa’ jsir safi, kull tebgħa titħassar u issa hu iżjed abjad mill-borra nadifa.  Aħna lkoll midinbin.  Minnu dan?  Jekk hemm xi ħadd fostkom li ma jħossux midneb, ħa jgħolli idu…  Ħadd!  Kollha midinbin.

 

Aħna midinbin, imma bil-maħfra nsiru ħolqien ġdid, imfawra bl-Ispirtu u mimlija bil-hena.  Issa tibda realtà ġdida għalina: qalb ġdida, ruħ ġdida, ħajja ġdida.  Iva, midinba maħfura, li lqajna l-grazzja divina, u nistgħu saħansitra ngħallmu lill-oħrajn kif ma jidinbux iżjed.  “Imma Dun, jiena dgħajjef, naqa’, nerġa’ naqa’”.  “Imma int jekk taqa’, erġa’ qum!  Qum!”.  Meta tfajjel ċkejken jaqa’, x’jagħmel?  Jgħolli jdejh lejn ommu, lejn missieru biex jerfgħuh.  Ejja nagħmlu l-istess!  Jekk int taqa’ fid-dnub minħabba d-dgħufija tiegħek, għolli jdejk: il-Mulej jeħodhom f’tiegħu u jgħinek tqum.  Din hi d-dinjità tal-maħfra ta’ Alla!  Id-dinjità li tagħtina l-maħfra ta’ Alla hi dik li nqumu, nieqfu dejjem fuq riġlejna, għax Hu ħalaq lir-raġel u lill-mara biex jibqgħu fuq riġlejhom.

 

Jgħid is-Salmista:

“Oħloq fija qalb safja, o Alla,

u spirtu qawwi ġedded fija.

[…]

Lill-midinbin ngħallem triqatek,

u l-ħatjin lejk jerġgħu lura” (vv. 12.15).

 

Għeżież ħuti, li għandna bżonn ilkoll kemm aħna hi din il-maħfra ta’ Alla, għax hi l-ikbar sinjal tal-ħniena tiegħu.  Don li kull midneb maħfur hu msejjaħ jaqsam ma’ kull wieħed u waħda mill-aħwa li magħhom jiltaqa’.  Dawk kollha li l-Mulej qegħdilna qrib tagħna, il-familja, il-ħbieb, il-kollegi, il-parruċċani… kollha huma, bħalna, tallâba tal-ħniena ta’ Alla.  Kemm hi ħaġa sabiħa li tħossok maħfur, imma anki int, jekk trid tkun maħfur, int ukoll trid taħfer.  Aħfer!  Ħa jagħtina l-Mulej il-grazzja li, bl-interċessjoni ta’ Marija, Omm il-ħniena, inkunu xhieda tal-maħfra tiegħu, li ssaffi l-qalb u tibdel il-ħajja.  Grazzi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard