IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 29 ta’ Mejju 2019

 

Katekeżi fuq l-Atti tal-Appostli: 1.

“Tahom ħafna provi li hu ħaj… ordnalhom… joqogħdu jistennew sa ma sseħħ il-wegħda tal-Missier” (Atti 1:3,4).

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Illum qed nibdew mixja ta’ katekeżi ġdida permezz tal-Ktieb tal-Atti tal-Appostli. Dan  il-ktieb tal-Bibbja, miktub min San Luqa l-evanġelista, ikellimna fuq il-vjaġġ – fuq vjaġġ: imma fuq liema vjaġġ? Fuq il-vjaġġ tal-Vanġelu fid-dinja u jurina l-għaqda mill-isbaħ bejn il-Kelma ta’ Alla u l-Ispirtu s-Santu li tniedi ż-żmien tal-evanġelizzazzjoni. Il-protagonisti tal-Atti huma sewwasew “koppja ħajja u effikaċi: il-Kelma u l-Ispirtu.

Alla “jibgħat fuq l-art il-kmand tiegħu u “bil-ħeffa tiġri l-kelma tiegħu” – jgħid is-Salm (147:15). Il-Kelma ta’ Alla tiġri, hi ħajja, issaqqi kull art li fuqha taqa’. U liema hi l-qawwa tagħha? San Luqa jgħidilna li l-kelma tal-bniedem issir qawwija mhux minħabba l-ħila retorika, li hi l-arti ta’ min kapaċi jitkellem tajjeb, imma grazzi għall-Ispirtu s-Santu, li hu d-dýnamis ta’ Alla, id-dinamika ta’ Alla, il-qawwa tiegħu, li għandu l-qawwa li jsaffi l-kelma, li jagħmilha ħabbara tal-ħajja. Ngħidu aħna, fil-Bibbja nsibu stejjer, kliem tal-bnedmin; imma x’inhi d-differenza bejn il-Bibbja u ktieb tal-istorja? Li l-kliem tal-Bibbja hu magħżul mill-Ispirtu s-Santu li jagħtihom qawwa kbira ħafna, qawwa differenti u jgħin biex dik il-kelma ssir żerriegħa ta’ qdusija, żerriegħa ta’ ħajja, tkun effikaċi. Meta l-Ispirtu jżur il-kelma tal-bniedem, din issir dinamika, bħal “dinamita, jiġifieri kapaċi tqabbad il-qlub u tħott l-iskemi, ir-reżistenzi u l-ħitan tal-firda, u hekk tiftaħ toroq ġodda u twessa’ l-konfini tal-poplu ta’ Alla. U dan se narawh matul dawn il-katekeżijiet, fil-ktieb tal-Atti tal-Appostli.

Dak li jagħti dak l-għana ħaj u dik il-qawwa lill-kelma tagħna ta’ bnedmin hekk dgħajfa, li tasal saħansitra biex tigdeb u biex taħrab mir-responsabbiltajiet tagħha, huwa biss l-Ispirtu s-Santu, li permezz tiegħu ġie mnissel l-Iben ta’ Alla; l-Ispirtu li dilku u wieżnu fil-missjoni tiegħu; l-Ispirtu li permezz tiegħu għażel lill-Appostli tiegħu u li ggarantixxa li l-aħbar li xandru tibqa’ qawwija u tagħmel il-frott, kif jiggarantixxi dan ukoll illum lix-xandir tagħna.

Il-Vanġelu jagħlaq bil-qawmien u t-tlugħ ta’ Ġesù fis-Sema, u n-nisġa narrattiva tal-Atti tal-Appostli titlaq proprju minn hawn, mill-ħajja kotrana bla tarf tal-Irxoxt li tgħaddi minn ġol-Knisja tiegħu. San Luqa jgħidilna li Ġesù “wara l-passjoni tiegħu dehrilhom u tahom ħafna provi li hu ħaj; f’erbgħin jum rawh kemm-il darba u kellimhom fuq il-ħwejjeġ tas-Saltna ta’ Alla” (Atti 1:3). L-Irxoxt, Ġesù Rxoxt jagħmel ġesti umani ħafna, bħal meta jaqsam l-ikel mad-dixxipli tiegħu, u jistedinhom jgħixu fiduċjużi li titwettaq il-wegħda tal-Missier: “titgħammdu bl-Ispirtu s-Santu.

Fil-fatt, il-magħmudija bl-Ispirtu s-Santu hi l-esperjenza li ddaħħalna f’komunjoni personali ma’ Alla u tagħtina sehem fir-rieda salfivika universali tiegħu, fejn niksbu d-don tal-parresia, il-kuraġġ, jiġifieri l-ħila li nxandru kelma “ta’ wlied Alla, u mhux biss ta’ bnedmin, imma ta’ wlied Alla: kelma ċara, ħielsa, qawwija, mimlija mħabba għal Kristu u għall-aħwa.

Għalhekk m’għandniex għax noqogħdu nissieltu biex niksbu jew nimmeritaw id-don ta’ Alla. Kollox hu mogħti lilna b’xejn u fil-waqt it-tajjeb. Il-Mulej jagħtina kollox b’xejn. Is-salvazzjoni ma tinxtarax, ma nħallsux għaliha: hi don mogħti b’xejn. Quddiem l-ansjetà tagħhom li jsiru jafu minn qabel iż-żmien li fih kellhom iseħħu l-ġrajjiet li hu ħabbar, Ġesù jwieġeb lid-dixxipli tiegħu: “Mhijiex biċċa tagħkom li tkunu tafu l-waqt u ż-żmien li l-Missier għażel bis-setgħa tiegħu. Imma meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, intom tirċievu l-qawwa, u tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha u s-Samarija u sa truf l-art” (Atti 1:7-8).

L-Irxoxt jistieden lid-dixxipli tiegħu biex ma jgħixux il-preżent anzjużi, imma jitħabbu maż-żmien, biex jagħrfu jistennew in-nisġa ta’ storja qaddisa li ma tiqafx imma tibqa’ miexja, dejjem miexja ’l quddiem; biex jagħrfu jistennew il-“passi“ ta’ Alla, Sid iż-żmien u l-ispazju. L-Irxoxt jistieden lid-dixxipli tiegħu biex ma “jiffabbrikawx huma l-missjoni, imma jistennew lill-Missier jagħti l-ħajja lil qlubhom bl-Ispirtu tiegħu, biex jistgħu jagħtu xhieda missjunarja li kapaċi ddawwal it-triq minn Ġerusalemm sas-Samarija u taqbeż il-konfini ta’ Iżrael biex tilħaq il-periferiji tad-dinja.

Din l-istennija, l-Appostli jgħixuha flimkien, jgħixuha bħala familja tal-Mulej, fil-kamra ta’ fuq jew iċ-Ċenaklu, li l-ħitan tagħha għadhom xhieda tad-don li bih Ġesù ngħata lid-dixxipli tiegħu fl-Ewkaristija. U kif jistennew bil-qawwa din id-dýnamis ta’ Alla? Billi jitolbu bla ma jaqtgħu, bħallikieku ma kinux ħafna imma wieħed biss. Jitolbu magħquda u b’perseveranza. Fil-fatt, huwa bit-talb li negħlbu s-solitudni, it-tentazzjoni, is-suspett, u niftħu qalbna għall-komunjoni. Il-preżenza tan-nisa u ta’ Marija, omm Ġesù, tintensifika din l-esperjenza: huma kienu l-ewwel li tgħallmu mill-Imgħallem kif jagħtu xhieda tal-fedeltà tal-imħabba u tal-qawwa tal-komunjoni li tegħleb kull biża’.

Nitolbu aħna wkoll lill-Mulej is-sabar li nkunu kapaċi ninstennew il-passi tiegħu, li ma nippruvawx “niffabbrikaw” aħna l-opra tiegħu u li nibqgħu doċli billi nitolbu, insejħu lill-Ispirtu s-Santu u nkabbru fina l-arti tal-komunjoni ekkleżjali.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard